Illum previous editions

ILLUM 4 October 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1294558

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 27

06 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' OTTUBRU 2020 • illum Il-bejgħ u l-akkomodazzjoni l-aktar li jħaddmu, l-inqas li jħallsu u l-agħar li ntlaqtu mill-Covid-19 Il-Labour Force Survey ippubblikat din il-ġimgħa juri kif id-dħul medju fost 218,489 ħaddiem fix-xhur tal-pandemija kien ta' €1,491 - bl-akbar pagi jkunu fost il-maniġers u l-professjonisti ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-qasam tal-bejgħ bl-imnut (wholesale/retail) - u allura l-impjiegi kollha li huma b'xi mod jew ieħor relatati ma' ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben, aċċessorji (jew kwalunkwe ħanut) u aktar kif ukoll dak ta' trasportazzjoni, servizzi tal-ikel u akkomodazzjoni - huwa s-settur li jħaddem l-akbar numru ta' impjegati f 'Malta. Fil-fatt, skont, ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal- Istatistika (NSO) dan is-settur kien qed iħaddem b'kollox 71,835 ħaddiem, jew inkella 27.7% tal- ħaddiema kollha f 'Malta fit-tieni kwart tas-sena 2020 (bejn April u Ġunju). It-tieni l-akbar impjegatur f 'Malta huwa l-Gvern - u allura s-settur pubbliku li jinkludi wkoll skejjel, sptar, xogħolijiet pubbliċi u dawk kollha li joffru servizzi tal-Gvern. Hawnhekk, fl-istess perjodu, kienu qed jaħdmu 57,846 persuna mal-Gvern, li jammonta għal 22.3% tal-ħaddiema f 'pajjiżna. It-tielet l-akbar settur huwa l-manifattura u industrija oħra fejn, skont l-NSO, huma impjegati b'kollox 31,804 persuni jew 12.3% tal-ħaddiema kollha f 'pajjiżna. Interessanti l-fatt li minn dawn in-numri l-ħaddiema nisa jaqbżu lil dawk irġiel biss fis-settur pubbliku, fejn fit-tieni kwart tal-2020 kienu jaħdmu 34,185 mara filwaqt li kienu jaħdmu 23,661 impjegat raġel. Fil-każ tal-Bejgħ bl-Imnut, akkomodazzjoni u ikel, in-numru ta' ħaddiema irġiel jaqbeż bid- doppju dak tan-nisa, hekk kif hemm 46,454 raġel u 25,381 mara. Fil-manifattura wkoll in-numru ta' irġiel jaqbeż dak tan-nisa bil-kbir hekk kif huma biss kważi 7,000 mara li jaħdmu fis-settur minn total ta' 31,804 impjegati. L-iżgħar setturi f 'termini ta' xogħol huwa l-biedja/sajd u l-kostruzzjoni li tħaddem 14,275 persuna. L-akbar settur bl-inqas pagi u l-akbar daqqa 'l isfel fid-dħul tal- impjegati Interessanti iżda li wieħed meta qed janalizza dawn in-numri jirrealizza illi l-akbar settur huwa l-inqas li jħallas. Fil-fatt, skont iċ- ċifri tal-NSO, fil-qasam tal-bejgħ bl- imnut, akkomodazzjoni etc. il-paga medja matul dan il-perjodu kienet ta' €1,000 fix-xahar. Dan l-ammont jirrifletti, naturalment, il-pagi mnaqqsa minħabba l-pandemija imma jieħu kunsiderazzjoni wkoll tas-suppliment tal-paga mogħti mill-Gvern. Minkejja dan, jekk inħarsu lejn l-2019 u allura sena normali mil-lat ekonomiku, il-paga medja f 'dan is- settur matul l-istess xhur kienet ta' €1,359 - l-inqas mis-setturi kollha. Ta' min jinnota illi dawn il- ħaddiema - kif mistenni minħabba t-turiżmu u l-lockdown tal- maġġoranza tal-ħwienet - sofrew l-akbar daqqa f 'termini ta' dħul L-ogħla pagi waqt il-pandemija baqgħu dawk tal-ħaddiema fis-settur finanzjarju u tal- assigurazzjoni fejn il-medja tal- paga kienet ta' €2,161. B'€1,799 dan kien segwit mill-ħaddiema tal-Gvern u viċin ħafna b'€1,782 il- kostruzzjoni. 'Maniġers bl-akbar paga ... impjegati fi ħwienet, l-inqas' Meta wieħed imbagħad jaqsam in-numri f 'dak li jirrigwarda x-xogħol tal-ħaddiema Maltin, jirriżulta li l-akbar settur ta' ħaddiema huma dawk professjonisti b'total ta' 54,767 ħaddiem, li jirrapreżentaw 21.1% tal-ħaddiema kollha. Warajhom hemm l-impjegati fil- qasam tas-servizzi u bejgħ (51,657) u fit-tielet post jiġu t-tekniċi u professjonisti assoċjati (35,940). Mill-ġdid, l-inqas huma l-bdiewa u s-sajjieda li jammontaw għal madwar 2,000 persuna u warajhom imma b'qabża konsiderevoli hemm machine operators u ħaddiema tal-fabbriki, fejn hemm 13,584 ħaddiem. Meta wieħed iħares lejn il-pagi, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal- Istatistika, jirriżulta li l-Maniġers huma l-aktar li kellhom paga għolja bejn April u Ġunju ta' din is-sena b'medja ta' €2,551 fix-xahar. It- tieni l-aktar persuni mħallsin kienu l-Professjonisti b'€2,015 fix-xahar. L-aktar pagi baxxi matul dawn ix-xhur (Il-Wage Supplement inkluż) kienu fost dawk li jaħdmu fis-servizzi u dawk li jaħdmu fil- bejgħ b'medja ta' €966 fix-xahar. Mill-ġdid dan jirriżulta fi tnaqqis li probabbilment huwa riżultat tal- pandemija. Fl-2019 il-maniġers kellhom medja ta' dħul ta' €2,840 (tnaqqis ta' €289 fl-2020), il- professajonisti kellhom dħul medju ta' €2,161 (tnaqqis ta' €146 fl-2020) u fost dawk li jaħdmu fil-bejgħ/ servizzi l-paga medja kienet €1,113 (tnaqqis ta' €147 fl-2020). B'kollox, skont dawn iċ-ċifri, matul dawn ix-xhur kien hemm 218,489 persuna f 'impjieg full time u d-dħul medju kien ta' €1,491 fix- xahar. 48,000 aktar irġiel fis-suq tax-xogħol minn nisa ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Fit-tieni kwart tal-2020, skont ċifri tal- Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kien hemm 47,667 aktar irġiel fil-qasam tax-xogħol f 'impjieg full time, milli kien hemm nisa. Fil-fatt skont l-istess statistika bejn April u Ġunju tal-2020 kien hemm fis-suq tax-xogħol, f 'xogħol primarju, 153,595 raġel u 105,928 mara. Dan b'kollox jammonta għal 259,523 persuna li fil-fatt - minkejja l-pandemija - hija żieda marġinali ta' 7,000 persuna f 'impjieg. Jekk inħarsu lejn l-etajiet huwa ċar li l-akbar distakk huwa fost dawk li għandhom bejn 55 u 64 sena, fejn 67.8% huma ħaddiema rġiel u 37.7% huma nisa. L-eqreb imbagħad huwa fl-etajiet ta' bejn il-15 u 24 sena fejn 49.1% tal- ħaddiema huma rġiel u 46% nisa. Interessanti, minn dawn iċ-ċifri, illi 22.8% tan-nisa kollha li jaħdmu għandhom impjieg part time. Dan ifisser li 24,149 mara għandhom impjieg part time li huwa aktar mid-doppju tal-irġiel li għandhom dan it-tip ta' impjieg (7,182). Bejn l-2019 u l-2020 iżda n-numru ta' ħaddiema nisa li bdew jaħdmu full time żdiedu b'madwar 1,400 filwaqt li dawk li huma part time naqsu bi ftit aktar minn 3,000.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 October 2020