Illum previous editions

ILLUM 20 June 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1385126

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 27

12 intervista IL-ĦADD 20 TA' ĠUNJU 2021 • illum 'Dan pajjiż fewdali - li jitmexxa moħbija, bi swaba twal bħal Alan Borg ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Inti Sindku ta' San Ġiljan, lokalità illi fiha l-iżvilupp huwa kontinwu u ġeneralment jkun estensiv. Imma inti tippretendi li ma jsirx żvilupp? Jekk le, f'dak li jirrigwarda żvilupp x'qed tippretendi li jsir? Ir-risposta tiegħi kienet u hija waħda ċara u konsistenti. L-iżvilupp huwa parti mill-mixja tal-progress ta' nazzjon. Allaħares għadna naħslu b'idejna, jew inkella insajru fuq il- kenur! Imma kull żvilupp irid iseħħ f 'kuntest wiesgħa u b'rispett għall-istess kuntest. Kull progress ma għandux jissarraf f 'rigress. Kull progress irid ikun bi ħsieb u bi pjan ħolistiku. Kull progress irid ikun għall-ġid komuni u mhux għall-interesssi tal-it. Dawn huma xi wħud mill-prinċipji bażiċi ta' kull żvilupp. Dan japplika wkoll għall-iżvilupp tal-bini. Fih innifsu, dan huwa tajjeb u diversi huma dawk li jaqilgħu l-ħobża tagħhom minn dan is-settur, imma dan ma jridx ikun ta' dannu għal ħwejjeġ oħra. Kif igħid il-Malti: 'Ma tistax iżżarma knisja biex tibni oħra'. Għaldaqstant huwa importanti li l-ewwel nistaqsu jekk hemmx bżonn dan l-iżvilupp kollu. Hemm bżonn dawn il-hotels kollha? Hemm bżonn dawn l-appartamenti kollha? Tajjeb infakkar li żżejjed huwa oħt in-nieqes! Jista' ikun li dan l-iżvilupp sfrenat huwa biss mod kif nagħmlu ekonomija b'saħħitha? Jista' jkun li dan huwa dak li bl-Ingliż jissejjaħ 'engineered economy?' Insejna li jkun tajjeb li ma jkunx hemm dipendenza fuq settur wieħed imma li jkun hemm diversifikazzjoni tas-setturi li fuqhom tkun mibnija l-ekonomija? X'jiġri jekk dan is-settur jidħol fi krizi kif ġara f 'pajjiżi oħra? Jew naħsbu li aħna l-eċċeżżjoni? Mistoqsija oħra: Dan l-iżvilupp qed iwassal biex jeqred/tidgħajjef l-identità tagħna? Dan l-iżvilupp qed jeqred l-ambjent tagħna, li diġà huwa wieħed limitat? L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. Kulħadd iħobb daru, imma d-dar komuni tagħna qed nieħdu ħsiebha? Dan l-iżvilupp kollu se jwassal għal nuqqas ta' spazji miuħa. Issa, ix-xjenza qed turina li fejn hemm ħafna żvilupp hemm ukoll nuqqas ta' saħħa mentali. Mhux biss. Ejja nistaqsu wkoll: Dan l-iżvilupp qed iwassal biex jagħmel ħsara lill-patrimonju tagħna? U jekk il-patrimonju tagħna jispiċċa, mhux qed nagħmlu ħsara lit-turizmu, wieħed mill- pedamenti tal-ekonomija tagħna? Jekk isir dan, għalfejn jiġu t-turisti fostna? Għalhekk, filwaqt li napprezza l-importanza tal-iżvilupp tal-bini, dan għandu jsir bi pjan ħolistiku u li jirrispetta l-lokalità. Fil-każ ta' San Ġiljan, b'dispjaċir ngħid li dan mhux qed iseħħ. San Ġiljan spiċċa mhux biss 'one construction site' imma kwazi spiċċa 'favela'. Ma hawnx triq waħda li ma hemmx kostruzzjoni għaddejja fiha! U dan qed iwassal għal livell ta' kwalità ta' ħajja ħażina lir-residenti tagħna, li ta' kuljum iridu jgħixu fit-trab, storbju, trakkijiet, arroganza ta' ċerta ħaddiema u elf ħaġa oħra. It-torri tal-Proġett ta' Mercury House - huwa wieħed enormi. Ħafna nies jgħidulek 'kemm ġej sabiħ' jew oħrajn jgħidulek 'kemm se jkun modern/iġib kummerċ'. Xi kultant l-akkuża tkun illi nies bħalek dejjem kontra l-progress. Int kif twieġeb? Il-mistoqsija tiegħek fija r-raġuni għalfejn ninsabu f 'dan il-kaos ambjentali! Inti semmejt eżempju ta' lukanda waħda u nsejt isemmi l-kuntest kollu fejn tinsab! Nemmen li dan huwa l-iżball li qed isir. Meta niġu nitkellmu fuq l-iżvilupp qegħdin nieħdu 'piecemeal approach', jiġifieri naraw biss proġett wieħed waħdu! Proġett waħdu huwa sabiħ jew le skont il-gosti. Meta ssir preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, l-applikant jagħti stampa sabiħa fejn in- nies qed jimxu fit-triq mingħajr karozzi u kullimkien ħdura! Dan huwa ingann! L-ikbar żball tal-Awtorità tal-Ipjannar hija li mhijiex qed tieħu l-kuntest tal-madwar u dak kummulattiv, jiġifieri flimkien ma' dak kollu li hemm, fejn se jwassal? Wasal żmien li jkollna masterplan tal-lokalità li tagħti stampa fejn, kif u x'għandu jinbena u lokalità x'tiflaħ aktar. Xi sentejn ilu, il-Gvern ħareġ bil-Paceville Masterplan. Fiha kien daħħal ammont kbir ta' żvilupp mingħajr ma ħa inkonsiderazzjoni, l-esiġenzi tar- residenti / komunità kummerċjali, il-madwar u l-infrastruttura kollha. Dan il-masterplan spiċċa fix-xejn imma ironikament kull żvilupp li kien propost, xorta spiċċa sar! Fosthom kien hemm il-Villa Roza Complex, it-torri tal-Mercury House 1 u torri tal-Mercury 2 li se jinbena u l-proġett ta' DB, fost oħrajn. Għalhekk hemm bżonn urġenti ta' masterplan li jiġbor lill-istakeholders kollha, inkluż lill-Kunsilli Lokali, u li jkun hemm investiment qawwi fl-infrastruttura. Ma nistgħux nkomplu nibnu fuq biċċa, biċċa u ma jinterressaniex mill-konsegwenzi! Dawn l-iżviluppi enormi kollha seħħew jew se jseħħu imma t-toroq, il-bankini, is- sistema tad-drenaġġ u sistema ta' traffiku għadhom l-istess! Mhux hekk biss. Issa biex isir il-proġett ta' DB, il-case officer qal li dan il-proġett jiddependi mill-mina li jrid jibni l-Gvern! Imma minflok saret il-mina l-ewwel, ħareġ il-permess għal bini tad-DB l-ewwel! F'dan il-masterplan li rridu naraw huwa kemm tiflaħ mhux biss il-lokalità tagħna imma kull lokalità. Ma nistgħux nibqgħu ngħabbu u nibnu, bħal ma kien jiġri fuq il- karozza tal-linja l-antiki.....jgħabbi u jgħabbi biex konna nispiċċaw qisna sardin fuq xulxin! Ħaġa oħra li l-masterplan irid jieħu ħsieb huwa jekk l-iżvilupp hux se jkun ta' ħsara għal min huwa ħdejh. Dan qed ngħidu għaliex diversi qed jispiċċaw fid-dell tal-bini u jħarsu lejn blanket walls! Hawn insemmi il-bżonn li nibdew nitkellmu fuq id-drittijiet solari. Idejqek il-fatt li lilhinn mill-kliem fieragħ la l-Partit Laburista, li jiġi akkużat ħafna li huwa fil-but tal-kuntratturi, lanqas il-Partit Nazzjonalista mhu qed jitkellem fuq żvilupp b'mod ċar. Bħal fil-każ tal- permess tad-DB. La l-PN u lanqas il-PL ma tkellmu. Ma jdejqekx li lanqas il-PN mhu jkun voċiferu kontra kuntratturi daqstant kbar? It-tweġiba ta' din il-mistoqsija trid ħafna onestà u kuraġġ! Irridu nkunu onesti u nistqarru l-fatt li sfortunatament il-pajjiż mhuwiex immexxi mill-politiċi magħżula fl-elezzjoni, imma minn min huwa wara s-siġġu tal-poter. Xi wħud jibżgħu jgħidu dan jew inkella jsibuha diffiċli jammettu dan bil-miuħ. Personalment, nemmen li Malta mhix pajjiz demokratiku 100% imma wieħed fewdali. Xi jfisser pajjiż fewdali? Fewdali jfisser li jitmexxa minn nofs tużżana b'id moħbija, bi swaba twal bħal qarnita! Ma għandix għalfejn insemmi ismijiet għaliex jekk wieħed ikun onest, jaf sew minn huma! Dawn matul is- snin dejjem għamlu li riedu, ħadu li riedu u ħadd ma seta'/jista' għalihom. Ma għandix problema nistqarr li l-ewwel 'ħelbu lill-baqra Nazzjonalista' u wara li redgħu miż-żejża kemm felħu, daru għall-'baqra' Laburista!' L-ironija hija li filwaqt illi l-attivisti Nazzjonalisti u dawk Laburisti qishom kelb u qattus, dawn, li jħossuhom 'il fuq minn kulħadd, jogħrku jdejhom u jmexxu permezz tal-istrategija ta' 'divide and rule'. U l-boloh li aħna noqogħdu niġġieldu bejnietna! Il-ġrajjiet li seħħew dawn l-aħħar snin u l-istejjer li qed nisimgħu juru biċ-ċar li hemm qarnita li għandha subgħajha twal u kullimkien. L-appell tiegħi huwa li filwaqt li kulħadd għandu dritt għal opinjoni politika tiegħu (u din hija s-saħħa tad-demokrazija), tajjeb li niqfulhom! Nimu li l-intenzjoni tagħhom mhijiex il-ġid ta' nazzjon imma l-interessi egoistiċi tagħhom li jkomplu jerdgħu u jkabbru l-imperi tagħhom! Dawn huma s-sangisugi tad-demokrazija tagħna. Dawn huma l-vera tradituri ta' pajjiżna! Dawn jinħabbu mal-partiti politiċi mhux għax iħobbu xi partit jew ieħor imma biex jinqdew huma. Nistqarr li dan ma seħħx illum imma ilu ġej! X'inhi s-soluzzjoni? Is-soluzzjoni hija l-finanzjament tal-partiti politiċi mill-Istat u li kull donazzjoni tkun illegali. Sakemm dan ma jseħħx se nibqgħu hekk! Għalkemm din hija r-realtà, jiena kommess li kif dejjem għamilt, inkompli nagħmel: inżomm mal-ġid komuni biss! Ma nibżax nitkellem, anke jekk nidher ikrah ma' xi wħud jew ningħata l-ġenb. Jiena ma dħaltx fil-politika biex inkompli b'din l-istorja! Dħalt fil-politika biex l-abjad nibqa' insejjaħlu abjad u l-iswed isejjaħlu iswed. San Ġiljan hu li hu llum - kważi Huwa s-Sindku ta' waħda mill-aktar lokalitajiet li fiha bħalissa għaddej żvilupp ta' kostruzzjoni. Huwa voċiferu kontra proġetti ta' kostruzzjoni kbar fil-lokalità u spiss ikun ma' għaqdiet ambjentali jipprotesta. Il-gazzetta ILLUM tintervista lis-Sindku ta' San Ġiljan, Albert Buttigieg...

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 June 2021