Illum previous editions

ILLUM 8 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1399954

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 27

21 editorjal illum • IL-ĦADD 8 TA' AWWISSU 2021 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 EDITUR: ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt I r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Gal- izia jitkellem dwar diversi realtajiet fix-xenarju politiku lokali - realtajiet, li fid-dawl li ngħatat il-konklużjoni dwar in-nuqqasijiet tal-Istat, forsi ma ġewx diskussi biżżejjed. Imma li hemm bżonn niddiskutu. Primarjament, ir-relazzjoni bejn il-politiku u n-negozjant. Kemm hija tajba din? U sa fejn hija aċċettabbli? U meta relazzjoni bejn politiku/partit u negozju/negozjant taqbeż il-limiti ta' dak li huwa aċċettabbli u morali? Meta l-Gvern ikun qrib in-negozju u n-negozjant jkun tajjeb. Għax fl-aħħar mill-aħħar in-negozji u n-negozjanti, kbar u żgħar, iħaddmu magħhom eluf ta' ħaddiema, idawwru r-rota ekonomika billi jinvestu u jfissru miljuni ta' dħul fil-"kaxxa ta' Malta". In-negozju joħloq ix-xogħol, bit-tbatijiet u sagrifiċċji - xogħol ġenwin, li jmantni tant u tant nies. Huwa għalhekk importanti li l-Gvern ikun "qrib" in-negozju, billi jilleġiżla favurih, jagħmillu ħajtu faċli u inqas burokratika u jagħtih l-inċentivi biex iħaddem aktar nies - dejjem f 'rispett sħiħ lejn il-Liġijiet Industrijali u dawk li jipproteġu lill-ħaddiema mill-abbuż u l-isfruttar. Dak huwa Gvern "qrib" in-negozju. Imma imbagħad hemm Gvern li jsir negozju. U dan huwa ħażin immens. Meta l-Gvern jew membri fih ikunu imbuttati primarjament mill-bżonn li jużaw l-assi tal-poplu (mhux tagħhom, imma tal-poplu) biex minnhom jistagħnew huma, il-linja ċara u bżonnjuża bejn il-politiku u n-negozju ma tibqax ċara - u minn hemm tibda t-triq 'l isfel! Tibda r-rgħiba, tiqliel il-korruzzjoni, jikber id-dubju, jiżdiedu l-opportunisti madwar il-politiku u finalment u sfortunatament jiġu mneħħija minn nofs dawk kollha - speċjalment ġurnalisti - li b'għemilhom u b'kitbiethom, ikunu theddida għal dawk l-interessi tal-flus. Dak li jgħid illi fil-fatt ġara dan ir-rapport. Dak huwa li jgħid illi ffaċilità l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Pero' li ngħidu dan, nikkritikaw lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi - filwaqt li għandu jsir - mhuwiex biżżejjed. Fil-verità ma nkunu għamilna xejn, biex dak li ġara ma jerġax jiġri. Il-korruzzjoni u l-qrubija żejda u - kif isejħilhom ir-rapport tat-tliet imħallfin - l-intriċċi bejn in-negozju u l-politiku, mhux se jieqfu għax m'għadx hemm Muscat/Schembri/Mizzi! Għalhekk biex il-linji bejn il-politiku u n-negozju jibqgħu dejjem ċari, hemm bżonn salvagwardji u hemm bżonn standards li jaċċertaw li kemm jista' jkun il-politiku ma jkunx fil-but ta' negozjant kbir. U biex dan ikun aċċertat, mhux bidla fil-Gvern jew fin- nies hemm bżonn imma bidla fis-sistema, b'mod speċjali kif jiġu ffinanzjati l-partiti u l-operat tal-partiti nfushom. Dwar dan la l-PN u lanqas l-PL ma jidhru wisq ħerqana li jipproponu riformi ta' kuraġġ - bħal per eżempju ffinanzjar tal- partiti mill-istat biex b'hekk ħadd ma jagħti l-pjaċiri ħoxnin biex meta dak il-partit ikun fil-Gvern irodd lura bil-kbir! Dan il-kurdun bejn il-partiti u min għandu l-flus jrid jinqata' - għax ħadd minn dawn ma jagħti l-flus b'imħabba, imma jagħti lill-partiti bi skop - bl-iskop li jintagħżel hu f 'xi tender anke jekk ma ħaqqux, li r-rikjesti fit-tender ikunu kważi jeskludu lil kulħadd ħlief lilu, li jekk ikun hemm xi applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, din ikollha kważi ċertezza li l-permess se joħroġ. Biex ikunu f 'xi lista ta' kuntratturi preferuti, għal meta jiġi x-xogħol! La l-PN u lanqas il-PL ma jidhru wisq ikkonċernati bl-ispiża enormi u t-toqol tal-ispejjeż li qed ikisrulhom buthom fejn jirrigwarda l-midja tagħhom, per eżempju. Hemm bżonn jaraw li anke huma mhumiex qed jonfqu ħafna aktar illi jdaħħlu - li mhumiex, kif jingħad bl-Ingliż - living beyond their means. Għax iktar kemm se jkollhom djun, aktar se jiddgħajfu u jiħu lilhom infushom għar-rikatt. La l-PN u lanqas il-PL ma huma qed jipproponu riformi serji fl-Awtorità tal- Ippjanar biex jieqaf l-isfreġju li xi kultant qed isir fil-qalba tal-irħula tagħna. Ħadd minnhom ma jrid ipinġi l-linja l-ħamra hu, u qed jitfgħu l-ballun f 'saqajn xulxin sakemm il-bużżieqa tinfaqa' u xi ħadd ikollu jieħu dawn id-deċiżjonijiet diffiċli. Jekk mhux se nużaw dan ir-rapport u din l-esperjenza qarsa biex id-dinja tal-politika tinfatam mir-rikatti u l-obbligazzjonijiet li joħolqu fuqhom dawk li għandhom il- miljuni - dak kollu li seħħ fl-2017 ikun kollu ta' xejn! Inutli nitkażaw bil-korruzzjoni li saret, imma mbagħad nippermettu lil negozjanti kbar jiffinanzjaw il-kampanji politiċi ta' partiti jew inkella ta' kandidati partikolari. Inutli nixtiequ l-bidla jekk ma aħniex lesti nħallsu għal dik il-bidla, iva. Lesti nħallsu minn butna biex il-partiti jinfatmu minn mad-dinja tan-negozju jew le? Jew se nħalluhom għaddejjin jikkompetu bejniethom min se jilgħaq l-aktar lil min għandu l-aktar but fond? Jew se nibqgħu pajjiż immexxi minn erba' minn nies li l-unika kwalifika tagħhom huwa l-poter ekonomiku? Lesti l-partiti jċekknu l-operat tagħhom? Dawn huma d-deċiżjonijiet diffiċli, pero' li xi ħadd għandu bżonn jitkellem dwarhom. Inkella se jgħaddi ż-żmien u jgħaddu s-snin u jinbiddlu l-Gvernijiet u dak kollu li ġara jerġa' jiġri mill-ġdid! Il-politika u n-negozju - Qrib imma 'l bogħod biżżejjed!

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 August 2021