Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1318990
22 opinjoni IL-ĦADD 13 TA' DIĊEMBRU 2020 • illum Josianne Cutajar Nagħtu l-Milied it-Tajjeb lin-negozji Maltin u Għawdxin — billi nixtru mingħandhom Josianne Cutajar hija MEP f'isem il-Partit Laburista K ollha kemm aħna nafu li mindu faqqgħet il-pandemija f 'Marzu li għadda, in-negozji żgħar u medji tagħna ħadu daqqa finanzjarja enormi u li għadhom iridu jirkupraw sew minnha. Filwaqt li sa kważi sena ilu, it- turisti kienu joħonqulna t-toroq u l-irħula pittoreski ta' Malta u Għawdex, u anke jagħżlu li jixtru prodotti magħmula lokalment, fis-sajf ta' din is-sena u waqt il-ġimgħat li għaddew it li xejn rajna minn din il-kwalità ta' negozju. Il-festi tal-Milied jinsabu litteralment wara l-bieb — dan hu ż-żmien fejn ħafna mil-ħaddiema u n-negozji żgħar u medji tagħna jaraw il-frott ta' ħidmiethom fil-kummerċ akbar li jġibu magħhom dawn il-festi. Il-messaġġ tiegħi lilkom il- konsumaturi Maltin u Għawdxin f 'dan il-mument hu biex tagħmlu l-almu sħiħ tagħkom ħalli din is- sena tixtru l-prodotti u s-servizzi lokali mingħand in-negozji lokali tagħna. Ejjew nimu l-importanza li nappoġġjaw lin-negozji tagħna f 'dan il-mument diffiċli għalihom. Meta nwieżnu lilhom inkunu qed inwieżnu lil pajjiżna. Għal din ir-raġuni nehdejt kampanja Go4Local – biex f 'dan il-Milied inħeġġeġ sabiex nagħżlu l-prodotti u nappoġġjaw lin-negozji Maltin u Għawdxin li huma organu mill-aktar importanti fis-saħħa ekonomika ta' pajjiżna. Ftit tal-jiem ilu iltqajt u tkellimt ma' diversi sidien u ħaddiema ta' negozji lokali kemm fil-villaġġ tal-artiġjani f 'Ta' Dbieġi kif ukoll f 'dak ta' Ta' Qali — u lkoll stqarrew miegħi xi żmien diffiċli għaddejjin minnu. Meta bħalissa nixtru xogħol ta' snajja, ikel u xorb tradizzjonali, oġġetti maħdumin bl-idejn u prodotti oħra magħmulin fil-lokal, inkunu qed ngħinu b'mod mill-aktar dirett lil dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom sabiex jaqilgħu ħobżhom ta' kuljum. Ejja nżommu quddiem għajnejna li wara kull ħaddiem u ħaddiema tagħna hemm familja tistenna l-għajxien. Fil-laqgħa tiegħi ma' dawn in-negozji stajt nintebaħ kemm jinsabu ħerqana u mimlijin tama għax-xhur li ġejjin — ix- xhur li lkoll qed nisperaw li se jwittu t-triq lejn tisħiħ mill-ġdid tal-ekonomija u l-oqsma ta' kummerċ, għal pajjiżna u għad- dinja. Permezz tal-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew mexxejt, f 'isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Rapport fuq l-Istrateġija Ewropea għan- Negozji Żgħar u Medji anke għal wara l-COVID-19. Il-ġimgħa d-dieħla se jittieħed ukoll il-vot finali dwar dan ir-Rapport fis- sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew. Aktar minn hekk, tkellimt ħafna drabi fil-Parlament Ewropew dwar it-tip u l-livell ta' għajnuna li għandhom jingħataw dawn in-negozji, u se nkompli ninsisti u nitkellem bil-qawwa kollha biex nassigura li jingħataw l-appoġġ, ir-riżorsi u l-assistenza kollha li jixirqilhom fiż-żmien li ġej. Jien Għawdxija u Maltija bħal dawn il-ħaddiema, bħall-familji tagħhom, bħas-sidien tan-negozji li jagħtuhom ix-xogħol. Bħalhom ukoll inħoss li dawn l-intrapriżi għandi niddefendihom u nkun il-vuċi tagħhom — permezz ta' din il-kampanja, fil-ħidma Ewropea, iżda aktar min hekk, fl-appell tiegħi lilkom għas-sostenn billi tixtru mingħandhom u l-prodotti li joħolqu huma. Għalhekk, f 'dan il-Milied agħżlu l-prodott lokali — se tkunu ta' spalla finanzjarja għal pajjiżna, u dan ifisser li se tkunu qed twieżnu l-istess ekonomija li minnha jgħixu uliedna, il- pensjonanti u l-familji kollha tagħna. Il-Festi t-Tajba.