Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1321279
11 analiżi illum • IL-ĦADD 20 TA' DIĊEMBRU 2020 Il-gazzetta ILLUM ħadet l-opportunita li tkellem ukoll lil- Claudia Ellul, omm ta' tifla ta' erbgħa snin bl-isem ta' Domino- Ice. Claudia għandha paġna fuq il-midja soċjali Instagram bl-isem ta' 'Island Mum and kid' u frekwentement titfa' ritratti tal-avventuri tagħha maċ-ċkejkna Domino-Ice. Claudia tgħid li hi ta' dixxendenza ġermaniża u b'hekk dawn iż-żminijiet rarament iqattgħuh f'Malta. Claudia tgħid li l-Milied għaliha hu assoċjat mal-familja, ħelu ġermaniż u ħafna silġ. Sintendi din is-sena se jkun totalment differenti, speċjalment għax mhux se jkunu qed jieħdu l-btala tradizzjonali tagħhom. Din is-sena l-familja Ellul se tkun qed tqatta' l-Milied Malta. Hi qalet ukoll li tammetti li għalkemm kollox inbidel ta' taħt fuq, xorta qed igawdu l-festi. Iċ-ċkejkna Domino ukoll ma damitx ma' fehmet is-sitwazzjoni speċjalment meta rat is-siġra tal- Milied armata u r-rigali jistennewha. Fi kliem Claudia, din is-sena qed tapprezza aktar lill- familja, l-għaqda u anke it-tradizzjonijiet Maltin. "Imma dak li jagħmilha ħafna iktar speċjali għalija issa huwa l-fatt li Domino-Ice, waslet f'età, fejn hi tista ssegwi u tipparteċipa f'dawn it-tradizzjonijiet", kompliet tgħid Claudia. Ħaġa interessanti li Claudia semmiet hu l-fatt li fejn snin ta' qabel kienet tkun separata mill-familja minħabba s-safar, din is-sena, il-familja se tkun aktar magħquda u għaliha allura din is-sena tinħass ħafna aktar intima mis-soltu. Ġorġ Mallia m'għandhu bżonn l-ebda introduzzjoni. Awtur, artist u akkademiku li fil-pandemija ukoll sab ruħu jħabbel moħħu biex jżomm ruħu okkupat. Infatti Ġorġ Mallia ħareġ il-ktieb 'Mitt Ruħ', ġabra ta' mikrostejjer dwar mitt persuna. "Din is-sena, l-pandemija ħassret kull pjan li stajt għamilt", beda Mallia. Għal għaxar snin sħaħ, Ġorġ kien iqatta' l-festi tal-Milied l-Isveżja qalb il-borra, il-kesħa u l-boskijiet mudlama. Fi kliemu, Ġorġ jispjega li s-sena l-oħra, iċ-ċirkostanzi inbidlu u b'hekk kien baqa' Malta u minflok organizza "drop-in party". Dan il-festin kien beda fid-9:00 a.m u baqa' għaddej sas-sigħat bikrin tal-għada. Tant kemm ħa gost li pjana li tkun tradizzjoni ta' kull sena. Sfortunatament il- pandemija bidlet kollox u issa se jkun qed jqatta' l-Milied waħdu. Ġorġ Mallia hu persuna pjuttost pożittiva u dan narawh kemm fl-arti impekkabli tiegħu u anke fil-kitba. Waqt l-intervista mal-gazzetta L-ILLUM ħareġ spunt li forsi wħud minna jaf jinsew u li hu diffiċli taħseb fih meta wieħed iħares lejn Ġorġ Mallia. Jispjega kif hu jgħix waħdu, u li xi drabi din mhix ħaġa sabiħa, speċjalment f'żminijiet bħal dawn meta s-solitudni tiggrava. Il-Milied nassoċjawh mal-familja, l-imħabba u l-għaqda iżda xi kultant ninsew li hawn min hu waħdu. Id-dawl li jgħammex, b'tema tal-Milied li jiddi prattikament f 'kull triq tal-Belt Valletta kien mitfi filgħodu, iżda dan ma waqqafx lin-nies milli jżuru l-belt kapitali. Il-gazzetta L-ILLUM marret ukoll fit-toroq ta' din il-belt biex tistaqsi lin-nies x'se jkunu qed jagħmlu dan il-Milied. Uħud li tkellmu magħna qalu li l-pandemija mhux se tkun qed tħassar pjanijiet kbar. Dan għaliex għalihom hi tradizzjoni li jqattgħu l-Milied flimkien mal-familja tagħhom. Kien hemm min saħansitra ddeskriva xi attivatijiet li s-soltu jagħmel flimkien ma' familtu: Kant ta' kanzunetti tal-Milied, jaħmu l-ikel, u jżejnu id-dar. Kien hemm min ukoll qal li din is-sena se tkun totalment differenti għalih minħabba li se jibqa' d-dar minflok issiefer jew jiltaqa' ma' sħabu. Kien hemm min qalilna li l-pandemija laqtithom bl-ikrah, dan għaliex serqithom mil- imħabba ta' xi ħadd għażiż. Uħud qallulna li lanqas il-bambin mhu se jkunu qed joħorġu għax ma jħossuhomx li għandhom jiċċelebraw wara dak li għaddew minnu. Iltqajna ukoll ma' żagħżugħa li esprimiet id-dispjaċir tagħha li ma tistax tara lil sħabha iżda li skopriet familja ġdida permezz tal- pjattaforma, TIK TOK. Yanica li riċentament bdiet titfa' ammont sostanzjali ta' videos fuq din il-pjattaforma, tkellmet fuq kif spiċċat tagħmel ħafna ħbieb. Hija qalet li l-Milied tagħha se tqattgħu mal-familja, miġbura għal-kenn madwar mejda mimlija ikel u imħabba iżda għal-ewwel darba f 'ħajjitha tista' ukoll tkellem lil sħabha virtwalment. Nies ta' età ikbar qalulna li din is-sena ħassewha wisq kiefra. Fosthom kien hemm koppja anzjana li stqarrew li mhux se jkunu qed jitkellmu ma' xi membri tal-familja tagħhom ħabba li jgħixu l-Awstralja u ma jixtiqux li jsiefru minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom. Il-mara, waqt li żżomm driegħ żewġha, qaltilna li qed tħoss ansejtà kbira bl-imwiet li qed issegwu fuq l-aħbarijiet u tibża li l-aħħar ċans li tiċċelebra l-Milied man-neputijiet u t-tfal ma tafx meta hu. Ir-raġel madankollu qal li xorta jirringrazzja lill-Mulej li għad għandhom il-kumpanija ta' xulxin għax almenu mhux waħedhom sal-aħħar. L-ikbar weġgħa iżda għal-uħud tibqa' li mhux se jkunu qed imorru l-quddiesa ta' nofs il-lejl. Anzjan ta' 'l fuq min 70 sena ammetta li għalkemm m'hemm xejn iżommhom milli joħorġu, nies ta' l-età tiegħu xorta jridu joqgħodu attenti.