Illum previous editions

ILLUM 27 June 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1387607

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 27

14 kultura IL-ĦADD 27 TA' ĠUNJU 2021 • illum Mons. Ġużeppi Adami (1868 - 1927): Arċipriet FABIAN MANGION Il-bidu tal-familja Adami f 'Malta jinsab lejn nofs is-seklu sbatax biż-żwieġ bejn Emmanuele de Adamo u Alaria Anna Gamberino fil-Knisja Parrokkjali ta' Sidtna Marija tal-Portu Salvu, il-Belt Valletta fis-7 ta' Ġunju 1649. Dan iż-żwieġ kien iż-żerriegħa li nibtet u kabbret siġra li tat frott abbundanti ta' personalitajiet illustri. Il-familja Adami Dixxendenti ta' din il-familja bdew jgħixu fl-Isla u, sa nofs is- seklu dsatax, insibu żewġ familji bil- kunjom Adami, it-tnejn jiġu minn xulxin. L-ewwel waħda nbdiet biż- żwieġ bejn Saverio Adami u Maria Scicluna, li seħħ fil-Knisja Kolleġġjata tal-Isla fl-4 ta' Frar 1812. Minn dan iż-żwieġ, tnisslu numru ta' wlied. Fosthom, kien hemm, Ġorġ, li fl-1840, wiret il-benefizzju ekkleżjali ta' zijuh, il-Kanonku Dun Ġużepp Scicluna u b'hekk sar l-ewwel kanonku bil-kunjom Adami fil-Kolleġġjata Sengleana. Wild ieħor kien Franġisk, tabib, li nvolva ruħu fil-politika. Kien hemm ukoll Tereża li, fit- 12 ta' Frar 1854, fil-Kolleġġjata tal- Isla, ingħaqdet fiż-żwieġ mat-Tabib Dott. Franġisk Fenech. Kien minn ulied din il-koppja li ġie ffurmat il-kunjom Fenech Adami. Tereża u Franġisk huma l-bużnanniet ta' Dott. Eddie Fenech Adami, President Emeritu. It-tieni familja kienet dik ta' Franġisk Adami li, fit-12 ta' Lulju 1859 ingħaqad fiż-żwieġ ma' Tereża Camilleri fil-knisja ta' Sidtna Marija tal-Portu Salvu, l-Belt Valletta. Minn dan iż-żwieġ tnisslu disa' wlied, ilkoll mgħammda fil-Kolleġġjata tal-Isla. Fosthom, insibu lil Goffred, avukat u membru fil-Kunsill tal- Gvern, li bena l-ġenealoġija ta' familji Maltin bil-għan li jħalli dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal- Maltin. Din il-Giuliana, magħrufa llum bħala e Adami Collection, tinsab konservata fil-Biblijoteka Nazzjonali. Żewġ ulied oħra kienu Salvinu u Ġużeppi li saru qassisin. Fis-26 ta' Diċembru 1906, Salvinu sar kanonku tal-Kolleġġjata tal-Isla billi wiret il-kanonikat tal-Kanonku Dun Ġorġ Adami. Ġużeppi, is- suġġett ta' din il-kitba, kellu jistenna it iżjed. Iben l-Belt Qatt Mirbuħa Ġużeppi twieled fl-Isla, fit-3 ta' Mejju 1868. Erbat'ijiem wara, ġie mgħammed fil-Kolleġġjata mill- Kan. Dun Franġisk Colombo, Arċipriet tal-Isla. Serva bħala abbati fil-Kolleġġjata u ta' 15-il sena, kien jgħallem lit-tfal fl-Istutut tal-knisja ta' San Ġiljan u iżjed tard f 'dak tal-Oratorju tal- Kandlora, fl-Isla stess. Wara s-snin ta' formazzjoni fis-seminarju, fid-19 ta' Mejju 1894, ġie ordnat saċerdot. Fl-1895 kiseb id-dottorat fit- teoloġija mill-Università ta' Malta. Fl-istess żmien huwa ntgħażel bħala kappillan tas-Sorijiet Franġiskani fl-Isla, u bosta istituti għażluh bħala l-konfessur tagħhom. Kien ukoll direttur spiritwali ta' xi skejjel. Bħala predikatur tajjeb, mhux biss kien fost il-qassisin tal- Missjoni, imma ġie msejjaħ ukoll f 'bosta knejjes ta' Malta. Kappillan f'Ħal Għaxaq Meta f 'Awwissu 1902, il-Kan. Dun Ġużepp Tagliaferro spiċċa minn Arċipriet tal-Isla u sar monsinjur, Adami kien fost dawk li resqu għall-konkors ta' arċipriet tal-Isla. Iżda dakinhar, l-għażla waqgħet fuq Dun Franġisk Briffa. F'Ħal Għaxaq, f 'Awwissu 1904 ingħalaq il-parrokat ta' Dun Albert Dalli u fl-1905 Dun Ġużepp Adami, sar is-suċċessur tiegħu. Fil-pront huwa ddedika ħafna minn ħinu f 'ħidma pastorali b'risq l-Għaxqin. Kompla wkoll fuq fejn ħallew ta' qablu f 'dak li jirrigwarda t-tisbieħ tal-knisja parrokkjali. Fost l-oħrajn, fi żmienu, il-paviment tal-knisja inkesa bl-irħam kif inhu llum. Arċipriet tal-Isla Fl-24 ta' April 1908, miet il-Kan. Dun Franġisk Briffa, l-Arċirpriet tal-Isla, ta' 46 sena. Adami reġa' ppreżenta ruħhu għall-konkors u din id-darba, l-għażla waqgħet fuqhu. Fid-29 ta' Ottubru 1908 ingħata l-pussess bħala d-disa' arċipriet tal-Isla. Adami malajr medd għonqu għax-xogħol, u kompla l-kisi tal-pilastri tal-knisja bl-irħam, mibdija mill-predeċessuri tiegħu. Fl-1911, ħa ħsieb li jsir battisteru tal-irħam u bi statwa ċkejkna fuqu ta' San Ġwann jgħammed lil Kristu. L-arċipriet innifsu ħallas għall- ispejjeż ta' dak il-battisteru. Fl-1912, fil-faċċata tal-knisja parrokkjali saru xi żidiet. Fiċ- ċentru tat-tieni ordni tagħha, li kien ta' stil Joniku, tqiegħdet statwa tal-Bambina waqt li, fin-niċeċ, tqiegħdu statwi tal-erba' evanġelisti. Inbena wkoll frotispizju bi stil Korint. Fil-quċċata kien hemm is- Salvatur b'maġenbu, waħda fuq kull naħa, l-istatwi ta' Mosè u Elija. Adami ħass il-bżonn li tingħata attenzjoni liż-żgħażagħ. Għalhekk, fl-1909, Dun Ġużepp Darmanin, saċerdot magħruf għall-għerf tiegħu, fetaħ domus għaż-żgħażagħ ħdejn is-swar ta' San Mikiel. Dan il- post żviluppa u tliet snin wara sar Oratorju li ssemma għall-Papa Piju X. Fl-1912, infetaħ ċentru ieħor għaż-żgħażagħ fl-Oratorju ta' San Filippu. It-tfal ta' dik ix-xaqliba tal- Isla kienu jinġabru fih kuljum għad- duttrina. Dan beda jkun magħruf bl-isem ta' Dar iż-Żgħażagħ Piju X. Fit-30 ta' Mejju 1912, il-Kapiltu Senglean ġie mogħti l-jedd, mill- Kongregazzjoni tal-Konċilju, li jagħmel użu mill-mazza. Għal Malta, is-sena 1913 hi importanti għall-kult ewkaristiku għaliex hawn ġie ċċelebrat il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali bejn it-22 u is- 27 ta' April. F'dik is-sena, il-Lega Ewkaristika tal-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù, imwaqqfa fl-Isla fl-1908, kisbet l-approvazzjoni. Fis-16 ta' Lulju 1914, l-istess Lega ġiet affiljata mal-Arċkonfraternità ta' San Ġwakkin f 'Ruma, u stagħniet b'ħafna benefiċċji spiritwali. Fl-1914, daħlet fl-Isla s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, imwaqqfa minn San Ġorġ Preca. L-ewwel ma daħlu kienu l-bniet li fetħu l-qasam tagħhom fi Triq il-Kurċifiss. Fl- 1916, is-subien fetħu l-qasam fi Triq Sant' Ursola. Is-snin 1914-1918 kienu snin diffiċli li matulhom, il-gżejjer tagħna ntlaqtu mit-tbatijiet ikkawżati mill-ewwel gwerra dinjija. Għalkemm ma kienx hawn bumbardamenti, il-ħajja ma kinitx normali, u l-festi kienu sospizi. Fl- 1917, kien hemm il-biża' li Malta tiġi attakkata mill-ajru, u fl-Isla, il-belt li tmiss mat-tarzna, il-biża' kien akbar. Il-gwerra ntemmet fl-1918, imma l-konsegwenzi ma spiċċawx malajr. Fis-snin ta' wara baqa' jinħass il-ġuħ. Daħal ukoll ħafna mard u fost oħrajn, kien hemm l-epidemija magħrufa bħala l-ispanjola, li kkaġunat il-mewt ta' ħafna. Fl-1919, ħafna kienu xewqana li jiċċelebraw b'solennità l-festa tal-Bambina wara nuqqas ta' erba' snin. Imma nqala' l-inkwiet tas- Sette Giugno meta s-suldati Ingliżi sparaw fuq xi Maltin u qatluhom. B'sinjal ta' luttu, il-festa esterna tal- Bambina ma saritx lanqas f 'dik is- sena. Aktar kmieni, Adami bilkemm ma telaqx mill-Isla għaliex fis-26 ta' Jannar, ħa sehem f 'konkors biex jiġi magħżul Kanonku Penitenzier fi ħdan il-Kapitlu Metropolitan tal- Imdina. Iżda l-għażla ma waqgħetx fuqu. Inzerta li, filwaqt li Malta raddet ħajr lil Alla talli l-ġlied waqaf, fid-19 ta' Mejju, l-Arċipriet Adami feraħ flimkien mal-kapitlu, l-kleru u l-poplu tal-Isla f 'egħluq il-25 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fl-1 ta' Marzu 1920, l-Arċipriet Adami, formalment, ippreżenta talba lill-Arċisqof Dom Mawru Carauna OSB biex jagħmel il- kuntatti meħtieġa mas-Santa Sede biex id-devozzjoni u l-imħabba lejn x-xbieha għażiża ta' Marija Bambina tkun rikonoxxuta u mkabbra billi tiġi nkurunata f 'ċerimonja solenni. Fil-31 ta' Marzu 1920, l-arċisqof ressaq rikors lill-Papa Benedittu XV. Deċiżjoni b'eżitu posittiv ittieħdet mill-Kaptilu tal-Vatikan, u b'hekk, fil-25 ta' April 1920 ħareġ ir-reskritt Matul din is-sena, il-Belt tal-Isla qed tiċċelebra l-100 sena mill-Inkurunazzjoni Solenni tax-Xbieha ta' Marija Bambina u l-100 sena minn meta din l-Kolleġġjata tal-Isla ngħatat id-dinjità ta' Bażilika Minuri. Fabian Mangion, storiku Senglean, jiċċelebra l-ħajja u l-ħidma tal-Arċipriet Ġużeppi Adami li tant ħadem għal din il-parroċċa u din il-ġrajja singuluri li s-Segleani jgħożżu sal-lum il-ġurnata Kanonku Arċipriet Dun Ġużeppi Adami

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 June 2021