Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1327027
27 films illum • IL-ĦADD 10 TA' JANNAR 2021 Carmel Bonnici Iċ-ċinema dwar l-ewwel gwerra dinjija (2) (Ikompli mill-Ħadd li għadda) Sa mis-snin tal-bidu ta' din il- gwerra bdew ħerġin films li juru l-ħruxija, l-qerda u l-imwiet bla bżonn li din il-kalamita' kkaġunat. Dawn kienu maqsumin hekk: Il-ġlied mit-trinek umdin mimlija tajn Wara li ħafna pajjiżi bdew jirtiraw mill-ġlied l-attivita' waqgħet f 'taqtiegħat ħorox fil- battalji tas-Somme u Marne fejn sar ġlied aħrax u mdemmi bejn is-suldati opposti fit-trinek ta' Franza. Uħud mill-films li fakkru dawn il-battalji huma: Shoulder Arms (1918). Fih insibu lil Charles Chaplin bħala suldat li joħlom li jsir eroj u jidħol għall-missjonmi perikuluża. Westfront 1918 (1930). Grupp ta' suldati Ġermaniżi tal-infanterija fl-Ewwel Gwerra Dinjija jgħixu ħajjithom fit- trinek umdin ta' Franza. Huma jsibu xi ftit serħan u divertiment f 'villaġġ wara l-linji tal-gwerra. The Big Parade (1925). Film mutu dwar tfajjel għażżien u sinjur li jingaġġa mal-Armata Amerikana, jintbgħat Franza biex jiġġieled, isir ħabib ma' żewġ ħaddiema Franċiżi, jesperjenza l-orrur tat-trinek u jsir iħobb tfajla Franċiża. Seventh Heaven (1927). Raġel minn Pariġi li jaħdem fid- drenaġġ jeħles tfajla minn taħt idejn il-pulizija, jgħix magħha fi flat battal fis-seba' sular u wara jitlaq għall-gwerra. King And Country (1964). Fit- trinek Ingliżi ta' Paschendaele , suldat ikun akkużat li abbanduna postu, jgħaddi ġuri, jinstab ħati, jinqatel u jinfurmaw lil familtu li miet fil-gwerra. Joyeux Noel (Merry Christmas) (2005). F'Diċembru 1914 sar waqfien bejn is-suldati Franċiżi u dawk Ġermaniżi li ħarġu mit-trinek rispettivi tagħhom biex jiċċelebraw lejliet il-Milied flimkien. Il-kbarat assolutament ma ħadux pjaċir b'dan u żguraw li din il-ħaġa ma tirrepetix ruħha. Xogħlijiet klassiċi All Quiet On The Western Front (1930). Rakkont vividu minn novella paċifista ta' Erich Maria Remarque' dwar l-esperjenzi ta' suldat żagħżugħ Ġermaniż fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Tassew tidħol fil-qalb l-aħħar xena meta suppost spiċċat il-gwerra, dan is-suldat joħroġ idu biex imiss farfett ikkulurit, jinstema' tir u jmut propju f 'dan il-ħin. Il-kapulavur assolut ta' dan il-ġeneru. Reġa' nħadem fl-1975. Paths Of Glory (1957). Minn novella ta' Humphrey Cobb ibbażata minn fuq każ veru dwar il-Ġeneral Franċiż Macready li jibgħat lis-suldati tiegħu fuq missjoni suwiċidja, jsib tlieta u jixlihom li beżgħu. A Farewell To Arms (1932) u (1957). Miktub minn Ernest Hemingway dwar imħabba li mhux se tirnexxi bejn suldat Amerikan u nurse Ingliża. Films oħra kompetenti kienu l-Franċiżi La Regle De Jeu (The Rules Of The Game) (1939), kummiedja b'toni drammatiċi dwar affari ta' mħabba bejn aristokratiċi u sefturi f 'ħarġa f 'tarf il-ġimgħa fil-kampanja fi żmien din il-gwerra u La Grand Illusion (The Grand Illusion) (1937), trattament tal-gwerra li jiffoka fuq priġunieri Franċiżi u l-Kmandant Ġermaniż, bniedem ta' kultura raffinata. Il-kumbattiment fl-ajru Fuq il-Western Front kien hemm ħafna ġlied fl-ajru. Diversi piloti mill-Gran Brittanja u l-Istati Uniti marru jiġġieldu hemm. Il-ħajja ta' dawn il-piloti kienu jqisuha ta' ġimgħatejn biss. Xi films li juru dan kienu: Wings (1927), li rebaħ l-ewwel Oscar, Hell's Angels, Aces High, The Blue Max, Flyboys u oħrajn. Ta' minn isemmi wkoll il-film tal-1971 Von Richtofen And Brown li hawn Malta ħareġ bl-isem ta' The Red Baron. Il- baruni Ġermaniż Manfred Von Richtofen, ġentlom li jemmen fid-dinjita' waqt il-ġlied fl-ajru, waqqa' iżjed minn 80 ajruplan tal-Alleati sakemm hu stess miet f 'battalja tal-ajru minn Roy Brown pilota ribelluż li ma jemmen fl-ebda unur tal- gwerra. Aspetti Oħrajn Il-lat romantiku deher fil-film A Farewell To Arms, The Four Horsemen Of The Apocalypse, The Big Parade, Waterloo Bridge u oħrajn. L-element tal-ispiji rajnieh The Spy In Black, Mata Hari, Nurse Edith Cavell u Darling Lily. Darling Lili u Oh What A Lovely War! (it-tnejn ħarġu fl- 1969) kienu produzzjonijiet mużikali. Il-bogħod mill-ħruxija u l-kesħa tremenda tat-trinek, il- gwerra faqqgħet ukoll fit-Turkija fil-film Gallipoli fejn mietu ħafna suldati Awstraljani u minn New Zealand. Anki Maltin servew hemm. Lawrence Of Arabia, film kolossali u spettakulari fix-xenarju, wieħed minn tal- bidu li kien maħdum bis-Super Panavision 70 (Todd AO) (liżar wiesa' ħafna u aktar għoli) tana mera tassew ċara ta' kif din il- gwerra żvolġiet fid-deżert tal- Lvant Nofsani. Lawrence Of Arabia, xogħol memorabbli uniku u anki litterarju kien dwar l-avventuri veri tal-enigmatiku T. E. Lawrence fi żmien dan il- katastrofi fid-deżert Gharbi biex jgħaqqad lit-tribujiet kontra l-forzi Ottomani. Ibbażat minn fuq il-ktieb ta' Lawrence stess, The Seven Pillars Of Wisdom, dan il- blockbuster rebaħ seba' Oscars u minnufih għamel lil Peter O'Toole superstilla. L-ewwel Gwerra Dinjija kienet katastrofi li ħalliet miljuni ta' nies mejtin u b'diżabilitajiet u żgur li nibqgħu naraw xogħlijiet ċinematografiċi dwarha.