Illum previous editions

ILLUM 21 February 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1342441

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 27

21 editorjal illum • IL-ĦADD 21 TA' FRAR 2021 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt D an il-pajjiż għamel qabżiet kbar soċjali, infrastrutturali u politiċi fl- aħħar snin. Min b'pass mgħaġġel u min b'pass aktar kajman wettaq diversi riformi u bidliet f 'diversi setturi, li għamlu l-ħajja ta' eluf ta' nies tant aħjar jew iktar komda. Imma jinħass, dejjem iktar li issa jmiss li nieħdu l-pass li jmiss, il-pass li nkissru tabuwijiet ġodda, li jsiru proġetti infrastrutturali li sa issa baqgħu fl-arja u fil-ħolm u li jsiru wkoll riformi li vera jixirqu lil pajjiż li ħiereġ dejjem iktar minn taħt il-madmad u l-mentalità medjokri u kolon- jalista tal-passat. Li jirriflettu mentalità ta' poplu modern u intelliġenti li jaf xi jrid, mhux ta' 'fejn-ħabat-laqat'! Nibdew bl-infrastruttura. Qed isiru proġetti kbar ta' toroq f 'ħafna żoni tal- pajjiż - l-akbar naslu ngħidu bħalissa huwa tal-Marsa, bil-proġett ta' Santa Luċija ħdejh. Proġetti li mhux biss biddlu wiċċ din iż-żona tal-pajjiż, imma jidher ukoll illi qed iħallu l-frott b'ħafna residenti jirrapportaw livelli ħafna iktar baxxi ta' traffiku fiż-żona tal-Addolorata, Aldo Moro u l-madwar. Proġetti oħrajn kbar u żgħar, uħud minnhom kontroversjali minħabba teħid tal-art jew inkella l-arroganza ta' ċerti uffiċjali pubbliċi li messhom jafu ħafna aħjar, qed isiru bħalissa, fosthom dak tas-Central Link u t-triq li twasslek għal Burmarrad. Fejn hu tajjeb, dan kollu huwa tajjeb. It-toroq ġodda jidhru sbieħ u x-xogħol qawwi li sar jew qed isir huwa tanġibbli. Imma issa jmiss nieħdu l-pass li jmiss. U l-pass li jmiss fil-qasam tat- trasport huwa li neċċellaw f 'dak pubbliku: Kemm eżistenti kif ukoll trasport ġdid li nistgħu noħolqu. Fuq il-programm Xtra din il-ġimgħa l-Ministru Ian Borg indika li f 'idejh għandu r-rapporti tat-tekniċi dwar il-possibilità ta' Metro f 'pajjiżna. Fuq il-karta dan il-proġett mhux biss huwa mixtieq imma jagħmel bil- qabda aktar sens minn mina li tiddependi minn volum kbir ta' karozzi biex tkun vijabbli, bil-konsegwenza li żżid it-traffiku lejn Għawdex, tħammeġ aktar l-arja u tagħti d-daqqa tal-mewt lill-karatteristika Għawdxija, li wara kollox tagħmilha differenti minn Malta. Fuq il-karta jidher illi Metro huwa l-pass li jmiss, anke jekk jidher illi huwa kbir wisq u ambizzjuż wisq. Naturalment x'jaf il-Ministru Borg aħna sa issa nafux, pero' jekk dan ir-rapport juri illi Metro hija fattibbli u sostenibbli fit-tul, mela ejja nagħmlu dan il-pass li jmiss f 'dan il-qasam. Fit-turiżmu, il-pass li jmiss definittivamet trid tkun il-kwalità. Kwalità tajba, ta' prodott serju ta' erba' u ħames stilel u fejn hemm bżonn anke sitt stilel. Bla dubju hawnhekk il-pass li jmiss huwa r-rijinvenzjoni u r-riġenerazzjoni assoluta - infrastrutturali u ekonomika ta' Buġibba u l-Qawra. Ma ninsewx li din hija l-lokalità illi fiha joqgħodu eluf kbar ta' turisti fis-sena (apparti eluf kbar ta' Maltin u eluf oħra ta' barranin) u minnha jiddependu mijiet ta' negozjanti żgħar u lukandiera, uħud minnhom kbar! F'pajjiż daqs naqra ma naffordjawx ninjoraw biċċa jew nirrelegaw żona turistika għat-tielet klassi! Il-prodott Malti li jaraw t-turisti jeħtieġ ikun ta' kwalità għolja dejjem, mhux xi kultant: Jekk hux Tas-Sliema, Paceville, il-Belt Valletta jew Buġibba. Fl-ambjent il-pass li jmiss huwa li kollox jkun iċċentrat madwar il-bżonn ta' kwalità ta' ħajja għolja. Ġonna, siġar, postijiet fejn persuni jistgħu jimxu, ħarsien tal-qalba tal-irħula mhux l-isfigurament tagħhom u dixxiplina stretta fejn jirrigwarda mmaniġġjar tal-iskart. L-ambjent huwa wkoll is-sostenibilità; żvilupp, trasport, turiżmu ... sostenibbli! Naturalment dan huwa bilanċ li mhux daqstant faċli jintlaħaq, imma dak għandu jkun il-pass li jmiss. Fil-qasam tax-xogħol, il-pass li jmiss għandu jkun il-garanzija li d-drittijiet tal-ħaddiem ikunu mħarsa, anke jekk huwa ħaddiem barrani. U dan jista' jiġri biss jekk il-ħaddiema - speċjalment dawk barranin - jitħallew liberament jidħlu f 'unjin. Sakemm dan ma jsirx u sakemm numru ta' ħaddiema jiġu mhedda jekk jippruvaw jidħlu f 'unjin, se nibqgħu naraw il-prekarjat u l-abbuż. Il-pass li jmiss fis-saħħa hija li nkomplu neċċellaw u li professjonisti u riċerkaturi Maltin jiġu Malta jħarrġu lill-Maltin mhux inħalluhom barra mill-pajjiż. Li naraw illi l-infermiera u t-tobba huma mhux biss rikonoxxuti, imma trattati ta' rejiet u nagħmlulhom ħajjithom faċli, ħalli l-infermiera barranin ikunu jridu jiġu jeċċellaw f 'Malta, mhux jitilqu minnha għax hawnhekk kollox jeħel fil-burokarzija! Li pajjiżna jsir hub ta' riċerka medika ta' suċċess u ta' isem. Il-pass li jmiss ukoll iva f 'politika nadifa. Li naqtgħu darba għal dejjem il-politika nepotista, korrotta u maħmuġa li tiġġustifika kull tip ta' serq bil-premessa li "għax il-Gvern preċedenti ...". Kull ċenteżmu li jinsteraq f 'koruzzjoni huwa ċenteżmu li seta' mar għall-edukazzjoni, saħħa u l-benefiċċji soċjali! Li nippretendu l-ogħla standards minn min imexxina, mhux naċċettaw kollox bl-iskuża tal-lealtà falza! U nistgħu nibqgħu għaddejjin. Imma se ngħalqu b'waħda: Il-pass li jmiss fil-qasam tal-housing huwa li kulħadd, kull persuna li tgħix Malta tgawdi fir-realtà d-dritt bażiku ta' saqaf fuq rasha. Li ħadd ma jibża' li se jispiċċa fit-triq! Li ma jkollniex bżonn min joqgħod jarma tinda ħdejn il-Parlament! Li ma jkollniex nies li qed iħallsu tliet kwarti tal-paga f 'kirja, għax ilhom snin jistennew fuq il-lista tal-housing! Il-passi li jmiss...

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 February 2021