Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1332643
09 illum • IL-ĦADD 24 TA' JANNAR 2021 aħbarijiet Regoli Covid: 'Min qed jobdi u min le' - Is-Sindku Ġilajniż jilmenta Is-Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg jilmenta li hemm negozji li qed josservaw ir-regoli u oħrajn li mhumiex u jallega li qed jingħataw liċenzji temporanji biex bars isiru ristoranti ... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM F'kummenti mal-gazzetta ILLUM is-Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg ilmenta illi mhuwiex ġust li ċerti negozji qed isegwu r-regoli u nefqu l-flus biex josservaw il-liġi filwaqt li - skont hu - negozji oħrajn fil- lokalità mhumiex. San Ġiljan jinkorpora l-mekka tad-divertiment Paceville - bħalissa kwieta ħafna fejn is-soltu - fejn hemm densità qawwija ta' ristoranti, bars, lukandi u anke diskoteki. Aktar minn hekk huwa allega li minn informazzjoni li ngħatat lilu mill-forzi tal-ordni jidher illi numru ta' negozji ngħataw liċenzji temporanji biex jibdlu l-operat tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiftħu. Philip Fenech, mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji iżda ċaħad b'mod assolut din l-allegazzjoni u sostna mal- ILLUM illi l-istabbilimenti li huma miftuħin huma dawk li għandhom dritt ikunu miftuħin skont il-liċenzja tagħhom, jew li kien diġa' ingħatalhom il- permess sabiex isiru ristoranti. Buttigieg sostna li filwaqt li l-ewwel lealtà tiegħu huma r-residenti huwa jrid ukoll jirrispetta u jifhem il-bżonnijiet ta' stabbilimenti li jinsabu f 'San Ġiljan. "Hemm min qed jagħmel sforzi kbar f 'sens ta' responsabilità u osservanza lejn ir-regoli. Imma hemm oħrajn li qed jaraw sal-ponta ta' mneħirhom, jippruvaw jaraw kif jgħaddu mit-tieqa, minflok mill-bieb. Dan billi, fost oħrajn, jaraw kif se jġibu permessi biex bars isiru ristoranti - hemm min ġie mogħti liċenzji temporanji," saħaq Buttigieg. Huwa qal li hija inġustizzja li jkun hemm min jonfoq il-flus biex isegwi l-liġi u ħaddieħor le. Hawnhekk Buttigieg isemmi diversi inċidenti li jiġu rrappurtati lill-Kunsill Lokali ta' ksur tal-liġi jew nuqqas ta' osservanza tar-regoli. Huwa għadda filmat lil din il-gazzetta - meħud minn residenti - li juri grupp ta' nies jixorbu u jiddevertu barra bar bi ftit li xejn distanza. "Anke tal-każin kellmuni. Għalkemm hawnhekk m'għandniex kultura ta' każini, dawn qaluli wkoll illi filwaqt li huma ma jistgħux jiftħu, ħaddieħor qed jiftaħ," qal is- Sindku. 'Il-multi qed joħorġu u l-ispezzjonijiet qed isiru' Iżda mal-ILLUM Philip Fenech sostna li hu ma jaf b'ebda liċenzji temporanji li ħarġu għall-pandemija u li l-uniċi permessi li jaf bihom huma dawk ta' negozji li kellhom kċina kbira u kienu kisbu l-liċenzja mingħand tas-sanità, biex joperaw bħala ristorant. "Il-multi qed joħorġu u l-ispezzjonijiet qed isiru. Ma jfissirx li kullimkien, il-ħin kollu kulħadd qed josserva l-liġi! Imma lanqas nistgħu ngħidu li kulħadd u l-ħin kollu qed tinkser il-liġi," sostna Fenech. Huwa qal li saħansitra l-forzi tal-ordni qed jiċċekkjaw id-distanzi minn mejda u oħra u hemm min qala' multa għax id-distanza ma kinitx kif titlob il-liġi. Fenech qal li l-impressjoni li għal kulħadd huwa 'business as usual' mhix korretta u qal illi dan huwa manifestament ċar minn sempliċiment mixja fit-toroq "fejn tara illi b'mod ġenerali r-regoli qed jiġu osservati u segwiti." Hawnhekk ifakkar illi huwa d-dmir tal-management ta' negozju li jikkontrolla s-sitwazzjoni fin-negozji tiegħu, "pero' hija wkoll ir- responsabilità tal-klijenti li jkunu responsabbli", ifakkar Fenech. Is-Sindku ta' San Ġiljan reġa' lmenta dwar l-inċident li seħħ nhar l-ewwel tas-sena f 'Paceville u appella biex il-pajjiż jattira l-kwalità, ħalli - fi kliemu - il- lokalità ma ssirx "il-wild west" ta' Malta. "Għandna opportunità permezz tal-pandemija biex nagħmlu l-affarijiet sew u nattiraw il-kwalità. Għandi informazzjoni li wħud minn dawk in-nies involuti fil-ġlieda f 'Paceville fil-bidu tas-sena kienu diġa' involuti fi ġlieda oħra f 'Paceville. Allura dan sew jiġifieri? Ħadd ma jista' għalihom dan-nies" itemm jistaqsi Albert Buttigieg. Is-Sindku Ġiljaniż Albert Buttigieg