Illum previous editions

ILLUM 27 June 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1387607

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 27 TA' ĠUNJU 2021 aħbarijiet 'Hija r-responsabbilità ewlenija tal-artist li jistaqsi l-mistoqsijiet li ħaddieħor jibża' jagħmel' Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Alex Vella Gregory jew aħjar 'Ċikku l-Poplu,' kif inhu magħruf għall-kanzunetti satiriċi tiegħu. Għaliex is-satira? L-artisti Maltin jitkellmu biżżejjed jew jibżgħu minn dellhom? Ġieli qalagħha minħabba xi diska li kanta YENDRICK CIOFFI "L-artist qiegħed hemm biex jistaqsi dawk il-mistoqsijiet li ħaddieħor jiddejjaq jagħmel. L-agħar ħaġa li tista' tiġri lill- artist hija l-indifferenza." Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM, Alex Vella Gregory, magħruf aħjar bħala 'Ċikku l-Poplu' għall- kanzunetti satiriċi li hu jikteb, jikkomponi u jkanta u li permezz tagħhom jipprova jgħid dak li ħaddieħor forsi jibża' jgħid bil- kliem. L-ILLUM tkellmet ma' Vella Gregory wara l-aħħar diska li ħareġ, bl-isem ta' "Prosit Ministru." Fi kliem sempliċi, id- diska titkellem dwar impjegat tal- Ministeru, li xogħlu hu li jfaħħar il-Ministru fuq Facebook għal kull ħaġa li jagħmel u jgħid, anke jekk forsi ma jaqbilx magħha, bħal meta ħadulu l-art biex tkun tista' titwessa t-triq. L-ILLUM bdiet tistaqsi lil Vella Gregory minn fejn ġie 'Ċikku l-Poplu,' bil-kantant jeħodna lura għas-sena 2007, meta l-band Maltija Hunters Palace kienu talbuh jaħdem fuq cabaret umoristiku, biex jittella' qabel l-ispettaklu tagħhom. Jidher li dan ix-xogħol niżel tajjeb. Spjega kif kien tqabbad mill- ħabiba tiegħu Nicole Cuschieri biex jieħu sehem f 'Burlesque show, teatru alternattiv u satiriku li kienet qed taħdem fuqu. "Minn hemm ħareġ Ċikku l-Poplu," kompla jisħaq Alex Vella Gregory. 'Is-satira nieqsa ħafna imma tiela' ġenerazzjoni ta' artisti politiċi' 'Prosit Ministru' mhijiex l-uniku kanzunetta satirika li kiteb Vella Gregory. Forsi l-istil mhuwiex daqshekk komuni f 'Malta u għalhekk l-ILLUM tibda titkellem miegħu dwar is-satira f 'Malta, partikolarment fejn tidħol il- mużika. "Hija nieqsa ħafna imma tiela' ġenerazzjoni ta' artisti politiċi," saħaq Vella Gregory. Fost l-oħrajn semma kantanti bħal Rachel Deguara u l-Lapes u bands bħalma huma Brikkuni u Brodu. Madanakollu rrikonoxxa li fost l-artisti l-aktar stabbiliti f 'Malta, is-satira hija nieqsa. "Forsi jibżgħu. Ngħiduha kif inhi, mhijiex faċli. Jiena mhux dejjem ġibtha żewġ! Mhux faċli ssib it-ton u l-metodu t-tajjeb," kompla jisħaq il-kantant. 'Kelli ħafna kritika, imma qatt ma kkummentaw miegħi direttament' Kien hawn li l-ILLUM staqsietu kif jinżel mal-udjenza x-xogħol tiegħu u jekk ikunx hemm min jieħu għalih jew inkella jattakkah minħabba dak li jkun kiteb u li ma jkunx jaqbel għal widnejh. "Kelli ħafna. Imma ħafna nies ma jikkumentawx miegħi direttament. Jiena qatt ma nattakka personali. Ftit li xejn insemmi ismijiet," insista l-kantant. "Jiena nikkwota jew nikkritika l-irwol pubbliku u l-aġir tal-persuna." Kien hawn li saħaq li anke jekk qatt ma jsemmi ismijiet, ikun hemm min jinduna għal min qed jirreferi. "Jiena nirreferi għal kulħadd u għal ħadd," kompla jisħaq. 'Anke Ministri ċemplu għax ma ħadux gost' Mistoqsi dwar il-kanzunetta 'Prosit Ministru,' Vella Gregory saħaq li kienet milqugħa tajjeb u ma kienx hemm xi persuni li b'mod pubbliku attakkawh. Madanakollu, Vella Gregory qal li jinsab infurmat ukoll li l-kanzunetta ma niżlitx tajjeb ma' għadd ta' Ministri, li ċemplu jilmentaw għax il-kanzunetta kantaha fuq l-istazzjon nazzjonali. 'Hawn min jibża' ... ġieli ħassejt li ma ħadtx li ħaqqni għax jien min jien' Komplejna nitkellmu aktar mhux biss dwar is-satira fl-arti imma anke dwar l-irwol tal-artist meta jiġi biex jesprimi opinjoni jew inkella jqajjem kuxjenza jew isemma leħnu dwar xi ħaġa li tkun għaddejja fil-pajjiż. L-ILLUM tfakkru kif diversi artisti internazzjonali, mhux l-ewwel darba li jissieħbu f 'xi kampanja, jew saħansitra jieħdu sehem f 'xi protesta (mhux biss biex jinfetħu l-attivitajiet wara l-Covid-19) imma anke biex isemmgħu leħinhom kontra xi inġustizzja li tkun saret jew xi kawża bħalma hija l-kwistjoni tat- tibdil fil-klima. "Tant kemm aħna komunità żgħira u tant kemm niddependu fuq xulxin, li jkun hawn min jibża'," beda jwieġeb Vella Gregory. Fi kliemu, mhux l-ewwel darba li anke hu ħass li ma ħax dak li ħaqqu, sempliċiment għax hu min hu. "Imma jkun hemm drabi fejn il- biża' tkun bla bażi," kompla jisħaq. "Ħafna drabi aħna nibżgħu ħafna mill-bidla." 'Mhux kulħadd għandu biżżejjed għodod biex jiddilja mas-satira' L-istess fejn jidħol il-Karnival. L-ILLUM kompliet titkellem ma' Vella Gregory dwar il-karrijiet satiriċi. Kemm kien hawn karrijiet dwar il-politiċi f 'Malta? Tgħoddhom fuq subajk. Minflok fuq il-politiċi, spiċċajna rajna karru dwar l-Arċisqof jew inkella dwar Trump. "Satira tista' ssir dejjem imma n-nies li jaħdmu u joħorġu bid- disinji u l-karrijiet tal-Karnival, ma għandhomx l-għodod biex ikunu jafu kif għandhom jiddiljaw mas- satira," beda jisħaq il-kantant. 'L-arti hija politika' Insista li hu daħal fis-satira mhux għax kienet xi ħaġa naturali fih, imma għax isegwi affarijiet li huma satiriċi, bħalma hija l-letteratura jew inkella spettakli internazzjonali. Kien hawn li l-artist saħaq li permezz tas-satira, l-artist "jgħaddi l-messaġġ mingħajr ma jgħaddi l-messaġġ." Fi kliemu: "In-nies jiddejqu min jikkritikahom jew inkella jikkonfrontahom direttament," u għalhekk hawn tidħol is-satira. Insista li l-arti hija "politika." "Mhijiex politika partiġġjana, imma politika li ġġiegħlna naħsbu jew nirriflettu fuq dak li qed ngħixu," kompla jispjega. 'Ħafna artisti ma jridux responsabbilità' Kien hawn li saħaq li hija responsabbilità tal-artist, anzi "responsabbilità ewlenija" li jistaqsi dawk il-mistoqsijiet li ħaddieħor jiddejjaq jagħmel. Insista li kulħadd għandu l-mod suġġettiv tiegħu ta' kif qed iħares lejn id-dinja. L-artist għandu jippreżenta din il-viżjoni tiegħu, biex iġiegħel lill-udjenza tirrifletti, kemm jekk taqbel miegħu u għalhekk tirrelata mal-artist u anke jekk le. "L-agħar ħaġa li tista' tiġri lill- artist hija li jaqa' fl-indifferenza. Ħafna artisti llum ma jridux li jieħdu din ir-responsabbilità," temm jisħaq. L-agħar ħaġa li tista' tiġri lill- artist hija li jaqa' fl-indifferenza. Ħafna artisti llum ma jridux li jieħdu din ir- responsabbilità Alex Vella Gregory waqt l-interpretazzjoni ta' 'Prosit Ministru' waqt il-programm Serataron

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 June 2021