Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1327027
06 aħbarijiet IL-ĦADD 10 TA' JANNAR 2021 • illum 'Il-benefiċċji tal-vaċċin huma mijiet ta' drabi akbar YENDRICK CIOFFI Kulħadd irid li din l-imbierka pandemija tgħaddi darba għal dejjem. Kulħadd irid li l-ħajja terġa' lura għan-normal malajr kemm jista' jkun. Kulħadd irid li jarmi l-maskra. Madanakollu, mhux kulħadd irid jieħu l-vaċċin, anke issa li qed isir dejjem aktar disponibbli. Hemm min għadu jinsisti li mhux se jieħu l-vaċċin għax flok jisma' mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali u internazzjonali, jippreferi jemmen xi ħaġa li xi ħadd jikteb fuq Facebook. Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM poġġiet mal- virologu Chris Barbara, wieħed mill-professjonisti mediċi li jinsab fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-Covid-19 u staqsietu l-mistoqsijiet li bosta għadhom qed jagħmlu. Dak li għaddejin minnu huwa kważi kważi bla preċedent. Kemm aħna kunfidenti li l-vaċċin verament se jwaqqaf il- pandemija u jreġġa' l-ħajja lura għan-normal? Il-pandemija xi darba se tispiċċa żgur. Li l-Covid-19 jinqered assolutament le. Dan il-virus se jibqa' jdur mas-saqajn kontinwament imma f 'numru ħafna iżgħar li ma jkunx qed jikkawża pandemija. Biex ikollna pandemija, irid ikollok poplu sħiħ, f 'dan il-każ globalment, li ma jkollux immunità kontra l-virus u allura l-virus jaqbeż fuq min jaqbeż se jinfetta. Jekk jaqbeż fuq ħaddieħor u jsib li għandu l-protezzjoni, għax għandu l-antibodies, għandu l-immunità, allura l-imxija se tieqaf. Sintendi, mhux kulħadd jista' jieħu t-tilqima u mhux kulħadd se jieħu t-tilqima. Dan mhux il-pajjiżi kollha, bħal Malta, huma ffortunati biżżejjed li se joffru l-vaċċin. Se jkun hemm ċertu pajjiżi, fejn se jkun hemm nies li ma jkunux ħadu t-tilqima. Tisma' diversi jgħidu li ma jridux jieħdu l-vaċċin għax qed jibżgħu li mhux sigur. Tismagħhom jisħqu li s-soltu vaċċin idum snin biex ikun lest. Kif jista' jkun li f'disa' xhur tlesta vaċċin? Kif nistgħu nserrħulhom rashom? Anke aħna t-tobba, inkluż jiena stess, tgħidx kemm qrajt fuq il-vaċċin qabel ma ħadt l-ewwel doża, biex inkun naf x'se jinjettawli f 'idi. Huwa minnu li s-soltu vaċċin jiġi liċenzjat wara numru ta' snin u din id-darba ġie lliċenzjat wara ftit xhur. Nista' nagħtik ir-raġunijiet kollha għaliex kollox ġie aċċellerat. L-ewwel u qabel kollox, ir-riċerka fuq vaċċin, normalment, iddum is-snin. F'dan il- każ ir-riċerka tal-messenger RNA (mRNA) qed nitkellem fil-każ ta' Pfizer u l-Moderna u tad-DNA fil-każ ta' AstraZeneca, kienet diġà lesta. Għaliex? Għax kellna l-virus kuġin tal- Covid-19, jiġifieri s-SARS, li l-kumpaniji kienu diġà għamlu ħafna riċerka fuqu biex ikunu jistgħu jagħmlu tilqima. Fi kliem sempliċi, dak il-homework kien lest. It-tieni nett, biex inti tagħmel tilqima, irid ikollok flejjes kbar. Miljuni jew mhux biljuni. F'dan il-każ, peress li kien hawn pandemija li qed taffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija tal-pajjiżi, diversi pajjiżi, inkluż l-Amerika, investew ħafna fondi biex it-tilqima tinstab malajr kemm jista' jkun. Hemm ukoll it-tliet stadji ta' testijiet li vaċċin irid jgħaddi minnhom. Fl-ewwel fażi, it-testijiet isiru fuq l-annimali, imbagħad fuq grupp żgħir ta' nies u wara fuq kwantità ta' nies. Dawn l-istadji wkoll ġew aċċellerati għax il- voluntiera ġew imħallsa. Apparti minn hekk, ħadu sehem ħafna aktar nies. Jekk nieħdu l-Pfizer, din il-kumpanija għamlet it-testijiet mhux fuq 10,000 persuna imma fuq 44,000 persuna. Diġà n-numri huma kbar biżżejjed biex jekk kien hemm effetti sekondarji, wieħed kien se jinduna. Hemm ukoll min jistaqsik dwar long-term side effects, jiġifieri effetti li jistgħu jibqgħu miegħek jew joħorġu wara xhur u snin. Anke fuq dawn iċċekjajt. Dawn il-vaċċini, li huma bbażati fuq il-Messenger RNA, ilna aktar minn għaxar snin nużawhom fil-kura għall- kanċer. Fi kliem sempliċi, il-proteini huma l-istess u ħadd ma kellu effetti sekondarji fit- tul. Jiġifieri l-effetti sekondarji huma ugwali għat-tilqim l-ieħor li nieħdu ta' spiss, bħal dik tal-influwenza. Ma hemm xejn partikolari li jindika li l-vaċċin kontra l-Covid-19 qed joħloq xi problemi. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina wkoll ġieli tieħu xhur jew snin biex tagħti liċenzja lil vaċċin. Din id-darba, dan il-vaċċin dejjem tpoġġa fuq quddiem nett tal-aġenda għax kien hawn pandemija. Għalhekk huwa minnu li l-proċess ġie aċċellerat imma ma jfissirx b'daqshekk li l-prodott mhuwiex tajjeb. Malli nieħu l-vaċċin nista' ngħid li jien sigur u allura nista' ma nilbisx il-maskra u ma nżommx distanza minn ħaddieħor? Assolutament le. L-ewwel u qabel kollox l-ebda tilqima ma hija 100% effikaċi, jiġifieri ħadt it-tilqima u 100% li se tkun ħadmet fuqek. Mill- istudji li saru, dawn qed jgħidu li l-effettività tal-vaċċin hija tajba ħafna. Huwa effettiv 95%. Jista' jkollok nies li fuqhom it-tilqima mhux se tkun ħadmet u allura ma tistax taqbad u tneħħi l-maskra. Il-maskri u dawk il-miżuri kollha ta' mitigazzjoni, inneħħuhom biss meta l-awtoritajiet ikunu kunfidenti biżżejjed li l-imxija waqfet u meta l-virus jibda jaqbeż minn persuna għall-oħra u jsib li dik il-persuna protetta u għalhekk ikollok dik li nsejħulha herd immunity. Aħna qed nikkalkulaw li biex nilħqu l-herd immunity, jiġifieri biex ikun hemm biżżejjed immunità fil-popolazzjoni, irid ikollok żewġ terzi tal-popolazzjoni li tkun ħadet it-tilqima. Il-vaċċin kemm idum biex jaħdem, jew aħjar persuna kemm iddum biex tibda biżżejjed immunità kontra l-Covid-19? Jekk tieħu l-ewwel doża, madwar 56% diġà se joffru ċertu element ta' protezzjoni billi jkollok dawk l-antibodies, jiena nsejħilhom is- suldati fid-demm, li jibdew isaħħu s-sistema immunitarja. Wara 21 ġurnata, fil-każ ta' Pfizer, terġa' tieħu t-tieni doża. Biex ikollok livell ta' protezzjoni tajba, jiġifieri tilħaq l-effettività ta' 95%, iridu jgħaddu madwar ġimgħatejn oħra. Mela inti ħadt l-ewwel doża, wara 21 ġurnata ħadt it-tieni doża u wara ġimgħatejn nistgħu ngħidu li inti protett. Almenu 95% ta' dawk li jkunu għaddew minn dan il-proċess kollu, ikunu protetti. Meta qed nieħu l-vaċċin jiena qed ningħata biċċa mill-virus? Jiġifieri jien nista' ninfetta lill-ħaddieħor? Le. Inti mhu se tieħu l-ebda virus fit-tilqima. Fi kliem sempliċi, kulma se tieħu fit-tilqima hija biċċa proteina li hija messaġġier u li se tidħol fiċ-ċelloli tagħna u li se tipproduċi dik ix-xewka, li jkun hemm fil-virus (aħna bl-Ingliż insejħulha spike), li l-ġisem tagħna se jaħsibha l-virus u jibda jiġġildilha, billi jiżviluppa dawk iċ-ċelloli bojod, l-antibodies. Kif ikollok dawn l-antibodies, inti se tkun protett mill-infezzjoni imma bl-ebda mod mhu se tkun infettat bil-virus u tkun tista' tgħaddih lil ħaddieħor. Għalhekk jiena, li ħadt l-ewwel doża tat- tilqima, nista' mmur ħdejn pazjenti oħra u mhux se nagħtihom il-virus, sintendi sakemm bqajt bilgħaqal u ma mortx xi party u ħadt il-virus mingħand xi ħadd. Fid-dinja se jkun hawn biżżejjed dożi tal-vaċċin biex lill-pandemija nerbħulha darba għal dejjem? Il-vaċċin se jkun aċċessibbli għall-pajjiżi kollha, anke dawk l-inqas żviluppati? Għalhekk issib istituzzjonijiet kbar bħall-Għaqda Dinjija għas-Saħħa biex dejjem jippruvaw jgħinu lil dawk il-pajjiżi li jew ma jistgħux jaffordjaw it- tilqima, jew inkella għal ċertu raġunijiet, ma setgħux idaħħlu t-tilqima fil-pajjiż. Illum pereżempju qed nippruvaw neliminaw ċertu viruses bħall-Polio. F'Malta l-aħħar każijiet li kellna ta' Polio kien snin ilu. Imma f 'ċertu pajjiżi, bħas-Sirja, għadna naraw każi ta' dan il-virus. Ma jfissirx li għax hemm f 'pajjiżi oħra, jekk Malta jidħol każ, kollha se niġu infettati. Dan il-każ, huwa aktar diffiċli, għax għandna virus li jittieħed b'mod respiratorju, allura aktar jittieħed. Għalhekk importanti li nilħqu l-herd immunity. Jekk nieħdu l-ħożba, rajna li ħafna nies ilaqqmu lit- tfal tagħhom. Kien baqa' xi it nies li baqgħu jibżgħu minn din it-tilqima għax darba kien hemm artiklu falz li jgħid li din it-tilqima tista' tikkawża l-awtiżmu. Fil-fatt, xi sena jew sentejn ilu rajna it każi ta' ħożba f 'Malta li daħlu mill-Italja u pajjiżi oħra. Għalhekk dawn huma viruses li rridu nidraw ngħixu bihom sakemm ma jinqatgħux. Imma diffiċli biex virus jinqata' kompletament. Jekk jiena kelli l-Covid-19 jew inkella għad għandi l-Covid-19, nista' nieħu l-vaċċin? Iva. Aħna dejjem nirrakkomandaw biex persuna li jkollha l-Covid-19, tħalli perjodu ta' sitt ġimgħat minn meta t-test ikun ħareġ negattiv. Wieħed mill-ispeċjalisti tal-kumpanija Pfizer qed jgħidilna li kien hemm nies li kellhom il-Covid-19 u ħadu t-tilqima u ma kellhom l-ebda reazzjoni. Aħna ma nħobbux nieħdu riskju u għalhekk qed nirrakkomandaw li persuna tistenna sitt ġimgħat qabel tieħu t-tilqima. "Ma hemmx għaliex nibżgħu mit-tilqim. Il-benefiċċji tat-tilqim huma ħafna u mijiet ta' drabi akbar mir-riskji. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu t-tilqima biex din il-pandemija nibdew neħilsu minnha"