Illum previous editions

ILLUM 1 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1398271

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 27

10 analiżi IL-ĦADD 1 TA' AWWISSU 2021 • illum Il-legat ta' Muscat u kif se jdur miegħu Abela ALBERT GAUCI CUNNIGHAM Tmiem din il-ġimgħa kienet iddominata mir-rapport tat- tliet Imħallfin dwar x'sehem seta' kellu, dirett jew indirett, l-Istat b'azzjonijiet diretti jew indiretti fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport finali ma kien xejn jekk mhux skjaċċanti fil-konfront tal- Gvern ta' Muscat u sa ċertu punt il-Gvern Laburista kollu, bi kritika qawwija fuq kif il-Gvern ta' Muscat ħalla dik li tissejjaħ "qarnita" tikber u twassal għall- "kollass fis-saltna tad-dritt." Naturalment rapport ta' dan it-tip ikollu effetti politiċi, istantanji u differenti fuq nies differenti li jissemmew (jew le) fir-rapport. F'din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn l-effetti politiċi ta' dan ir-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-eks PM Joseph Muscat u l-Prim Ministru preżenti Robert Abela Joseph Muscat Għal Muscat dan ir-rapport mhu xejn jekk mhux kundanna għal mod kif ippermetta lil ċerti nies - primarjament Keith Schembri - jmexxu Kastilja. Ir- rabta bejn Muscat u Schembri dejjem kienet u baqgħet l-akbar mazzra ma għonq Muscat, mazzra li għal xi raġuni sa issa mhux magħrufa Muscat baqa' qatt ma neħħa kompletament minn ma' għonqu anke wara li l-istess Schembri rnexxielu jniżżel lilu nnifsu u lil Muscat u l-edifiċju ta' saħħa tagħhom, mill-poter - minħabba l-qrubija u dawk li r-rapport jsejjaħ "kunfidenzi żejda" u "intriċċi" ma' negozjanti kbar, notevolment Yorgen Fenech. Jibqa' misteru għaliex Muscat għadu qatt ma kellu l-kuraġġ jikkundanna bla ebda riservi lil Keith Schembri għall-uħ ta' kumpaniji fil-Panama, għar-rabta ta' dawn il-kumpaniji ma' 17 Black, għar-rabta ta' 17 Black u l-kumpaniji ta' Schembri/Konrad Mizzi u flus li kellhom jgħaddu fihom u finalment għar-rabta bejn Keith Schembri ma' 17 Black, ta' Yorgen Fenech akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u li minn naħa tiegħu mal-pulizija insista li l-mandant ta' dan l-assassinju ma' kien ħadd ħlief Keith Schembri. Li anke f 'dan l-istadju Muscat baqa' jankra ruħu mal-vapur mgħerreq u skreditat ta' "sieħbu" fetaħ lill-eks Prim Ministru mhux biss għall-kritika u d-dubji serji pero' wkoll għal rapport bħal dak ta' din il-ġimgħa. Anke kieku stess Muscat ma kienx marbut mal-ħolqien tal-kumpaniji fil-Panama (ġurisdizzjoni ta' segretezza) biex fihom fl-ewwel sena jidħlu $2 minn attivitajiet ta' riċiklaġġ u turiżmu (li la Keith u lanqas Konrad ma kellhom negozju fih) u anke kieku hu ma kien se japprofitta xejn mill-flus li daħlu f '17 Black ($1.6 miljun), id-determinazzjoni stramba tiegħu li jibqa' leali lejn Schembri għamlitha faċli ħafna biex l-avversarji tiegħu jorbtu d-dnubiet ta' Schembri miegħu wkoll. Fil-fatt Muscat ma rreżenjax biss għax it-temperatura politika fil-pajjiż kienet għoliet għal livelli perikolużi, bi protesti - wħud kbar - fil-Belt Valletta, imma għax ta' strateġista tajjeb li hu, kien jaf li ladarba isem Keith Schembri iċċappas issa anke bl-assassinju nnifsu, il-pożizzjoni tiegħu ma kinitx aktar sostenibbli. Immaġina kieku Muscat baqa' Prim Ministru meta rriżulta li Yorgen Fenech kien dieħel u ħiereġ Kastilja, meta l-Koħħu qal li kien iwassal lil Alfred Degiorgio Kastilja, meta Yorgen Fenech qal li Keith Schembri kien jgħafsu biex imexxi u ma jdumx fil- proċess tal-assassinju, meta it- tabib Adrian Vella qal li kien mar għand Schembri li għaddhielu karti u ordanlu jgħaddihom lil Yorgen Fenech...ara kieku ma' kull biċċa informazzjoni u xhieda bħal din fil-Qorti kemm kienet tikber aktar l-instabilità! Dan kollu Muscat seta' għarfu, għalhekk kif qal hu stess fir- reazzjoni għar-rapport hu ħallas "il-prezz aħħari." Il-prezz aħħari kien l-irbit tal- vapur mal-fortuni ta' Schembri! Muscat seta' ppreveda iżda li l-prezz aħħari li ħallas, ma kienx se jfisser it-tmiem tal-inkwiet tiegħu fuq din il-kwistjoni. Għaliex? Għax it-tmiem ta' din il- kwistjoni tiġi biss meta r-rota tal- ġustizzja tkun daret kollha u meta jkun determinat min hu ħati , bla ebda dubju, pero' wkoll min hu innoċenti - bla ebda dubju. Meta fuq Schembri waqgħet sħaba tqila u sewda, minkejja l-istrateġiji eċċezzjonali ta' Muscat li waslu għal rebħiet kbar, l-eks PM ħa l-akbar żelqa strateġika: Żamm lil Keith Schembri, ħallieh bl-istess poter li kellu u aktar minn hekk rabat lill-Grupp Parlamentari kollu inkluż lill- Kabinett mal-fortuni ta' Keith Schembri, tant li fil-pubbliku ħadd ma seta' jikkritkah. Dan kien suwiċidju politiku tal- prima klassi. Suwiċidju politiku li dejjem qed jagħfas aktar fuq il-legat ta' Muscat u jagħmel dan il-legat aktar u aktar diffiċli li jingħata analiżi xierqa u ġusta, lilhinn mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Se jkun diffiċli anke għall-Partit Laburista, għalissa, li jiaħar bil-kisbiet soċjali u ekonomiċi kbar li seħħew taħt Muscat mingħajr ma l-kelliema tiegħu jidħlu fir-riskju serju li jiġu ffaċċjati b'imbarazzament dwar dan il-każ, b'Keith Schembri u bid-determinazzjoni stramba ta Muscat li jibqa' leali lejn Schembri, anke meta niżlu fil-qiegħ! Tant għamilha faċli Muscat biex l-avversarji tiegħu jgħidu li baqa' jappoġġjah "għax kien imdaħħal miegħu" li kważi, kważi lanqas titwemmen! Dak huwa l-vera prezz aħħari li ħallas Muscat. Li rabat lilu nnifsu ma' vapur li kien jaf li se jinżel, tant li lanqas il-Partit Laburista stess llum ma jrid ikun assoċjat ma' Keith Schembri! L-unika persuna politika li tidher li ma tridx tabbandunah billi tiċħdu, huwa Joseph Muscat! Il-legat ta' Muscat Il-legat ta' Muscat se jkun definittivament wieħed diffiċli u kontroversjali ħafna biex jinkiteb. Jekk il-legat politiku ta' persuna dejjem jinkiteb l-aħjar minn osservaturi oġġettivi, din id-darba l-oġġettività se tilgħab parti bil- wisq akbar. Għaliex? Għax l-estremitajiet li bih jista' jiġi kkalkulat dan il-legat huma kbar. Fuq naħa: Bidliet soċjali f 'oqsma bħad-drittijiet ċivili li kienu enormi u li għandna sal-lum ma imniex il-kobor tagħhom (IVF, drittijiet persuni LGBTIQ, Liġi tal-Ġeneru, l-appoġġ tiegħu għad-divorzju...). Ma dan, ħolqien ta' ġid kbir u tisħiħ tal- miżuri soċjali u l-Wefare State, b'żidiet fil-pensjonijiet, childcare b'xejn, żidiet fiċ-ċhildrens' allowance, tneħħija tal-boll fuq l-ewwel u t-tieni proprjetà, żidiet f 'għajnuniet ta' wens u oħrajn. Dawk ta' Muscat kienu wkoll snin immarkati minn rekords kbar fit- turiżmu u fix-xogħol, fost oħrajn. Kienu seba' snin ta' ġid! Minn naħa l-oħra iżda kienu wkoll snin iddominati minn każi ta' governanza ħażina, kuntratti dubjużi u l-assassinju ta' ġurnalista. Bdejna b'każ li llum jidher żgħir - dak tal-Kafè Premiere, u minn hemm mexa' għall-isparatura tax-xufier tal- eks Ministru Manuel Mallia, il-każ ta' triq Zekka u l-VGH, sakemm fl-2015 faqqa' l-iskandlu tal-Panama - b'Konrad Mizzi u Keith Schmebri jkunu tnejn minn diversi Maltin oħrajn b'kumpaniji hawn, pero' l-uniċi politiċi f 'Malta b'dawn l-istrutturi fil-Panama. Din tal-Panama baqgħet tiggrava u tiggrava, kull darba li jinkixef xi fatt ġdid sakemm irriżulta li kienu marbutin ma' 17 Black, li din kellha tgħaddi flus lilhom u li f 'din il-kumpanija daħlu flus mill-Ażerbajġan u allegatament mill-aġent tat-tanker tal-LNG F'din l-analiżi l-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn l-effett tar-rapport dwar l-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fuq il-legat ta' Joseph Muscat u dak tal-PM kurrenti, Robert Abela ...

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 August 2021