Illum previous editions

ILLUM 13 September 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1287824

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 27

14 letteratura IL-ĦADD 13 TA' SETTEMBRU 2020 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Iżjed tifkiriet b'riħet il-folklor Tislima lil Bamboċċu mingħand it-Terr'maxka Għax tgħid dan l-aħħar donnu ġiet għall-folklor... jew aħjar għat-tifkiriet b'riħet il-folklor. Ftit tal-ġimgħat ilu fl-aħħar sibt biżżejjed ħin biex nifli iż-żewġ volumi etnografiċi tar-riċerkatur Steve Borg – Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom – li jirrakkonta l-ħajja ta' bosta Maltin u Għawdxin li twieldu fl- ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Kif żgur jiftakru l-qarrejja ta' din il- paġna ħadt ħsieb ukoll inġib dawn ir- riċerki għall-attenzjoni tal-pubbliku permezz ta' riflessjoni dwar il-memorja kollettiva. Dakinhar ma naqsux ukoll – kif minn xi daqqiet jiġri jien u nikteb dwar dak il- ktieb jew l-ieħor – il-memorji personali, it-tifkiriet tal-imgħoddi. Ftit jiem wara l-pubblikazzjoni tar- reċensjoni rigward il-ħidma ta' Borg tħabbret il-mewt tal-etnografa Marlene Mifsud Chircop. U mill-ġdid: għaraft il-ħtieġa – dejjem bejn tifkira personali u oħra – li nfakkar il-ħidma tagħha u ta' żewġha fir- riċerka folkloristika, b'mod partikulari dik dwar l-għana tal-fatt. Ftit jiem ilu, imbagħad, jien u nfittex qalb turrun kotba xi materjal bijografiku dwar id- drammaturgu Francis Ebejer, dlonk ġiet f 'idi bla ħsieb ġabra bilingwi ta' kitbiet akkademiċi rigward il-ħidma ta' Guido Lafranco – bijoloġista, studjuż tal-istorja naturali, lettur, xandâr u riċerkatur tal-kultura popolari Maltija, inkluża l-għana. Kif aċċennejt fiż-żewġ artikli dwar Borg u Mifsud Chircop, wieħed mill- punti tat-tluq tal-interess tiegħi f 'kulma jista' jingħadd b'Malti kien proprju l-ambjent tal-għannejja, sewwasew il- każin tal-futbol tal-Fgura. Dik il-ħabta, voldieri fis-snin disgħin, il-każin kien mikri għand l-għannej Fredu Abela magħruf bħala l-Bamboċċu. Dan l-għannej Żabbari għadu sal-lum, bla ma rrid, ifeġġ quddiem għajnejja kull darba li b'xi mod jew ieħor nidħol f 'kuntatt ma' materjal dwar il-folklor Malti, l-iżjed l-għana, sintendi. (Ġieli jiġri l-istess meta nisma' bl-isem Dom Mintoff, iżda dik storja għal darb'oħra.) Forsi għax ġaladarba n-nanniet irġiel tiegħi kienu laħqu miet tnejn qabel biss twelidt, kont infittex fih dak in-nannu li filfatt qatt ma kelli. (Bħalu hemm 'nannu' ieħor, did-darba mix-xaqliba ta' Ġorġ Borg Olivier, iżda anke dik storja għal darb'oħra.) Għandu mnejn ukoll għax kien fost l-ewwel anzjani Maltin illi fi ċkuniti rabba fija n-namra mal-ilsien Malti u l-bżiegħ mit-telf tal-kelma. Għaldaqstant segwejt b'interess kbir l-artiklu tal-mużikologa Anna Borg Cardona – It-Tradizzjoni tal-Għana u d-Daqq tal-Istrumenti fix-Xogħlijiet ta' Juann Mamo – li huwa l-uniku kontribut miktub bil-Malti li nsibu fil-ġabra The Examined Life: Writings in Honour of Guido Lafranco. Dan jagħmel parti minn kontribut li kienet tat matul il-Konferenza Juann Mamo li ttellgħet mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta' Malta bl-għajnuna tal-Ministeru għall- Edukazzjoni nhar is-26 ta' Ottubru 2013. Fil-paper tagħha Borg Cardona teħodna – bħalma għamel Steve Borg fil-volumi etnografiċi tiegħu – daqs mitt sena ilu lura, sewwasew lejn il-bidu tas- seklu għoxrin. Fil-biċċa l-kbira tagħmel dan permezz ta' żewġ kitbiet letterarji ta' Mamo, voldieri l-poeżija L-Għannej Qormi u l-Għannej Żejtuni: Meta Morna tal-Mellieħa (1913) u r-rumanz Ulied In-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31). L-istagħġib tiegħi jien u naqra dan l-istudju ġie mill-fatt illi lejn nofs is-snin disgħin kont sirt midħla tax-xogħol ta' Juann Mamo proprju bis-saħħa ta' dawn iż-żewġ kitbiet – sewwasew minn fomm il-Bamboċċu. Kienet l-hena tiegħu, l-iżjed meta l-kain kienu jitfaċċaw ċorma tfal "li ma jiggustawx il-għana", li jinfexx jgħanni din l-istrofa partikulari li tikkwota Borg Cardona mill-poeżija L-Għannej Qormi...: "Mogħdija taż- żmien sabiħa / tinsab fostna l-Maltin: / meta nqabblu l-poeżija / fuq kitarra u pastardin". Għad illi kien jaf min kien Mamo, aktarx minħabba l-popolarità tar- rumanz Ulied In-Nanna Venut fl- Amerka, il-Bamboċċu ftit li xejn kien midħla tal-kotba. (Bħalma kien jaf bi Francis Ebejer minħabba d-dramm L-Imnarja Żmien il-Qtil.) Għandi nifhem li dawn il-versi ta' Mamo kien tgħallimhom mingħand l-istudjuż tal-lessikografu de Soldanis illi fil-ħinijiet ta' filgħaxija spiss kien ipoġġi l-każin – karattru importanti ħafna fil-formazzjoni bikrija tiegħi f 'ħafna ħwejjeġ. Kien midħla ħafna, mill-banda l-oħra, ta' bosta użanzi strumenti u użanzi antiki li ssemmi Borg Cardona fil- kontribut tagħha għall-ġabra ta' kitbiet dwar Guido Lafranco. Kważi ma hemm xejn fil-kontribut tagħha li ġieli ma smajtx dwaru mingħandu: l-għajta sfurzata u b'leħen

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 September 2020