Illum previous editions

ILLUM 8 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1399954

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 27

11 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 8 TA' AWWISSU 2021 'Aktar ma jisħon il-baħar aktar hemm ċans li jidħlu speċi aljeni ta' ħut li jistgħu jikkawżaw ħsara' Il-Professur Alan Deidun jispjega li aktar mal-Mediterran isir tropikali aktar hemm ċans li jiżdiedu l-ispeċi aljeni li wħud minnhom huma invażivi u jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent u lill-ekonomija YENDRICK CIOFFI Il-bijologu marittimu, Alan Deidun, spjega mal-gazzetta ILLUM li aktar ma jkompli jisħon il-baħar aktar hemm ċans li jersqu lejn Malta speċi u ħut li jfittxu l-ibħra sħan u għalhekk aktar hemm ċans li jidħlu speċi ta' ħut li huma aljeni. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Deidun u staqsietu x'jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet jekk it- temperatura u allura l-baħar ikomplu jisħon anke f 'xhur li fihom, normalment, it- temperaturi ma jkunux daqshekk għolja. Fil-fatt, il-Professur spjega kif tul dawn l-aħħar snin, minħabba baħar aktar sħun, innutaw li bdew ġejjin il-fkieren u speċi oħra li normalment issibhom fil-Lvant, bħalma huwa dak magħruf bħala l-Ghost Crab li kien ilu ħafna ma jidher f 'Malta. Dan qed jidher, b'mod partikolari fir-Ramla l-Ħamra, San Blas u bajjiet oħra fit-tramuntana ta' Malta. Ġeneralment dan jitla' fuq ir-ramel, iħaffer u jagħmel bħal toqob u jiġri ħafna. M a d a n a k o l l u , l-aktar fenomenu importanti, li qed jidher aktar ma jisħon il-baħar, huwa dak tal-aljeni. Tant hu hekk li Deidun u t-tim tiegħu għandhom żewġ kampanji, jiġifieri 'Spot the Alien' u 'Spot the Alien Fish' biex persuni jirrapportaw jekk jinnutaw b'xi speċi li mhumiex familjari magħhom. "L-aljeni mhux ġejjin minn Mars jew mill-qamar imma ġejjin minn ibħra oħrajn," saħaq Deidun. Kompla jisħaq kif il- bniedem kellu sehem ukoll f 'dan. Fil-fatt, meta nfetaħ il-Kanal ta' Swejż, speċi li kienu jinstabu fil-Oċean Indjan, Paċifiku jew il-Baħar l-Aħmar, jiġifieri speċi li jħobbu s-sħana, bdew jidħlu fil-Mediterran mal-bastimenti. 'Hemm speċi invażivi li qed joħolqu l-problemi...' Deidun spejga kif qabel dawn kienu jidħlu fil-Mediterran fis-sajf iżda kienu jmutu fix- xitwa għax il-baħar jiksaħ. Madanakollu, kompla jispjega, peress li fix-xitwa l-baħar qed jibqa' pjuttost sħun, dawn qed jibqgħu u qed jikbru. "Ħafna aljeni mhumiex problema imma hemm oħrajn, li nsejħuhom invażivi, li qed joħolqu problema għall-ambjent u anke għall-ekonomija," kompla jispjega. Fost dawn semma l-Pufferfish li jekk tikolha tmut, il-Lionfish li bażikament tiekol kollox iżda lilha ma jikolha ħadd u l-Blue Swimmer Crab, ġranċ blu li qed jinbigħ ukoll fis-swieq tal-ħut Maltin u li wkoll jiekol kollox. Fi kliem il-bijologu marittimu, dawn l-ispeċi u oħrajn qed jieklu l-ħut tagħna u qed ikollhom impatt fuq is-sajf u anke, sa ċertu punt, fuq l-għawn għax uħud minnhom iniggżu. "Din hija problema li qed tiżdied kull sena. Kull sena qed jidħlu speċi ġodda f 'Malta u huwa traffiku li ma tistax twaqqfu għax il-Mediterran qed isir dejjem iżjed tropikali," insista. Iżda dan il-fenomenu mhux iseħħ fil-baħar biss. Il-Professur semma' l-eżempju klassiku tal- Qarsu jew inkella l-ħaxixa Ingliża kif insejħulha l-Maltin. Spjega kif din iddaħħlet Malta mill-bniedem, mill- Afrika ta' Isfel, madwar 200 sena ilu u llum taħkem kważi kullimkien. Lionfish: 'kull fejn daħlet għamlet ħerba' Deidun saħaq ukoll li l-kampanja li huma jmexxu qed toffri wkoll premju għal min jirnexxielu jilmaħ il-Lionfish f 'Malta, joħdilha r-ritratti jew jaqbadha, liema ħuta sa issa għadha ma dehritx fl-ibħra Maltin, anke jekk l-esperti qed jistennewha għax ftit ftit qed toqrob. "Aħna rridu nkunu attenti biex kemm jista' jkun mill-ewwel nikkontrollaw din l-ispeċi. Kull fejn daħlet din il-ħuta għamlet ħsara kbira. Fil-Karibew u anke f 'postijiet oħra fejn daħlet, qed toħloq problemi kbar inkluż fejn jidħol it-turiżmu. Il-ħut naqas ħafna u dan jgħiduh l-għaddasa wkoll. Qed joffru l-flus u jagħmlu k o m p e t i z z j o n i j i e t biex kemm jista' jkun tinqabad," kompla jispjega. Speċi oħra aljena li qed tagħmel ħsara hija l-Crayfish, jew inkella l-lobster tal- ilma ħelu. Deidun spjega kif dan ma kienx jeżisti f 'Malta sakemm ħarrbu l-bniedem u qed jagħmel ħerba f 'Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes), partikolarment fejn jidħlu ż-żrinġijiet u l-qabru li diġà kien vulnerabbli. Inqas bram mis-soltu: Imma tgħid minħabba s-sħana? L-ILLUM staqsiet lil Deidun jekk l-impatt tas-sħana hux qed ikollu wkoll effett fuq il-bram anke għax donnu dan is-sajf ma tantx qed jidher fil-bajjiet tagħna. Aktar milli ma hawnx bram, il-Professur saħaq li din is-sena mhux qed tidher il- Mauve Stinger (il-brama l-vjola jew ir-roża) li hija l-aktar speċi komuni f 'Malta u li t-tingiża tagħha tweġġa' tant li l-marka tista' tibqa' fuq il-ġilda għal snin. "Ma jfissirx li ma hawnx bram ieħor. Bħalissa huwa l-istaġun tal-box jellyfish u rċevejna ħafna rapporti dwarha. Issibha f 'ħafna pajjiż fejn hemm id-dgħajjes. Ftit ilu bdiet tidher ukoll il-fried egg jellyfish, jew il-qassata, li hija safranija u kbira. Din ma tniggiżx. Dehret ġimagħtejn qabel u allura tindika li l-baħar saħan aktar malajr," spjega Deidun. Madanakollu, Deidun saħaq li diffiċli wieħed jikkonkludi li l-Mauve Stinger mhux tidher għax qed jisħon il-baħar. Fi kliemu jista' jkun li din dehret qabel jew inkella għadha se tidher. Fil-fatt saħaq li din is-sena, il-kesħa damet aktar mis-soltu u dan affettwa r-riproduzzjoni tal-bram. "Il-brama l-vjola tirriproduċi bejn Diċembru u Jannar. Din is-sena rajna li dan sar f 'Marzu. Għalhekk jista' jkun li narawha aktar tard jew jista' jkun li l-bram iċċaqlaq f 'partijiet oħra tal-Mediterran. F'ħafna partijiet tal-Italja hemm il-bram. Il-bram j i ċ ċ a q l a q m a l - kurrenti," insista Deidun. Għalhekk, Deidun saħaq li għalkemm it-temperatura taffetwa ħafna ċ-ċiklu tal-bram u kemm dan jikber, jista' jkun hemm diversi raġunijiet oħra għaliex ċertu speċi ta' bram għadhom ma dehrux daqshekk. Il-professur fakkar ukoll li l-bram ilhom hawn 700 miljun sena, ħafna qabel id-dinosawri u għalhekk huma reżistenti ħafna f 'kundizzjonijiet ta' stress, bħal temperaturi għolja. "Ma narax daqshekk rabta bejn temperaturi għoljin u nuqqas ta' bram. Jista' jkun ukoll li kellek speċi ta' ħut u fkieren, li jieklu l-bram u li qed jersqu aktar lejn Malta u l-inħawi tagħna għax il-baħar qed jisħon," kompla l-Professur. "Tispekola biss tista." Fl-aħħarnett, Deidun appella biex kulħadd jagħti sehmu, inkluż fil-kampanji tagħhom: 'Spot the Jellyfish,' 'Spot the Alien' u Spot the Alien Fish.' Fi kliemu, kull rapport, anke jekk ikun allarm falz, jgħinhom ħafna fl-istudji tagħhom biex jifhmu aħjar "il-misteri u s-sigrieti tal- baħar." Alan Deidun Lionfish Pufferfish Mauve Stinger

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 August 2021