Illum previous editions

ILLUM 13 December 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1318990

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 27

07 analiżi illum • IL-ĦADD 13 TA' DIĊEMBRU 2020 li għandhom mezzi u allura l-probabbilità tad-dipendenza tal-persuna fuq l-għajnuna diretta tal-Gvern hija ogħla, kif ukoll fost dawk illi probabbilment jinsabu fin-naħiet ta' isfel tal- klassi medja - il-PL huwa ħafna iktar popolari. Wieħed jista' jgħid li dan dejjem jew għal ħafna snin kien il-każ, bil-Partit Laburista jaf l-għeruq tiegħu fost il-ħaddiema u fil-post tax-xogħol. Minkejja dan, Bernard Grech irid jibda jżid il-popolarità tiegħu fost dawn il-votanti jekk irid jagħmel differenza u realment inaqqas minn dak is-distakk. Il-problema hija li Gvern Laburista issa ilu seba' snin iħabbar miżuri li qed jinżlu tajjeb ma' ħafna mill-votanti f 'dawn is-setturi bħat-tapering tal-benefiċċji, żidiet fiċ-children's allowance, benefiċċju tal-qgħad fl-ewwel tliet snin ta' impjieg, żidiet fl-In Work Benefit, tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, childcare b'xejn, ċekkijiet ta' rifużjonijiet fit-taxxa, żieda fis-sussidji għall-kera, żieda f 'benefiċċji relatati ma' diżabilità u issa, waqt il-pandemija, il- vouchers. Minkejja li dawn kienu miżuri għal ħafna nies, l-aktar li ntlaqtu bihom kienu naturalment dawk illi l-aktar li jagħmlilhom differenza dħul mill-Gvern. Grech allura għandu sfida. Huwa pożittiv li hu semma' diversi drabi l-bżonn li tkun introdotta Living Wage, kunċett ta' dħul li jvarja skont il-bżonn li familja jew persuna tgħix b'mod diċenti. Grech jeħtieġ jibda jagħmel passi aktar konkreti f 'din id- direzzjoni billi wkoll iressaq lejn il-partit dawk kollha li involuti fil-qasam soċjali, sabiex issir diskussjoni - imma mbagħad il-PN jibda jifformula politika ċara ta' kif se jaħdem u kif ikun implimentat dan il-kunċett. Imma mhux biss. Hemm bżonn li l-partit jifformola strateġija ta' kif se jkun qed jiġġieled il- faqar f 'terminu ħafna iktar twil ta' żmien - xi ħaġa li tieħu l-ħin imma li mbagħad il-PN ikun jista' jressaq qabel elezzjoni ġenerali. Mhux paroli fl-arja u kritika u statistika. Imma xi ħaġa fuq il- livell tad-dokument ta' qabel il- baġit li ressaq l-istess partit u li kien fih proposti u inizjattivi ċari. Imma lanqas dan mhu biżżejjed. Kollox jorbot mal-mod kif se jitwassal il-messaġġ tal-PN, b'liema għodod se jasal u b'liema immaġini se jasal għand dawk li l-aktar li jinsabu fil-bżonn jew li l-aktar jiggwadanjaw minn imbuttatura 'l quddiem. Dan probabilment se jiddependi ħafna jew parzjalment mill-eżerċizzju door-to-door li jmur lilhinn mill-ħabbati biss ta' nies li dejjem ivvutaw PN u li biex ikun suċċess irid jinkludi nies li għaddejjin minn żminijiet diffiċli u familji li jgħixu minn xahar għal xahar. Familji oħrajn li huma votanti Laburisti, imma li mhumiex akkaniti, li forsi għaddejjin minn diffikultajiet. Single parents li forsi kienu jivvutaw lill-PN u ma baqgħux imma li Deputati Laburisti biss imorru jħabbtulhom. Nies li nqdew mill-Partit Laburista f 'xi bżonn u għandhom impjieg li jħallas paga medja pero li mhux jogħġbuhom kif mexjin ċerti affarijiet. U eluf oħrajn ta' ħaddiema li kieku tiġi elezzjoni illum jivvutaw lill-Partit Laburista sempliċiment għax fil- PN sa issa ma jarawx alternattiva. Dawn huma l-bibien li l-PN għandu jħabbat! Minn fortizza Nazzjonalista għal minoranza Nazzjonalista Għawdex: It-13-il distrett huwa, tradizzjonalment, distrett li jagħti maġġoranzi lill-PN. Biżżejjed inħarsu lejn l-elezzjoni tal-2003, meta l-PN kien kiseb kważi 58% fil-waqt li l-Partit Laburista 40%. Fl-2008, ħames snin wara, il-PN ra tnaqqis imma xorta rebaħ l-Għawdex b'kumdità: 56.3% kontra 43% li rebaħ il-PL. U jekk immorru lura nsibu li l-PN kellu rebħiet kbar ukoll mit-tmiem is-snin 80 u anke s-snin 90, meta l-PN kellu lil Anton Tabone u warajh Giovanna Debono bħala Ministri għal Għawdex Fl-2013 ir-riżultat ġie qrib ħafna u fl-2017 il-Partit Laburista, għall-ewwel darba, rebaħ maġġoranza ta' voti. Fis-sondaġġ tal-Ħadd li għadda - għalkemm f 'ta' Novembru kiseb maġġoranza relattiva - kienu 26.8% li qalu illi jekk issir elezzjoni jivvutaw lill-PN. Din ix-xejra mhix se ddur sempliċiment b'bidla ta' Kap, iżda hemm miżuri li l-PN jista' jieħu biex ma jkomplix jitlef mill-voti u grazzi għal Għawdex, inaqqas mid-distakk. Bżonn ta' kandidatura b'saħħitha L-ewwelnett il-PN baqa' qatt ma għamel tajjeb għan-nuqqas ta' Giovanna Debono li kienet popolari, kellha preżenza politika qawwija u biex inpoġġuha sempliċi kienet taqdi lin-nies, xi ħaġa li ħafna nies Għawdxin u Maltin jistennew mill-politiċi tagħhom. Il-PN għalhekk kellu lil żewġ heavyweights - Debono fuq naħa u Chris Said fuq l-oħra - żewġ membri tal-Kabinett. Illum il-Partit Laburista għandu tliet Ministri f 'Għawdex: Anton Refalo li għandu l-istatura ta' Giovanna Debono f 'Għawdex f 'termini ta' popolarità mal- Għawdxin, lil Clint Camilleri u issa lil Justyne Caruana wkoll. Dan filwaqt li l-kandidatura Nazzjonalista sserraħ l-aktar f 'termini ta' saħħa fuq Chris Said. Grech jeħtieġ isaħħaħ il- kandidatura Għawdxija b'nies relattivament ġodda bħad- Deputat Joe Ellis u Alex Borg, iżomm lil Said imma minn naħa l-oħra b'nies ukoll li għandhom l-esperjenza politika itwal fuq livell tal-għeruq u b'popolarità akbar li tagħmilhom aktar effettivi u aktar influwenti fil- komunità. Hemm bżonn li l-PN ma joqgħodx jistenna lill-Gvern imma jkun hu stess li jfassal viżjoni ċara b'miżuri u proġetti speċifiċi għall-futur. Jekk irid li l-Għawdxin ikollhom referendum fuq il-mina, mela din għandha tkun wegħda ċara, pero' wkoll ippjanata u spjegata. Jekk qed nitkellmu fuq proposta ta' mina li tingħaqad ma' underground, mela mill-ġdid din għandha tkun ċara, ippjanata u costed. Jekk qed nitkellmu fuq ix-xogħol u fuq il-protezzjoni tal- ambjent, mill-ġdid dan irid ikun mwaħħad ma' proposti konkreti.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 December 2020