Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1350544
27 films illum • IL-ĦADD 14 TA' MARZU 2021 Carmel Bonnici L-awtur Tennessee Williams fuq il-liżar ċinematografiku (2) (Ikompli minn nhar il-Ħadd li għadda) Issa se nagħti xi nformazzjoni utli fuq il-maġġoranza tal-films li nħadmu mir-reċti ta' Tennesee Williams: The Glass Menagerie: Direttur Irving Rapper. Drama ta' tfajla zoppa, ommha li kienet mara sabiħa tas-Sud, issa qed tixjieħ u ħuhom idealistiku, kollha jgħixu f 'kwartieri ta' ftit spazju, f 'dinja fraġli tal-ħolm tagħhom. Dan kien xogħol awtobijografiku għax l-awtur għadda xi żmien jgħix din l-esperjenza. Inħadem darbtejn oħra, fl-1983 għat-TV u 1987 dirett minn Paul Newman. A Streetcar Named Desire: Film iddominat miż-żagħżugħ Marlon Brando, wara s-suċċess li kellu f 'din il-parti fuq Broadway. Dirett minn Elia Kazan. Brando bħala s-selvaġġ Stanley Kowalski, Vivien Leigh oħtu tar-rispett bi problemi mentali li jisimha Blanche Dubois, kollha jgħixu f 'appartament ċkejken f 'New Orleans. Vivien Leigh, Kim Hunter u Karl Malden rebħu l-Oscars, kif ukoll intrebaħ ieħor għas-"set decorations", iżda Brando ħalla l-aktar impatt. Dan huwa film eċċellenti li nħadem darbtejn oħra, għat-TV fl-1984 u l-1995. The Rose Tattoo: Direttur Daniel Mann. Anna Magnani tibbrilla f 'parti ta' armla mhix sodisfatta u ta' klassi baxxa li jkun irid jirranġa magħha Burt Lancaster li jsuq trakk. Hi rebħet l-Oscar tal-1956 flimkien ma' James Wong Howe, il- cameraman. Tennessee Williams għex xi snin f 'Ruma, kien ħabib ħafna ma' Anna Magnani u kiteb The Rose Tattoo u Orpheus Descending apposta għaliha. Baby Doll: Direttur Elia Kazan. B'fotografija pittoreska fl-Istat ta' Mississippi, l-istorja tinvolvi tfajla taħt l-eta' (Carroll Baker), żewġha baħnan u kollu storbju (Karl Malden) u r-rival tiegħu (Eli Wallach) negozjant kollu tifħir u kif hi tużahom għall-iskopijiet tagħha. Fi żmienu kien ikkundannat mill-Legion Of Decency u, naturalment, hawn Malta baqa' ma ntweriex. Cat On A Hot Tin Roof: Direttur Richard Brooks. Il- patrijarka mis-Sud (Burl Ives) isir jaf li dalwaqt imut. Il- familja tiegħu kollha rgħibin għall-flus, ħlief ibnu (Paul Newman), jiġġildu bejniethom għall-sehemhom. Cast tajjeb li jinkludi lil Elizabeth Taylor, Jack Carson u Judith Anderson. Suddenly Last Summer.: Reċta affaxxinanti dwar matrijarka mis-Sud (Katharine Hepburn), in-neputija tagħha suppost miġnuna (Elizabeth Taylor) u tabib li jrid jieħu ħsiebha (Montgomery Clift), kollha tajbin ferm bid-direzzjoni fdata f 'idejn Richard Brooks. Fl-1992 inħadem għat-TV. The Fugitive Kind: Direttur Sidney Lumet. Meħud mill-play ta' Tennessee Williams, Orpheus Descending, insibu lil Marlon Brando, wieħed li jiġġerra minn belt għall-oħra u jirkeb lin-nies, u li jasal f 'post tas-Sud Amerikan fejn jqajjem passjonijiet ta' mħabba f 'mara miżżewġa ta' eta' medja (Anna Magnani) u f 'Joanne Woodward, xebba fuq tagħha. Fl-1990 inħadem għat-TV bl-isem ta' Orpheus Descending. Sweet Bird Of Youth: Direttur Richard Brooks. Din ir-reċta ta' Tennessee Williams ġiet imnaddfa ftit għaċ-ċinema, imma xorta waħda tibqa' drammatika. Paul Newman jerġa' lura lejn belt tas-Sud ma' Geraldine Page, reġina tal-films, issa żmattata u jikkawża lill- aktar bniedem qawwi u korrott tal-belt (Ed Begley) biex iġibu f 'postu. The Night Of The Iguana: Richard Burton kien qassis, pero' issa sar alkoħoliku u jinsab fuq karozza tal-linja li qed iddur fil-Messiku u jkun involut ma' Deborah Kerr, Ava Gardner u Sue Lyon. Oscar għal Dorothy Jeakins għall-kostumi li kkreat. John Huston idderieġa. This Property Is Condemned: Direttur Sydnet Pollack. Meħud minn reċta b'att wieħed ta' dan l-awtur li turi lil Natalie Wood li ssir tħobb lil Robert Redford, li hu alloġġjat fil-"guest house" ta' ommha. Teċċella biss il- fotgrafija ta' James Wong Howe. Tennesse Williams kien forza kbira f 'xogħlijiet ta' natura serja u drammatika, li kważi kollha sabu ruħhom fuq il-liżar il-kbir. Ħafna atturi li ħadu sehem f 'dawn il-proġetti verament ixxalaw fir-reċtar u anki rebħu xi unuri. Tassew iddistingwew ruħhom Paul Newman, Marlon Brando, Karl Malden, Anna Magnani, Vivien Leigh, Elizabeth Taylor, Richard Burton, Geraldin Page u oħrajn li anki ħadmu dawn il- produzzjonijiet fuq il-palk. (tmiem)