Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1211427
26 sport 'Tagħtux kas nies li jgħajrukom għax qed tilagħbu sport tal-irġiel' CRISTIAN ANTONY MUSCAT Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-futbol? Missieri minn dejjem kien dilettant tal-futbol u minn età żgħira minn dejjem kien jogħġobni l-futbol u b'hekk bdejt nilgħab mal-klabb preżenti Mosta F.C. It- tim huwa mmexxi mill-headcoach tat-tim Raymond Sant, assistent kowċ huwa Joseph Grech, amministratur Josette Sant u l-kit manager Demis Micallef. Mingħajrhom kieku m'iniex qiegħda hawn u bl-għajnuna u l-kuraġġ tagħhom, saħħaħt il-karriera tiegħi. X'tikkummenta fuq dan l-aħħar staġun kemm tiegħek personali kif ukoll tat-tim tiegħek? Bħala staġun għat-tim tal-U19 huwa wieħed mill-aqwa. Personalment l-istaġun sejjer tajjeb ħafna kemm fl-U15, U19 kif ukoll mas-seniors. Hija esperjenza sabiħa immens. Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f 'pajjiżna, li l-futbol huwa biss addattat għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi? Jien nara li kull sport huwa addattat kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Vera li l-irġiel għandhom l-abbiltà aħjar minn tan-nisa imma li tilgħab b'dedikazzjoni u li tħobb l-isport jgħodd. X'tikkummenta fuq wieħed mill-imħuħ wara l-qawmien tal-futbol tan-nisa f 'dawn l-aħħar snin f 'pajjiżna, li huwa wkoll l-eks kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa, u li preżentament qed jokkupa l-kariga ta' Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa lokali, Pierre Brincat? Pierre Brincat huwa wieħed mill-aqwa kowċis u kieku ma kienx għalih il-futbol tan-nisa f 'Malta ma jeżistix bħalissa. Nirringrazzjah minn qalbi tas-sagrifiċċji li jagħmel għalina. Hemm xi logħbiet memorabbli li jibqgħu mmarkati b'ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa? Iva, it-Tlieta 28 ta' Jannar 2020 kelli logħba tas-seniors kontra Hibernians u rnexxieli niskorja l-ewwel gowl fl-istaġun. X'tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal- futbol tan-nisa f 'pajjiżna jew tħoss li tista' tagħmel iktar? Naħseb li l-MFA jagħmlu ħilithom kif jagħmel kulħadd. Fl-opinjoni tiegħi kieku nżidu iktar timijiet tan-nisa biex nikkompetu magħhom, kieku l-futbol tan- nisa jissaħħaħ iktar milli hu. Tikkunsidra l-possibiltà li fil-futur tmur tilgħab ma' xi tim barra minn Malta? Hija xewqa kbira tiegħi, għalhekk se nibqa' naħdem biex xi darba nilgħab ma' tim barani. Kif jirnexxilek tlaħħaq mal-iskola u mal- futbol? Mhux dejjem inlaħħaq max-xogħol peress li nilgħab ma' tliet kategoriji differenti, imma jekk ikolli xogħol għad- dar nipprova nlestih l-iskola ħalli mbagħad inkun ippreparata għat-taħriġ jew għal- logħba. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek? Qed inħares lejn il-futur tiegħi li xi darba naqta' xewqti u nilgħab ma' tim barrani u nkompli nsaħħaħ l-abbiltà tiegħi. Tħoss li l-media sportiva f 'pajjiżna tagħti biżżejjed pubbliċità lill-futbol tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prinċipali u importanti, li fihom ikun involut it-tim nazzjonali tan-nisa? Nistqarr li waqt tournaments importanti biss jinkludu t-tim nazzjonali tan-nisa. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis-serjetà l-futbol, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan. Għall-ewwel, ħa tkun naqra diffiċli sakemm tibdew tidraw. Ibdew pass pass, tgħaġġlux l-affarijiet. Tibżgħux tibdew il- karriera tagħkom tal-futbol. Ħa tiltaqgħu ma' nies li ħa jbiddlulkom ħajjitkom u jekk Alla jrid ikollkom karriera mill-aqwa u taqtgħux qalbkom. Tagħtux kas nies li jgħajrukom għax qed tilagħbu sport tal- "irġiel". Anzi wruhom l-abbiltà tagħkom u dik tkun ir-risposta tagħkom! IL-ĦADD 16 TA' FRAR 2020 • illum Yulya Carella - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-futbol tan-nisa f'pajjiżna f'dawn l-aħħar snin. Tifforma parti mit-tim tal-U15, tal-U19 u anke dak tal-kbar ta' Mosta. Tant kemm qed tispikka li fil-jiem li għaddew intgħażlet mill-MFA għal tournament, bit-timijiet parteċipanti jkunu Malta, l-Iskozja, Ġibiltà u l-Ażerbajġan