Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1358362
14 analiżi IL-ĦADD 4 TA' APRIL 2021 • illum L-ABBATIJA TAD-DEJR DINJA AFFAXXINANTI TAĦT INIZJATTIVA INTERESSANTI Mhix magħrufa daqs siti oħrajn, imma hija ta' preġju kbir xorta. Amy Briffa, Communications Coordinator fi ħdan il-Heritage Malta teħodna lura fiż-żmien u madwar il-kumpless ta' Katakombi tal-Abbatija tad-Dejr ... AMY BRIFFA Żewġ dinjiet paralleli. Hekk jistgħu jissejħu dik ħiemda u sagra ta' ġewwa l-kumpless ta' katakombi tal-Abbatija tad- Dejr u l-oħra xemxija u mimlija ħajja ta' fuq is-soqfa tagħhom, fejn issa ġnien maħdum mill- komunità jsebbaħ l-art. Moħbija fil-qalba tar-Rabat, l-Abbatija tad-Dejr bħal donnha ma tridx tinstab minn kulħadd, imma minn dawk biss li lesti japprezzaw sbuħitha u qdusitha. Hekk kif lura fis-sekli dan il-sit uniku kien iservi ta' post fejn jinġemgħu komunitajiet kwieti u ristretti ta' Nsara tal-bidu f 'pajjiżna, illum il-ġurnata dan is-sit imħares minn Heritage Malta jinżamm magħluq għal raġunijiet ta' konservazzjoni u jinfetaħ biss b'talba speċjali jew għal attivitajiet speċifiċi. Iżda għalkemm huwa wieħed mill-anqas siti storiċi magħrufa fost dawk fdati f 'idejn l-Aġenzija Nazzjonali għall- Mużewijiet, Konservazzjoni u l-Wirt Kulturali, l-importanza storika u l-valur bla qies ta' dan is-sit huma diffiċli tiġborhom fi kliem. Qalb il-ħjiel ta' ġebel bejn ħaxix selvaġġ u l-forom ta' daħliet u twieqi mnaqqxa f 'ħajt baxx mal-ġenb li jolqtu l-għajn minn barra, persuna mhux mgħarrfa forsi ftit tara preġju. Iżda tliet passi biss 'l isfel mil- livell tat-triq, dinja mgħottija mill-velu tqil taż-żmien tinsab lesta biex tkun skoperta mill- viżitatur li jirfes fiha. L-Abbatija tad-Dejr u l-ewwel skoperti tagħha Pajjiżna huwa mżewwaq minn numru mdaqqas ta' siti tad-dfin tal-perjodu Ruman tardiv u Biżantin. Peress li lura f 'dawn iż-żminijiet ir-Rabat u l-madwar kienu jservu bħala l-kapitali ta' gżiritna, wieħed jista' biss jistenna li l-akbar konċentrazzjoni ta' dawn tinsab proprju f 'dawn l-inħawi. L-Abbatija tad-Dejr hija proprju waħda mill-ġawhar li jżewqu din iż-żigarella ta' fdalijiet mill- passat li llum joffrulna minjiera ta' informazzjoni dwar min ġie qabilna f 'dawn il-gżejjer. L-aktar kitba qadima, li nafu biha, fejn issemmiet l-Abbatija hija dik mill-istudjuż Malti Ġan Franġisk Abela lura fl-1647. Fi ktieb li ħareġ f 'dik is-sena li kien jiddeskrivi rħula, bliet u siti ta' interess f 'pajjiżna, Abela ppubblika disinn tal-katakomba ewlenija u ta deskrizzjoni dettaljata tal-kappella, l-eremitaġġ u l-oqbra li nnota fis-sit. Eqreb ta' żminijietna iżda, kważi mitt sena ilu, kien Sir Temi Zammit li skava s-sit aktar fil-fond, bejn l-1926 u l-1927. Aktar skavi saru wkoll sitt snin wara minn Sir Louis Upton Way. Fhiex jikkonsisti dan il-kumpless? Il-kumpless jikkonsisti minn erba' katakombi mħaffra fejn xulxin fil-wiċċ tal-blat, u kappella medjevali. L-ewwel użu tal-post kien proprju bħala sit tad-dfin, l-ewwel fil-perjodu Puniku-Ruman u mbagħad mal-milja taż-żmien anke għall- ewwel komunitajiet Kristjani f 'pajjiżna, bejn ir-raba' u t-tmien seklu wara Kristu. Lura f 'dawn iż-żminijiet, xbieha tal-Arkanġlu Mikiel impinġija f 'affresk reliġjuż fuq il-portiku ta' qabel l-ewwel katakomba kienet tkun fost l-ewwel immaġni li jaraw id- devoti miġbura fis-sit. Illum il-ġurnata minn din ix- xbieha fadal biss ir-raġġiera u burdura ħamra, iżda aktar tiżjin mad-daħla tas-sit ma jonqosx. Tmien slaleb tat-tip Grieg u Latin, ukoll mimlija b'żebgħa ħamra, għadhom jistgħu jidhru biċ-ċar inċiżi f 'diversi partijiet tal-ħitan. Niċċa mnaqqxa fil-ħajt bi fdalijiet ta' aktar żebgħa ħamra li turi żewġ figuri fi stil Sikulo- Biżantin, li possibbilment tmur lura għall-bidu tas-seklu 14, ukoll tinsab f 'din l-ewwel parti tal-kumpless. Imma min indifen hawhekk? Hekk kif tixref lil hinn mill- portiku mimli arkati, issib ruħek fl-akbar u l-aktar katakomba importanti tas-sit, li fiha 16-il qabar. Din il-katakomba tidher li nbniet bi pjan, u aktarx hija waħda mill-ftit katakombi lokali li tħaffru b'dan il-mod. Hu maħsub li ma kinitx tappartjeni lil familja waħda iżda lil għadd ta' familji sinjuri. Il-livell ta' kumdità finanzjarja tan-nies li ndifnu f 'dan il- post jixhidha wkoll l-istil li bih l-oqbra msemmija ġew imnaqqxa, imsejjaħ baldakkin. Dawn kienu jikkonsistu minn pjattaforma mdawra b'forom ta' arkati li jagħtu l-idea ta' tinda fuq il-qabar, imqassma f 'tul ta' ringieli puliti. It-tiżjin f 'dawn l-oqbra – fosthom disinji ta' weraq tal- palm, arzell u skali tal-ħut marbutin mat-twemmin Nisrani tar-rebħa fuq il-mewt – ikompli juri biċ-ċar li dawn kienu nies tat-tajjeb. Flimkien ma' tinqix ornamentali, fl-Abbatija tad- Dejr insibu wkoll waħda mill- ftit skrizzjonijiet f 'katakombi f 'Malta li tagħtina tagħrif dwar dawk midfunin fil-post. Huwa mifhum li l-katakombi waqfu jintużaw għad-dfin għall-