Illum previous editions

ILLUM 1 March 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1216527

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

Sharon Calleja 20 rakkont Id f'id I ż-żmien itir. Ma jistenna lil ħadd. Meta kont għadni żgħir, kont inħossni ħafif daqs rixa. Niġri qalb l-għelieqi, nittanta x-xemx għaddejja u nifraħ bix-xejn. Hekk malli bdejt nitfarfar mhux ħażin, moħħi beda jittajjar fuq in-nisa. Imbagħad kont iltqajt magħha. Ma' Belinda. Mill-ewwel darba li kont rajtha, kienet ġibditli l-attenzjoni mill-ewwel. Xagħarha kien twil, skur u lixx, għajnejn kbar, sbieħ u ħaddejha ruxxana qisha kienet għadha ġejja minn ġirja twila. Kellha figura rqiqa u pulita. Minnufih kienet fakkritni fi statwetta sabiħa li kellha nannti fl-intrata tad-dar. Statwa li kienet l-isbaħ biċċa arti li qatt kont rajt! U hekk malli qbadt noħroġ magħha, bdejt inrabbi l-għaqal. Ma bqajtx niggosta x-xorb. U lanqas il-ħbieb. Ridtha għalija biss. Ingawdiha. Inħobbha. U hekk għamilt. Xi tliet snin wara li konna ltqajna l-ewwel darba, morna quddiem l-artal, tajna l-kunsens lil xulxin f 'kappella żgħira u ċċelebrajna l-imħabba tagħna. Il-ħajja kienet sabiħa. U darba fost l-oħrajn, kont rajtha xi ftit differenti iżjed mis-soltu. Kienet ġiet ħdejja. Dawk il-ħaddejn familjari u ruxxana, dakinhar kienu jidhru bojod iżjed mis-soltu. "Għandi xi ħaġa x'ngħidlek," kienet qaltli. Fil-bidu bilkemm kont innotajtha. Bilkemm kont intbaħt li riedet tgħidli xi ħaġa mportanti. Iżda hekk malli morna t-tnejn li aħna fil-kċina tad-dar u poġġiet bilqiegħda quddiemi, indunajt li idejha kienu mqabbdin mad-dublett iffjurit li kienet liebsa, saqajha kienu qegħdin jirtogħdu u kellha xufftejha mibrumin 'il fuq. Ħarist lejha u stennejt dak li kellha xi tgħidli. "Albert," qaltli b'leħen jinstema' kemmxejn vulnerabbli iżjed mis-soltu. "Mhux ser noqgħod indur mal-lewża." Għal mument, ħsibtha li kienet ser titlaqni. Forsi kienet imdejqa miegħi? Għal dak il-frazzjon ta' mument, elf ħsieb beda għaddej quddiem moħħi. U kont diġà bdejt naħseb kif kelli nġib ruħi kieku Belinda kellha titlaqni. Kieku kif stajt ngħix? Ħajti kienet imdawra ma' tagħha. Ħsibijieti kienu l-ħin kollu fiha. U idi kienet dejjem tfittex lil tagħha. Speċjalment fuq is-sodda. L-aħħar ħaġa li konna nagħmlu ta' kuljum filgħaxija. Norqdu id f 'id. "Jaqaw xbajt miegħi?" staqsejtha b'leħen instabbli, bilkemm jinstema' sew, xi ftit maħnuq. U tbissmet. Ma kontx naf għalfejn kont sirt inħobbha daqshekk. Belinda kixfet snienha u tbissmet bil- qalb. "Fejn sejjer b'rasek, Albert?" staqsietni, tidher xi ftit mifxula. Qamet bilwieqfa, ġiet ħdejja u qabditli jdejja. Idi f 'idha. "Jiena tqila," qaltli b'vuċi ħelwa. U għamilt xi żewġ minuti b'rasi baxxuta lejn l-art, mingħajr lanqas biss ma ċċaqlaqt. Imbagħad rajt id-dmugħ tiegħi stess jaħbat mal-madum tal-art, rajt lil Belinda nieżla kokka quddiemi u poġġiet rasi ma' sidirha, tieħu nifsijiet fondi. Kienet qiegħda tibki hi wkoll. U dak il-lejl, il-ferħ li kelli f 'qalbi, ma stajtx infissru. Kien ser ikollna tarbija! Jiena u l-għażiża tiegħi! U eżattament tmin xhur wara skoprejt x'kien is-sinjifikat tal-ħajja, hekk kif qgħedt lil binti għall-ewwel darba f 'idejja. Dawk l-idejn ċkejknin. L-għajnejn żgħar. Ix-xufftejn ħelwin. Ġilda ruxxana bħal ta' ommha. Semmejnieha Clarisse. U warajha ġew tnejn oħra. Jiena u Belinda kellna tlett itfal. Tlett ibniet. U llum il-ġurnata, naf li għandi għal xiex inħossni kburi. Kburi bihom. Imma x'inhi eżattament il-ħajja? Min minnkom jaf is-sinjifikat ta' veru tagħha? Għalxiex ngħixu? X'inhu l-iskop? Iż-żmien gerbeb. Il-kmamar fejn konna noqogħdu, dehru aktar qodma. Żdiedu x-xquq fil- fili tal-ħitan, l-injam ma baqax jidher ġdid, iż-żebgħa kien tqaxxar sew, it-tfal kienu tfarfru... Daqqa xita. Daqqa xemx. Riħ. Sħab. Nida. U dal-lejl kelli ħolma kerha. Kont qed inhewden b'xufftejja mbexxqin. Ħassejt l-għaraq ixoqq għalija hekk kif stenbaħt qabel il-pater noster. Smajt ir-riħ ivenven minn wara l-ħġieġ tat-twieqi. Rajt id-dlam dieħel f 'forma ta' dellijiet minn barra u ħassejt xi ftit bard. U qomt. Qomt bilqiegħda f 'soddti. Xejn ma kien għadu kif kien qabel. Għal mument, ħarist madwar il- kamra tas-sodda u stajt nisma' l-biki tat-tfal meta kienu għadhom trabi. Stajt narahom kważi għadhom jiġru wara xulxin. Ħassejt li kien għadu kollox kif kien qabel. U mbagħad għafast il-lożor b'idejja. Le, xejn ma kien għadu kif kien dak iż-żmien. Kont qed inħossni waħdi. Kont qed inħossni dgħajjef. Kont xjaħt. Ma kontx għadni l-istess persuna ta' qabel. Maż-żmien kienu mietu l-ambizzjonijiet, kien intefa' l-kuraġġ, kont sirt naqta' qalbi saħansitra biex ninżel minn ġos-sodda għax saqajja ma kinux għadhom dak li kienu qabel. "Belinda?" sejjaħtilha. Minħabba li kelli xi kundizzjoni li ħadd minnhom ma kien fehemni sew x'kienet, kont ilni għal dawn l-aħħar snin norqod waħdi fuq is-sodda u ma ninżilx nagħmel pass. Belinda kienet torqod fis-sodda ta' maġenbi. Minħabba biċċa plakka li kienet iżżommni milli naqa' mal-art, ma kontx inkun nista' naraha sew. Saqajha biss kont nara. Taħt il-liżar tas- sodda ta' maġenbi. "Belinda?" erġajt sejjaħtilha. Imma billejl ma kinitx għadha tqum tara x'kont inkun irrid. Ma kinitx għadha tagħti kasi bħal qabel. Ħadd mit-tfal ma kien għadu jiġi jarana! Qatt ma kienu jkunu qegħdin hemm! Donnhom kienu nsewna! Kont bdejt inħoss li ħadd minnhom ma kien għadu jimpurtah minni. Issa għax kont sirt xiħ. Iva, missierhom kien xjaħ. U anke Belinda kienet saret ta' ftit kliem. Dejjem moħbija bil-maktur madwar wiċċha, bilkemm kienet tħares lejja, donnha tistkerraħni. Spiċċaw il-karezzi. Waqaf il-kliem sabiħ. Id- diskursati li kien ikollna. Imma kienet titmagħni. Kienet taħsilni. U kienet għadha torqod fuq is-sodda ta' ħdejn tiegħi. Imma xejn iżjed. Ma kinitx għadha tagħmel idha f 'idi. Kont qed inħossni waħdi. U kont ilni snin twal ġo dik l-imbierka sodda. "Umbrajtha s-sodda!" għedtilha dik l-għodwa. U bħas-soltu, wiċċha kien moħbi taħt il-maktur li kienet tilbes madwar wiċċha u ma komplietx miegħi. Dakinhar ħassejtni urtat! Iva, tgħidx kemm bdejt nirrabja miegħi nnifsi! X'jiġifieri? Għalfejn ma kinitx tweġibni? Żgur ma kinitx għadha tħobbni! U hekk malli ma bqajtx nisma' passi fid-dar, għamilt il-kuraġġ. Saqajja ma kinux għadhom jifilħuni. Imma llum... illum ridt nagħmilha! Bilmod iva. Imma rnexxieli. Qomt mis-sodda. Imxejt mal-għamara, inżomm b'idejja t-tnejn ħalli nkun ftit sod. Pass. Wara pass. Wasalt fil-kċina. "Belinda?" bdejt insejħilha. Silenzju. Belinda ma kinitx qiegħda hemm. Dak li rajt fil-kċina kexkixni! Iva, bellahni! Qatt ma mmaġinajt! Le, qatt! Erġajt mort lura lejn is-sodda, inżomm lura milli nibki. Ma ridtx nurihom. Le ma ridtx nurihom li kont naf. Ftit wara ġiet binti l-kbira. Libset maktur madwar rasha u tatni niekol. Wara ftit telqet. Imbagħad ġiet il-fustanija u ħaslitni kif setgħet fis-sodda, liebsa l-istess maktur, b'xagħarha miġbur taħtu. Aktar tard ġiet iż-żgħira u mingħajr ma ħallietni nara wiċċha sew, imteddet fuq is-sodda maġenbi. "Grazzi ta' dak kollu li għamilt għalija, Belinda," bkejt waħdi dakinhar fis-sodda, inħares lejn saqajn binti mimduda fuq is-sodda maġenbi u nżomm is-santa ta' marti Belinda f 'idejja. Is-santa tal-mewt tagħha li kienet ġrat xi snin qabel. Ħadd minnhom ma ried jurini b'dak li kien ġara. Imma issa kont indunajt. "Orqod," qaltli binti, hekk kif għamlet idha f 'idi. "Il-lejl it-tajjeb, Belinda," lissint bil- mod. IL-ĦADD 1 TA' MARZU 2020 • illum

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 March 2020