Illum previous editions

ILLUM 26 September 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1414166

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 27

19 opinjoni illum • IL-ĦADD 26 TA' SETTEMBRU 2021 Intejbu kif jinġabar l-iskart I l-ġbir tal-iskart fl-ibliet u l-irħula tagħna mhux addattat għal pajjiż mod- ern fis-seklu 21. Qiegħed ħamsin sena lura. Ma żviluppax maż-żmien biex jieħu in kon- siderazzjoni l-ħtiġijiet tan-nies illum. Il-ħinijiet li fih jinġabar l-iskart ma jagħtix każ ta' dawk li jaħdmu bix-xift, ta' dawk li jgħixu f 'postijiet b'kirjiet li mhux għat-tul. Lanqas ma jagħtu każ ta' negozji żgħar inkella tal-fatt li f 'ħafna każi illum, fil-familji tagħna, jaħdmu kemm ir-raġel kif ukoll il-mara. Gvern Lokali għandu jiggverna fuq livell lokali. Għandu jkun f 'pożizzjoni li jieħu deċiżjonijiet biex jindirizza l-ħtiġijiet tal- komunità li jmexxi: ħtiġijiet li jvarjaw minn żmien għal żmien. Il-Kunsilli Lokali tagħna, sfortunatament m'għandhomx din l-awtorità. Il-Gvern, kemm direttament kif ukoll permezz tal-Wasteserv (l-operatur statali dwar l-iskart) jiddetta u jiddeċiedi b'mod li l-kunsilli ma jistgħux jippjanaw u jwettqu sistema ta' ġbir ta' skart li tkun differenti u iktar effiċjenti. Aħbar f 'xi gazzetti lokali matul il-ġimgħa li għaddiet irreferiet għall-fatt li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali diġà ħejjiet proposta b'alternattiva għall-ġbir tal- iskart li sal-lum isir bieb bieb (door-to-door). Il-bankini tagħna, li fil-parti l-kbira tagħhom huma żgħar fid-daqs, matul il-ħinijiet ta' fil-għodu ikunu mimlija boroż tal-iskart. Issa l-bankini qed nużawhom ukoll għall-imwejjed u s-siġġijiet tar-ristoranti! Jekk jibqa' spazju forsi jkunu jistgħu jintużaw biex fuqhom jimxu n-nies! Il-persuni vulnerabbli, l-anzjani u dawk kollha b'diżabilità konnessa mal- mobilità kif ukoll ġenituri bi tfal żgħar ikunu f 'diffikultà mhux żgħira f 'dawn iċ-ċirkustanzi. Huma minn tal-ewwel li jinbeżqu l-barra mill-bankini. Huwa f 'dan il-kuntest li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali pproponiet li bil-mod nagħtu bidu għal bidla b'mod li flok ma l-iskart jibqa' jinġabar bieb bieb (door-to-door) jibda jinġabar f 'postijiet apposta b'mod li l-ebda residenza ma tkun iktar il-bogħod minn mitt metru minn post bħal dan. Il-proposta tal-assoċjazzjoni hi waħda interessanti, avolja mhux faċli li tkun implimentata f 'uħud mill-lokalitajiet. B'mod partikolari fil-qalba tal-irħula u fiż-żoni ta' konservazzjoni urbana (urban conservation areas: UCA) ma hemmx wisq spazju addattat għall- iżvilupp ta' fejn jista' jinġabar l-iskart. It-toroq tagħna diġà mimlijin servizzi: drenaġġ, ilma, elettriku, telefonija u komunikazzjoni! Il-proposta kienet sottomessa lill-Gvern xi xhur ilu bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-iStrateġija Nazzjonali għall-Immaniġjar tal-Iskart. Tinvolvi l-għazla ta' 13,000 punt fejn jinġabar l-iskart biex jinqdew mal- 250,000 residenza. Hu ippjanat li ħadd ma jkollu iktar minn distanza ta' 100 metru biex jarmi l-iskart. Jiena ddiskutejt din il- proposta mal-President tal- Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, li kellu entużjażmu u konvinzjoni kbira li din proposta li tista' taħdem. Studji dwar il-proposta għad ma sarux lokalment sal-lum imma dak propost hu diġa pprattikat f 'diversi bliet Ewropej. Sistema bħal din biex jinġabar l-iskart tkun ta' benefiċċju għal- lokalitajiet tagħna. Qabel xejn tkun tfisser bankini u toroq iktar indaf għax jixtered inqas skart. Ikun hemm inqas konġestjoni tat-traffiku miexi bil-mod wara l-iscammel miexja tlikki tlikki bil-5 kilometri fis-siegħa madwar it-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna. Imbagħad hemm l-emmissjoni tal- gassijiet serra mill-konsum tad-dijsil mill-iscammel li jonqos drastikament. (Il-qlib tal-iscammels għall-elettriku ukoll iwasslu biex jintlaħaq dan l-oġġettiv.) Il-pass li jmiss ikun proġett pilota f 'numru ta' lokalitajiet biex ikunu identifikati x-xogħlijiet ta' titjib fl- infrastruttura biex jinħolqu numru ta' postijiet fejn jista' jinġabar l-iskart. Proġett pilota ma jarax biss kif taħdem il-proposta. Imma janalizza ukoll kif din tolqot lin-nies li għandhom diffikultà ta' mobilità. Jara x'għajnuna jeħtieġu u jfassal kif din tista' tingħata din l-għajnuna biex il-benefiċċju jkun għal kulħadd. L-istrateġija nazzjonali dwar l-immaniġjar tal-iskart issa ilna mhux ħażin nistennewha! Nittama li meta tkun iffinalizzata tirrikonoxxi li l-kunsilli lokali, kemm individwalment kif ukoll permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom, huma kapaċi jippjanaw u jwettqu l-għoti ta' servizzi li l-ibliet u l-irħula tagħna jeħtieġu illum. Il- kunsilli m'għandhomx ikunu ostakolati milli jiffunzjonaw ta' Gvern Lokali. Carmel Cacopardo Carmel Cacopardo hu ċ-Chairperson tal-ADPD

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 September 2021