Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1283579
18 opinjoni IL-ĦADD 30 TA' AWWISSU 2020 • illum Carmel Cacopardo Id-dibattitu dwar l-Istrateġija Ambjentali Nazzjonali Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u Timothy Alden huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku I l-persuna umana hi parti inte- grali tal-ekosistema. Ilkoll kemm aħna niffurmaw parti minn dak li hawn madwarna. M'aħniex parti mill-ekonomija, għax l-ekonomija hi l-mod kif norganizzaw ruħna, imma l-eko-sistema hi dak li jagħmilna, id- DNA tagħna. Huwa dwar dan li għandha tittratta l-istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent għall-2050 li qed titfassal mill-ERA – l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Rizorsi. L-istrateġija, preżentement soġġetta għal konsultazzjoni, hi intitolata "Wellbeing First". Strateġija li hi mfassla bl-Ingliż u tinjora lill-ilsien nazzjonali! Insult kontinwu min-naħa tal- amministrazzjoni pubblika lill-ilsien Malti. Filwaqt li l-kwalità tal-ħajja hi ta' importanza kbira, strateġija ambjentali antropoċentrika, jiġifieri strateġija imfassla madwar il-bniedem, ma tagħmilx sens. Politika ambjentali antropoċentrika tħares sal-ponta ta' mneħirha u bl-ebda mod ma tħares il- kwalità tal-ħajja. Il-politika ambjentali għandha tkun ekoċentrika, jiġifieri għandha tkun imfassla fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ekoloġiku fih innifsu. Jeħtieġ li din l-istrateġija tiffoka fuq ekoloġija b'saħħitha, ħielsa mill-ħidma mniġġsa tal-bniedem. Ekoloġija b'saħħitha twassal minnha innifisha għal kwalità tal-ħajja aħjar ukoll. Iċ-Chairperson tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, Victor Axiaq, fid- daħla għad-dokument ta' konsultazzjoni jenfasizza li għadna ma tgħallimniex ngħixu fil-limiti dettati mill-ekoloġija. Ovvjament, bħala riżultat tas-sehem tiegħu fil-ħidma tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar tul dawn l-aħħar seba' snin, għandu esperjenza diretta ta' kif dawn il- limiti ġew imġebbda bla limitu. Jeħtieġ li din attitudni tinbidel bla iktar dewmien. Il-kilba għal tkabbir ekonomiku bħala mira politika ewlenija hi f 'konflitt mal-fatt li r-riżorsi tad-dinja huma limitati u ma ekosistema fraġli li minnha niffurmaw parti u niddependu għall- eżistenza tagħna. Filwaqt li t-tkabbir ekonomiku suppost li jwassal għall- prosperità, minflok tana t-tibdil fil- klima, li qed tiħrax, insigurtà dwar sorsi ta' enerġija, prezzijiet li telgħin mas-sema, biodiversità li qed tikkrolla, aċċess li dejjem jonqos għall-ilma u inugwaljanza fuq livell globali li sejra għall-agħar. Dawn huma problemi ma nistgħux ngħadduhom lill-ġenerazzjoni ta' warajna. Il-progress jitkejjel permezz tal Prodott Gross Nazzjonali (GDP), imma dan ikejjel kollox ħlief dak li hu rifless ta' kwalità ta' ħajja aħjar. Il-Prodott Gross Nazzjonali jikkonċerna ruħu mill-ġid materjali u jinjora saħħitna, l-edukazzjoni ta' uliedna, is-sigurtà fit-toroq tagħna, it- tessut soċjali tas-soċjetà tagħna, l-istat tal-familji tagħna, il-ħerba kkawżata mill-mibgħeda ……………. Il-GDP jinkludi l-produzzjoni tal- armi u l-qerda ambjentali li sseħħ kontinwament f 'isem il-"progress" kif ukoll programmi fuq it-televiżjoni li jigglorifikaw il-vjolenza biex ibiegħu l-ġugarelli lill-uliedna. Ir-riżorsi tad-dinja huma limitati u għaldaqstant ma nistgħux nibqgħu noħolmu fi tkabbir ekonomiku li ma jispiċċa qatt. Hemm limiti prattiċi għat- tkabbir liema limiti għandhom iwasslu, lil dawk li jippjanaw l-ekonomija, biex jaqtgħu r-rabta bejn il-prosperità u t-tkabbir ekonomiku. Id-dokument konsultattiv ifittex li jiggwida d-dibattitu pubbliku biex dan jiddentifika l-oġġettivi fit-tul tal- Istrateġija Nazzjonali Ambjentali. Ġaladarba dan ikun seħħ, imbagħad, l-ERA tkun f 'pożizzjoni li tiżviluppa pjani nazzjonali biex dawn l-oġġettivi jkunu jistgħu jintlaħqu. Għandu jkun ċar għal kulħadd li nistgħu noqorbu lejn futur sostenibbli biss meta nibdew nirrispettaw lill- ekosistema mingħajr eċċezzjonijiet. L-ekosistema għandha l-limitazzjonijiet tagħha u bihom tiddetermina safejn nistgħu naslu. Jekk ninjoraw dawn il-limiti, dak kollu li jiġri hu tort tagħna. Din hi l-isfida tagħna li teħtieġ illi tkun indirizzata mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Ambjent. Nistgħu noqorbu lejn futur sostenibbli biss meta nibdew nirrispettaw lill-ekosistema mingħajr eċċezzjonijiet