Illum previous editions

ILLUM 24 January 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1332643

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 letteratura illum • IL-ĦADD 24 TA' JANNAR 2021 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ktieb ta' Alan Xuereb Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni. Saliba jilqa' b'sodosfazzjoni dan il-ktieb ġdid ta' filosofija bil-Malti, iżda qabelxejn ipoġġi fl-isfond artiklu – imnebbaħ minn diska tal-grupp Talking Heads – li deher fil-ġurnal teoloġiku Church Life Journal. Saliba jittanta jidentifika l-iskejjel ta' ħsieb li jgħarrfu d-diskors filosofiku ta' Xuereb u jpoġġihom f'paragun ma' dawk tal-kittieb filosofu Malti John Baldacchino. Intant, Saliba jixħet dubju fuq jekk il-filosofija għandhiex impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni tal-ġid komuni fid-dinja tal-lum, tant illi jaqbel mal-filosofu Martin Heidegger – almenu sa ċertu punt – li "xi Alla biss jista' jgħinna". jimponu fuqi l-esiġenzi ta' din il-paġna. Niġu f 'dan, l-istess jgħodd għall-fattibbiltà ta' xi analiżi eżawrjenti tal-medda tant wiesgħa ta' riflessjonijiet illi jippreżentawlna hawnhekk Xuereb rigward il-kunċett tal-ġid komuni: impossibbli tikkummenta dwar tour de force filosofiku li l-ewwel sagrosant nett jeħodna lura – kif tabilħaqq għandu jkun! – sa Platun u Aristotile sabiex imbagħad iwassalna s'għand Santu Wistin u ħdejn San Tumas t'Akwinu; illi wara mbagħad, jixħetna 'l quddiem, f 'radda ta' salib, bejn is-sekli sittax u tmintax fost ħassieba politiċi tant diverġenti bħal ngħid aħna Niccolò Machiavelli, Thomas Hobbes, Benedict Spinoza, John Locke, Charles Montesquieu u Jean- Jacques Rousseau; illi dlonk imbagħad jitlaqna fid-deċennji tant u tant jaħarqu tas-seklu dsatax qalb Alexis de Tocqueville, Henri de Saint-Simon, Auguste Comte, Georg Hegel – (bilħaqq fejn hu l-Ġwanni l-Battista tal- Marksisti ortodossi Ludwig Feuerbach?) – Friedrich Engels u sieħbu Karl Marx; u li fl-aħħar ukoll, iġibna lura iżjed qrib żmienna, voldieri fis-seklu li għadda, fil-kumpannija ta' Hans Kelsen, Joseph Raz, John Rawls, Jacques Maritain, John Finnis u saħansitra tan-Nażisti. Dan il-vjaġġ illi jitlaq minn żmien il-polis tal-Greċja tal-Qedem u jibqa' għaddej sal-fenomeni kurrenti tal- populiżmu ta' Muscat u tat- Trumpiżmu tal-Istati Uniti – minkejja li jiskarta bosta waqfiet seminali f 'dil-mixja tul is-snin mal-ħassieba tax-xjenza politika – donnu jissuġġerixxi li anke Xuereb qiegħed jistaqsi, sew lilu nnifsu u sew lilna, l-istess mistoqsija li jagħmlu David Byrne u l-awturi mnebbħa minnu tal-artiklu taċ-Church Life Journal: "kif wasalna s'hawn?" Tul il-paġni tal-ktieb tiegħu jinħass illi anke fil- ħsibijiet ta' Xuereb dil-mistoqsija – b'mod partikulari l-kelma hawn – tikkonnota punt tal- wasla inkwetanti li – għall-inqas f 'bosta aspetti saljenti – għandu wkoll mit-tħassib tal-awturi tal-artiklu tar-rivista teoloġika tan-Notre Dame University. Dan joħroġ l-iżjed fid-dieher tul il-bosta riflessjonijiet illi jagħmel rigward bosta kunċetti u sitwazzjonijiet soċjopolitiċi kurrenti li b'xi mod jew ieħor għandhom piż tanġibbli qawwi fuq il-fehim teoretiku u l-ġestjoni prattika tal-ġid komuni. Dan it- tħassib ta' Xuereb sikwit ħassejtu janima wkoll sija l-kitbiet u l-intervisti reċenti tiegħu dwar dan il-ktieb u sija l-ftit skambji qosra li kellna dwar il-kontenut tiegħu, b'mod speċjali dawk viżavì l-istorja tal-filosofija u l-qagħda li did-dixxiplina-omm ormaj sfat fiha fiż-żminijiet anti-intelletwali tal-lum. L-ilment preċedenti tiegħi rigward l-ommissjoni ta' Feuerbach – illi simbolikament jirreferi mhux biss għar- riformaturi utopiċi pre- Marksisti iżda wkoll għal bosta ħassieba sussegwenti importanti mit-tradizzjoni kontinentali – m'għandhiex bilfors jinqara bħala tmqadira skjetta. Anzi, jidhirli li għal darba ikun xieraq – l-iżjed fid-dawl tal-livell għoli ta' din il-pubblikazzjoni – li nagħlaq għajn waħda, forsi wkoll waħda u nofs. B'rabta ma' dan – u għaldaqstant lura fuq fuq għar-rimarki preċedenti tiegħi rigward l-orjentament probabbli tal-ħsieb filosofiku ta' Xuereb – jidher illi Xuereb ma jidentifikax ruħu mal-filosofi analitiċi b'mod ultrafanatiku. Xi akkolt akkanit ta' xi Rudolf Carnap et al aktarx mhuwiex. Ibda biex, pirkażu, almenu sab daqsxejn spazju biex jakkomoda lill-idealiżmu ta' Hegel. Kien ukoll pjuttost relattivament ħanin ma' Marx. Saħansitra jiddikjara li jħaddan xi għamla ta' twemmin f 'Alla – kredu rari fost l-esponenti analitiċi u d-dixxipli kontemporanji tagħhom. Forsi ħabat tajjeb – biex issa bil-mod nerġgħu lura għand l-allat – li inzerta għandu dat- twemmin. Ħabat ħażin, mill- banda l-oħra, illi fl-istess waqt għadu jemmen fl-idea – issa llum ormaj żgur impossibbli daqs il-metanarrattivi l-oħra kollha li bir-raġun madankollu Xuereb jiċħad – tal-formazzjoni wiesa' fuq skala sinifikanti taċ- "ċittadini filosofi". Ħabat ħażin ukoll illi donnu jisħaq żżejjed illi – mis-sema 'l isfel jew minn taħt l-art 'il fuq – tabilħaqq żgur jeżistu l-veritajiet oġġettivi jew illi jimplika b'fidi, agħar minn hekk – dejjem jekk tassew hemm lok għal wisq ċertezzi assoluti – li l-bnedmin jistgħu qatt jaslu jikxfuhom bis-sħiħ permezz tal- filosofija jew tax-xjenzi umani, soċjali u naturali. Forsi kienu jaf x'qed jagħmel il-kittieb tal- Vanġelu ta' San Ġwann meta – quddiem il-mistoqsija ta' Pilatu "quid est veritas?" – ipprefera jirrikorri għall-ħtieġa tas-skiet. Il-fejda tas-skiet implikata fin-narrattiva evanġelika ta' San Ġwann tul is-snin ġiet interpretata b'bosta modi, uħud minnhom daqsinsew validi: għaqal, għerf, injoranza, arroganza. Għaldaqstant mhix ħaġa ċara x'funzjoni seta' kellha fl-immaġinarju mitiku ta' dan l-evanġelist. Iżda jidhirli li llum, għal persuni li jistgħu jingħaddu bi mgħallmin, esperti, speċjalisti – mitiċi jew mhumiex, lajċi jew le, ikunu xi jkunu – is-skiet kapaċi jaqdi funzjoni tabilħaqq fejjieda. Hawnhekk jerġgħu jidħlu fil-kredu dika l-mistoqsija ta' Byrne – "kif wasalna s'hawn?" – flimkien l-awturi tal-artiklu taċ-Church Life Journal, iżjed minn qatt qabel, issa, it-tama – aktarx fiergħa – li Alla jgħinna. F'ambjent akkademiku insulari fejn it-teknika – inklużi x-xjenzi mediċi sintendi – mhux talli terrqet ferm 'il bogħod (għad illi mhux bilfors lil hinn) mill- filosofija iżda talli ħadet ir- riedni fuq kollox u kulħadd, aktarx, ironikament, l-arma ġejjiena tal-filosofija ser tkun is- skiet. Wieħed mill-bosta sriema li kixfet jew kompliet tikkonferma l-pandemija tal-Virus Corona kien il-fatt illi meta niġu għas- si u n-no – saħansitra waqt kriżijiet plenatarji – il-filosofija ftit li xejn tingħata widen, aktarx sforz ukoll, iżda mhux biss, tal- illitteriżmu filosofiku li kkaġuna l-viru tal-ispeċjalizzazzjoni esperta. Għaldaqstant f 'dal- każ partikulari messithom l-istess sarima wkoll – bħalma rrimarkaw diversi filosofi kontemporanji bħal Giorgio Agamben, Massimo Cacciari u Bernard-Henri Lévy – għadd ġmielu ta' xjenzi soċjali u dixxiplini umanistiċi. Merħba allura fil-quċċata tat-trijonf singulari tat-teknika: it- teknokrazija. Id-dittatorjat xjentifiku u tekniku li qed jiżvolġi llum fid-dimensjoni tal-ġestjoni tal-pandemija mhuwiex wisq differenti minn dak li ormaj ilna spiss naraw fil-governanza ta' dimensjonijiet umani oħrajn, mhux l-inqas dik tax- xjenzi politiċi li jindokraw il- ġid komuni. Ma kienx hemm għalfejn tfaqqa' pandemija bħal din biex nintebħu b'dan. Is- sinjali ilhom hemm snin twal; it- twissijiet xejn inqas. F'intervista li kien ta f 'nofs is-snin sittin lill-ġurnal Der Spiegel il-ħassieb Ġermaniż Martin Heidegger kien stqarr dan: "il-filosofija mhix ser tkun kapaċi tħalli xi bidla immedjata fuq l-istat attwali tad-dinja. [...] Xi Alla biss jista' jgħinna". Ngħid għalija naqbel bis-sħiħ. Iżda l-bużillis hu li dan Alla la huwa dak tar-reliġjonijiet Abramiċi – li jekk niġu f 'dan, l-iżjed fl-għamla arkajka tiegħu, diġà qatlu Nietzsche – u lanqas dak ta' xi ċiviltà maġġuri oħra. Naturalment isegwi minn hawn illi mhuwiex eżattament lanqas dak illi lilu jitolbu taċ-Church Life Journal jew għandu mnejn, Alan Xuereb. Il-miġja ta' xi Alla feddej illi issuġġerixxa Heidegger tirreferi għal avveniment li qatt qatt ma rajna bħalu: aktarx ġrajja li l-kategorija tal-ħsieb tagħna 'qas biss għandhom ħila jipperċepixxu. Mhix ċara jekk dir-rimarka ta' Heidegger kinitx biss espressjoni retorika. Hu x'inhu, ma nemminx illi nistgħu tassew naħsbu fil-ġejjieni, anke dak tal-ġid komuni, kemm-il darba almenu – bħall- akkademiċi Church Life Journal – ma nibqgħux nistaqsu: "kif wasalna s'hawn?". F'dar-rigward wisq inqas qatt għad insalvaw lilna nfusna kemm-il darba m'aħniex ser nikkunsidraw – mill-ġdid u bis-sħiħ – il-mudell tar-rapport interdixxiplinari dominanti li għandna llum bejn il-filosofija, it-teknika u l-politika.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 January 2021