Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1313314
17 letteratura illum • IL-ĦADD 29 TA' NOVEMBRU 2020 jekk tiġi, jekk tiġi... u x'naf jien. Qatt ma ssgħobbija mill- artiklu, pjuttost pixxikalda, rigward in- negozzjoniżmu tiegħek fil-kwistjoni taċ- ċensura fuq il-letteratura. Għaltaxejn nibqgħu nfettqu: biex nerġa' nfisser ruħi mill-ġdid neħtieġ it sigħat milli ġejjin u dan l-ispazju kollu. Forsi darb'oħra, Oliver. Ngħidlek biss li bosta mill-ilmenti tiegħi kellhom ħafna mill-oġġezzjonijiet – uħud minnhom fil-fehma tiegħi validissimi – illi pirkażu kien ressaqlek, la diġà semmejnieh, seħibna Alfred Sant f 'Jannar tal-1980. Naf illi ħassbitek dak iż-żmien il-kwistjoni tal-artiklu L-Intellettwali u d-Dmugħ Sterilizzat, minkejja r-rispett tiegħek lejn Sant. Kun af illi lil Sant bqajt ngħożżu daqsek u iżjed, tant illi anke baqa' jħasseb, sal-lum, għad illi bħalissa donnu ħafna baqgħu mingħalihom, jaħasra, illi fl-aħħar għadda kollox u barra bid-daqq. Anke din kummiedja, nispera. Oliver, għaddew biss is-snin. Mill-bqija m'għadda xejn, la l-gwaj tal-bieraħtlula u lanqas tal-bieraħ. Aħna tfal li m'hemmx li nikbru. Ilkoll skantati ngħoddu l-ħin. Fis- saġġ tiegħu Il-Ħwejjeġ Kollha Possibbli Shestov kiteb hekk: "wara traġedja, il- farsa. Il-filosofija terġa' tikseb is-setgħat tagħha u l-art terġa' lura taħt saqajna". Ħożżha fl-ilma Prof. U issa li l-irwiefen reġgħu stenbħu... il-petali qed jaqgħu fuq il-mejda u rmied is-sigarett ħaraqli idi, u inti m'hemmx li tiġi. Kont qiegħed bil- biex, kif kienu jgħidu darek, ħalli ngħidlek "żarraddli das-siparju. Żarradli das-siparju ta' silenzju". La jibnazza ejja lura, kif kont wegħidtna. Iżda aħjar xejn. Għadni, iva, mela le, irrid nisraq imqar minuti, imqar sekondi... jekk tiġi, jekk tiġi, jekk tiġi. Imm'ar'insa kollox. Kollox. Insa wkoll, jekk trid, dal-elfejn kelma tiegħu. Taħlix fix- xejn id-dmugħ t'għajnejk illejla. Toqgħodx tinqala' terġa' tiġi tistienes hawnhekka hawn isfel magħna. Tħabbatx iżżejjed fuq qalb diġà ngħalqek għax tweġġa' idek. Nitolbok la tidħolx fl-ilma-qiegħed ta' din is-soċjetà. Bħal dak li qallu mhux biżżejjed, kif spjegalna Sartre f 'L-Essri u x-Xejn, li "ħaġa ċerta li ma nistgħux naħarbu minn diqatna għax anke aħna stess id-diqa". Forsi darb'oħra, Oliver. Forsi darb'oħra. Għal riħ bla xita kulma għedt lill-istudenti dwar "il-falsità ta' pajjiżna" u "dwar il- qerda mgħaġġla ta' kulma hu Malti", fit- taħdita li tajt daqs għoxrin sena ilu matul iċ-ċerimonja ta' jum il-gradwazzjoni. Tiġix 'l hawn. Tersaqx 'l hawn għaliex, bħalma għedtilhom int dakinhar, għadna nitlewmu fuq jekk aħniex Għarab jew inkella Ewropej u intant insejna għalkollox illi aħna Mediterranji. Agħar minn hekk, għad hawn "minn kull xorta ta' qżież". Mhux wisq il-qżież illi tant kien ikidd lil Dun Karm, iżda xorta waħda qżież. Għad "hawn ħafna nies mirfusa fuq din ir- roqgħa art". Għad hawn nies "li waqgħu fit-triq u li jintrifsu l-ħin kollu". "Il-verità u l-etikett għadhom sikwit għedewwa ta' xulxin". Għadna ambjent ormaj mibjugħ, meqrud, mgħarraq – "wirt naturali li ma jerġa' jiġi qatt". "Għad għadna pajjiż miġnun li qed jeqred lilu nnifsu". Għadna qisna "bażar li ssiblu minn kollox". Intant Malta ċkejkna baqgħet dejjem tiċkien mentri kulma jmur xorta baqgħu jikbru, sintendi, "ix-xewqa tal-uħ, tal-ħarba, imqar bid-droga". Kibru wkoll qatigħ "in- nervożiżmu u l-klawstrofobija". Għadna qegħdin ninfexxu f 'xulxin. Għadna "niżvugaw fil-vjolenza". Le, li kont minnek għalissa nqis qiesi, inkejjel b'xibri, ma niġi lura xejn. Ħallik mhux biss mill-folla Maltija iżda wkoll mill-Kelma ta' Malta. Immela ħallik ukoll mil-loġika, mill-estetika, mill-etika, mit-teoloġija, mill-metafiżika, mill- fenomenoloġija, mill-epistemoloġija, mill-bqija. U ħallik mill-eżistenzjalisti, minn dawka ż-żnażan ivenvnu fil-moħħ. Ħallik ukoll mill-Idea tal-Letteratura. Mid-Dizzjunarju ta' Termini Letterarji u l-Istudji Kritiċi Miġbura. Ħallik mill- kuxjenza nazzjonali. Fuq kollox, ħallik mill-qaħbeċ pulitka, ribell ġentili. M'hemmx ritorni eterni. M'hemmx amor fati. Mhux biżżejjed kiltu darba t-taraġ illi jieħdok lejn l-patibolu? Allura addiju kollox. Abbassu kulħadd. Għalija diġà biżżejjed illi mal-fanal, hemm barra – fis- sikta u fid-dalma – għad hemm ħarstek, tixgħel. Fis-suq tal-aħħar siegħa, taf int, tallab jaf jifraħ b'kollox... L-aħħar li tkellimna għedtli li kont qed tibki. Kont qed tibki għax għoġbitek ħafna t-traduzzjoni Taljana tiegħi tal-poeżija Eh Forsi. Imma issa anke jien qed nibki tafx, ili. Kos, ġa beda jroxx id-dlam u l-editur għadu kif qalli li sar il-ħin. In-nifs maqtugħ. Sraqtlek ħafna versi, kliem b'lura għadna daqs kemm il-kelma ktibt int... u inti m'hemmx li tiġi. Dan missni bsartu. Tgħidli qalbi anke din tiegħi kummiedja. Iżda ħabat tajjeb tafx, Oliver. Kiltu lsieni ngħid nixtieq nisraq imqar minuti, veru minn daqshekk. Iżda le, mhux għalissa, mhux dal-ħin, mhux illum. Nerħulhom itektku l-minuti. Dawk jafu x'għandhom jagħmlu, mhux bħalna. Ibqa' hemm fejn int. Ħu dal-Biljett ta' Suwiċida. Ħu dal- Pilloli tal-Irqad. Titħarrikx qabel xi darba, fl-annumaj, għad iseħħila nħalltu ismek ma' demmna biex jiġġedded maż-żmien. Sadattant, se nsakkar kullimkien u nżarma kollox... biex nidħol fis-silenzji tiegħek, biex nifrex il-lejl fuqek, biex tiem biss ir-ruħ... Il-bqija, forsi darb'oħra, Prof. Le, mhux issa. Forsi darb'oħra, Oliver, jekk tiġi, jekk tiġi, jekk tiġi... Oliver Friggieri