Illum previous editions

illum 19 November 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/904003

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

illum | Il-Ħadd 19 ta' Novembru 2017 24 Rakkont Id-dar ta' Charlotte Wasalt quddiem il-bieb ta' dari u waqaft bilwieqfa nistrieħ miegħu. Lanqas biss flaħt nidħol ġewwa. Bilkemm stajt nieħu nifs. Ħassejtni mitluf. Imbellah. Ma kontx naf x'kont qed nagħmel. Serraħt moħħi mal-bieb kiesaħ tal-injam u żammejt mal-pum tar-ram b'idejja tirtogħod. Infqajt nibki. Kienu qatluhieli! Kienu qatluli lill-għażiża Charlotte! Qatt ma kont se nerġa' naraha. Ngħannaqha. U nbusha. Jew ngħidilha li nħobbha. Kont għadni b'saqajja maqtugħin bil-qatgħa li kelli fuqi! Bilkemm kont flaħt nasal s'hawn! Dak li kont għadni kemm rajt quddiem għajnejja kien tat-tkexkix. Ħarbitli karba minn fommi hekk kif deffist idi fil-but tal- lemin biex noħroġ il-mobajl ħalli nċempel lill-pulizija. Emmnuni... xħin rajt dik id- dehra quddiemi, lanqas naf kif kont ħrabt niġri 'l barra b'kemm kelli saħħa sakemm wasalt lura hawn. Lura quddiem dari. Ma kontx naf x'kont qed nagħmel. Iddajljajt in-numru tal- pulizija u bdejt nibki. Bilkemm kienu fehmuni x'ġara! Iżda wara ftit ħin, xħin ġew il-pulizija, fehmu kollox. Kont domt nistennieha xi siegħa sħiħa. Billi ma tantx konna noqogħdu bogħod minn xulxin, dejjem hekk konna niftehmu. U dakinhar... Dakinhar konna sejrin nieklu għaliex kellna l-anniversarju. Wara x-xogħol, kont ħadt doċċa ta' malajr, ilbist u qgħadt nistennieha qrib it- tieqa tas-salott. Bdejt inħares barra, lejn il-ħajja tan-nies, għaddejja tgħaġġel minn quddiem għajnejja. Kulħadd medhi b'ħajtu. Min għaddej jiġri wara x-xirja, min sejjer għal xi appuntament, min imgeddes fil-kowt minħabba l-borra li kienet qiegħda tagħmel f 'dawn l-aħħar jiem, min għaddej f 'xi karozza mikrija... Ma tantx kien qed jimpurtani x'kien qed jiġri hemm barra. Kelli seba' mitt sena sakemm naraha. Sakemm ngħannaqha miegħi. U nxomm ir-riħa tfuħ tagħha. Għajnejja kienu għaddejjin f 'sinfonija mit- tieqa lejn l-arloġġ tal-injam li kelli mdendel f 'nofs il-ħajt tas-salott u lura lejn it-tieqa. Il-ħoss tal-minutiera kien għaddej itektek ġmielu. Kien qed jidħol f 'qalbi. Kemm kienet ser iddum? Kien sar il-ħin. L-għażiża tiegħi Charlotte kienet għadha ma tfaċċatx! Mort għamilt grokk whisky. U stennejt aktar, nipprova niftakar fil-ħwejjeġ sbieħ li kienet tilbes u fit-takkuna għolja li kważi qatt ma kienet taqla' minn saqajha. Charlotte. L-għażiża tiegħi. Kienet diġà siegħa tard. Mingħajr ma indunajt kont ħadt iktar grokkijiet xorb u kelli rasi kważi xi ftit storduta. Ma kinitx toqgħod 'il bogħod, għalhekk l-ewwel ħsieb li daħal f 'moħħi kien li mmur nittawwal ħalli nara jekk hux kollox sew. Charlotte kienet toqgħod f 'dar kbira, enormi, eżatt fl-aħħar tat-triq. Kienet sfat iltima meta kienet żgħira, allura z-ziju tagħha kien ħa ħsieb jeħodha tgħix miegħu. U z-ziju kien raġel tat-tajjeb. Issa dan l-aħħar, peress illi kien xjaħ, kien mar minn jeddu jgħix f 'dar residenzjali lussuża fejn ma kien jonqsu xejn. U għajr is-sefturi li kienu jieħdu ħsieb kull esiġenza tagħha, Charlotte kienet baqgħet tgħix fid- dar ta' zijuha li skont hu, kienet ser tkun tagħha kompletament mal-mewt tiegħu. Dakinhar, it-triq qasira lejn id-dar tagħha kont rajtha twila. Ovvjament ma kellix għalfejn naqla' l-karozza. Kien il-bard u f 'nofs ta' triq, li kienet kemxejn mudlama, indunajt li lanqas biss kont tfajt ġakketta jew kowt fuqi. Bdejt nara d-duħħan ħiereġ minn ħalqi jew imnieħri kull darba li kont bdejt nieħu nifs 'il barra. Kien Diċembru. U l-Milied kien wara l-bieb. Imxejt bil-ħeffa. Għal mument kien ġieni ħsieb li forsi kont ser naħbat magħha f 'nofs triq, iżda xħin wasalt quddiem id-dar tagħha, bħal donnu indunajt li kien hemm xi ħaġa mhux f 'lokha. Ix-xatba ta' darha kienet miftuħa beraħ! U anke l-bieb! Dħalt 'il ġewwa mix-xatba u smajtha żżaqżaq mar- riħ li kien qed iżid ġmielu. Dawwart rasi lejn id-dar u bdejt inħoss għoqla fl- istonku tiegħi. U ġewwa... Xħin dħalt ġewwa, bdejt insejħilha. Is-soltu kien ikun hemm Karmen, is-seftura li kienet tieħu ħsieb tibqa' hemm billejl ħalli Charlotte ma tkunx waħedha. Iżda llejla, hekk malli rfist l-għatba u xrift 'il ġewwa indunajt li kien hemm dlam ċappa. Tgħid Karmen kienet raqdet? Tgħid Charlotte kienet insiet li llejla kellha tiltaqa' miegħi? Forsi kien ġie xi ħadd u nesa jagħlaq il-bieb prinċipali? "Charlotte?" kont sejjaħt, bejn għax bżajt nidħol aktar 'il ġewwa u bejn għax dejjem hekk kont nagħmel. Skiet. Dlam. Xejn iktar. Bla ma qgħadt naħsibha, bdejt nipprova nfittex l-iswiċċ tad-dawl, iżda billi ma kontx naf fejn kien qiegħed, ma stajt insibu mkien! Is-soltu dejjem Karmen kienet tixgħel. Dħalt. Ħassejt atmosfera stramba. Donnu kien hemm xi ħaġa mhux f 'postha. Bejn għax għajnejja bdew joqogħdu għad-dlam u bejn għax kont imdorri mmur naraha ta' spiss, għaddejt minn ġol-kċina u erħejtilha lejn it-taraġ ta' fuq u ġrejt tul il-kuridur bla nifs sakemm wasalt quddiem il-bieb ta' kamritha. Il-kamra tas-sodda ta' Charlotte. Tgħidulix għalfejn mort hemmhekk l-ewwel, imma l-istint hekk qalli nagħmel! U ftaħt... Ftaħt il-bieb. Sekonda waħda. Sekonda waħda kienet bidlitli ħajti! Fid-dawl baxx ta' lampa ċkejkna mixgħula biswit is-sodda, rajt lill-għażiża tiegħi... L-għażiża tiegħi Charlotte kienet mimduda fis-sodda wiċċha 'l isfel, bin-nokkli skuri jgħattulha l-imħadda kollha. F'dak id-dawl baxx stajt ninduna li l-gverta li kienet mgħottija biha, kienet mimlija demm u eżatt dak il- ħin rajt sikkina tleqq, għadha mwaħħla f 'daharha minn ġol-gverta! "Għażiża tiegħi... għażiża tiegħi..." bdejt inwerżaq. Kien propju dak il-ħin li għajnejja waqgħu fuq par ingwanti ħomor li kien hemm fuq sufan bil-kuxxini tal-bellus u bdejt nibża' li l-qattiel kien għadu jħuf ġewwa d-dar! Tkexkixt! Twerwirt! Bdejt inżomm mal-ħajt u nipprova noħroġ 'il barra mill-kamra. Saqajja bdew jogħtru u nżilt niġri isfel. Billi kien hemm xi dawl dieħel minn ġo tieqa minnhom, ħarsti għaddiet bi żbrixx minn fuq il-kalendarju li kien hemm fil-kċina. Ma kinitx dawritu. Kien għadu jimmarka x-xahar t'Ottubru. "Qalbi..." bdejt inhewden waħdi, hekk kif tlaqt niġri lejn il-bieb u sibt ruħi barra. Ma ħaristx lura. Ġrejt lejn il-bieb ta' dari. U ċempilt lill-pulizija. Kienu qatluhieli! Kienu qatluli lil Charlotte! "Fuq is-sufan tal-kamra kien hemm l-ingwanti ħomor..." kont qed ngħidilhom b'leħen maħnuq. "Se jkollna neħduk magħna, Edgar!" qalli l-ispettur, iħares lejja b'mod stramb, ipoġġi l-ktejjeb li kien ħa xi notamenti fuqu fil-but tal- qmis. It-tektik tal-arloġġ tal- injam kont qed nisimgħu amplifikat. Il-kamra, b'tlitt irġiel lebsin uniformijiet blu kienet qiegħda ddur quddiemi. "X'jiġifieri?" Inħsadt. X'ried jgħid biha? "Inti issa ejja magħna u tkun taf..." Il-pulizija ħaduni magħhom. Ma stajtx nifhem għalfejn. Kif. Jew x'fatta. Kulma kont naf hu li daħħluni fil-karozza tagħhom u ħaduni lura fid- dar ta' Charlotte. U bdejt nibża'. Ma kontx naf x'kienu qegħdin jaħsbu fuqi. U hi... Hi kienet hemm. U kullimkien kien mixgħul. Ħajja. Tħares lejja b'mod stramb eżatt bħalma kienu qegħdin iħarsu lejja huma. U jien ħassejtni xi ftit konfuż. Mhux ftit. Ħafna. "Kemm xrobt?" staqsieni l-pulizija. "Kemm xrobt whisky illejla?" "U le... mhux ħafna..." weġibthom. Bdejt inħossni nistħi. Nistħi quddiem Charlotte. "Ara kif ma kontx fis- sakra!" għidtilhom. Dħalt niġri fil-kċina lejn il- kalendarju u waqaft bilwieqfa quddiemu, b'subgħajja ppuntat lejh. "Ara!" għidtilhom. "Il- kalendarju qed jimmarka Ottubru mhux Diċembru! Rajtu! Rajtu fid-dlam!" Iżda kollha kemm huma ħarsu lejja. U lejn il- kalendarju. U qalbi għamlet tikk. Kont waqajt għaċ-ċajt. Il-kalendarju kien imdawwar fuq Diċembru! "Skużawni," għidtilhom, bilkemm ninstema' nitkellem. Dik il-ġurnata baqgħet f 'moħħi. Bqajt nhewden fuqha. Meta żżewwiġna jiena u Charlotte kont għamilt minn kollox ħalli nbigħu dik id- dar. Jien ma ridtx noqgħod fiha! Il-memorja ta' dik il- lejla baqgħet tberren f 'moħħi u żgur ma kontx ser inkun kuntent fiha! Kienet xtratha xi koppja żagħżugħa, koppja tat-tajjeb li riedu jibnu familja flimkien fiha. Dik id-dar. Dik id-dar li jiena kont nistkerrah. Iżda wara ħafna snin, ħadt ir-risposta tiegħi. Illum. Illum naf x'ġara dakinhar. Kienu qaluli li dakinhar immaġinajt. Kienu qaluli li dakinhar jiena kont xrobt. Kienu qaluli li kelli l-alluċinazzjonijiet. Imma le... Xejn minn dan. Ninsab hawn għand il- pulizija. Illum. Bagħat għalija l-ispettur. L-istess wieħed. L-istess spettur li għaxar snin ilu kien kważi għaddieni b'baħnan. U wrieni ritratt. Ritratt forensiku. Id-dar li kienet toqgħod fiha qabel Charlotte. "Dal-lejl, waqt li r-raġel tagħha kien qiegħed xogħol ta' billejl, daħal wieħed armat b'sikkina u qatilha..." qalli l-ispettur jigdem xufftejh. "Edgar, ara dan ir-ritratt... is-sikkina kienet għadha f 'daharha..." Tani r-ritratt f 'idi. Idu kienet qiegħda tirtogħod. Anke tiegħi. Anke tiegħi bdiet tirtogħod, hekk kif rajt ir-ritratt. Tfajla b'xagħarha nokkli mimduda rasha 'l isfel fuq is-sodda, bis-sikkina ġo daharha minn ġol-gverta. Fuq is-sufan maġenb is- sodda kien hemm par ingwanti ħomor fuq il- kuxxini tal-bellus. U llum... Illum qegħdin fix-xahar t'Ottubru. Eżattament għaxar snin wara. "Tista' tgħidilna x'rajt aktar dak il-lejl, Edgar?" Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 November 2017