Illum previous editions

ILLUM 31 October 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1424516

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 27

11 analiżi illum • IL-ĦADD 31 TA' OTTUBRU 2021 YENDRICK CIOFFI Mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sal-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, il-Partit Laburista baqa' jżid il-voti fl-Ewwel Distrett biex b'kollox, fuq perjodu ta' 14-il sena, żied xejn inqas minn 4,180 vot. Il-Partit Nazzjonalista, mill- banda l-oħra, baqa' tista' tgħid staġnat, anzi biex inkunu preċiżi, naqqas 454 vot. Anke jekk issa kważi ċerti li l-Elezzjoni Ġenerali mhux se ssir din is-sena, ma jfissirx li mhijiex qiegħda wara l-bieb u għalhekk, għal dawn it-13-il ġimgħa, il- gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik ta' erba' snin ilu. Il-ħarsa tal-lum se tkun lejn l-Ewwel Distrett, li jinkludi l-Belt Valletta, il-Furjana, il-Ħamrun, il-Marsa, il-Pietà, Gwardmanġa u Santa Venera. Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, il- Partit Laburista kompla jikkonsolida maġġoranza mhux biss fuq bażi nazzjonali imma anke f 'ħafna mid- distretti elettorali. L-istess seħħ fl-Ewwel Distrett. Il- Partit Laburista kiseb 3,750 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, il- PL kiseb 13,844 vot (57.2%) u l-PN kiseb 10,094 (41.7%). Minkejja dan, kien il-kandidat Nazzjonalista Mario de Marco li kiseb l-akbar ammont ta' voti fl- ewwel għadd. Huwa kien elett mingħajr diffikultà ta' xejn fl-ewwel għadd, b'4,721 vot. Mill-banda l-oħra, il- kandidat l-ieħor li eleġġa l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri Claudio Grech, għal darb'oħra ma rnexxilux jilħaq il-kwota ta' 4,033 vot. Huwa kien elett mad-19-il għadd wara li kiseb 3,359 vot. Fost il-kandidati Laburisti, il- voti kienu mifruxa. Wara tliet elezzjonijiet ġenerali, ma kien hemm l-ebda 'star candidate' tal-PL fuq dan id-distrett. Fl-2003 u fl-2008 kien ikkontesta Alfred Sant u fl-2013 Louis Grech (ara l-kaxxi l-oħra). Minn dan, l-aktar li mar tajjeb kien Josè Herrera forsi anke għax kien parti mill-Kabinett għal kuntrarju tat-tabib Deo Debattista, li sa dak iż-żmien ma kienx għadu jifforma parti mill-Kabinett. Fil-fatt, għal kuntrarju ta' dak li ġara fl-2013, Herrera ġab aktar voti minn Debattista. Herrera kien elett minnufih wara l-ewwel għadd hekk kif kiseb 4,630 vot. Debattista ħa wkoll ftit ta' daqqa għax Aaron Farrugia, minkejja li kkontesta għall-ewwel darba, ġab voti aktar minnu. Fil-fatt, fl-ewwel għadd, Farrugia kiseb 3,600 vot. Huwa ġie elett mas- 16-il għadd hekk kif kiseb 4,207 voti. Fl-ewwel għadd, Deo Debattista kiseb inqas voti minn Farrugia iżda sal-aħħar, bis-saħħa tal-wirt, spiċċa b'aktar voti f 'idu. Fl-ewwel għadd huwa ġab 2,378 vot iżda mbagħad kien elett mat-18-il għadd, b'5,734 vot. Kemm għall-Partit Nazzjonalista u anke għall-Partit Laburista kienu kkontestaw disa' kandidati. Dan kollu x'juri? Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-2008 ma jeleġġi, b'mod komdu, mingħajr l-għajnuna tal-ebda emenda jew mekkaniżmu fil-liġi, tliet deputati minn dan id-distrett. Il-Partit Laburista żied elezzjoni wara oħra u l-PN baqa' fejn kien. L-Elezzjoni tal-2013 għadu jiftakarha kulħadd. Il-Partit Laburista, issa mmexxi minn Joseph Muscat, jagħmel rebħa storika b'distakk ta' 35,107 voti fuq il-Partit Nazzjonalista. Kif wieħed jista' jimmaġina, fl-2013, il- Partit Laburista ħa r-rigni anke fl-Ewwel Distrett. Fil-fatt, il-Partit Laburista kiseb 12,462 vot (54.9%) u l-Partit Nazzjonalista kiseb 9,957 vot (43.9%). Għal darb'oħra, il-Partit Nazzjonalista jerġa' jtella' żewġ siġġijiet u t-tielet kandidat għalih ikun elett biss bis-saħħa tal-liġi tal- proporzjonalità (ara l-kaxxa dwar l-elezzjoni tal-2008). Mhux talli hekk, talli minn fost il- kandidati tal-Partit Nazzjonalista, Mario de Marco biss irnexxielu jilħaq u jaqbeż il-kwota ta' 3,782 vot. Il-kandidat l-ieħor, Claudio Grech, kien elett fit-22 għadd mingħajr ma kiseb il-kwota. Fil-fatt, bis- saħħa voti li wiret, Grech spiċċa bi 3,199 vot. Interessanti wkoll l-għadd tal-voti li kiseb Mario de Marco. Fil-fatt, din kienet l-ewwel darba li de Marco kien elett mal-ewwel għadd. Huwa kien kiseb 4,448 vot. X'aktarx li de Marco kien l-aktar kandidat Nazzjonalista li mar tajjeb wara li ma reġax ikkontesta l-eks Ministru Austin Gatt. Mill-banda l-oħra, il-Partit Laburista eleġġa, mingħajr problemi ta' xejn tliet kandidati. Wara żewġ elezzjonijiet ġenerali, isem Alfred Sant ma kienx fil-lista u għalhekk il-voti li kien jikseb setgħu jinqassmu aħjar. Madanakollu Louis Grech, dak iż-żmien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, kien kaxkar u kiseb 5,626 fl-ewwel għadd. Eventwalment, Grech kien ċeda s-siġġu tiegħu f 'dan id-distrett u minfloku kien ġie elett Luciano Busuttil. Kandidati oħra tal-Partit Laburista wkoll kisbu ammont konsiderevoli ta' voti. Għall-ewwel darba kkontesta t-tabib Deo Debattista u saħansitra qabeż lil Josè Herrera li kien ilu jikkontesta u jiġi elett mill-1996. Fl-ewwel għadd, Debattista kiseb 1,689 vot iżda kien elett fid-19-il għadd b'4,473 vot. Herrera kien elett fl-istess għadd wara li kiseb 4,101 vot. Intant, kif spjegat aktar 'il fuq, Paula Mifsud Bonnici kienet eletta f 'isem il- Partit Nazzjonalista minħabba l-liġi tal- proporzjonalità. Bħal fis-snin ta' qabel, l-aktar kandidati li ġabu voti fl-ewwel għadd kienu kandidati Nazzjonalisti. Fil-fatt, kienu erbgħa l-kandidati Nazzjonalisti li l-ewwel għadd kisbu aktar minn 1,000 vot. Interessanti wieħed jinnota li fl-2013, il- Partit Nazzjonalista lanqas kien irnexxielu jiġbor biżżejjed kandidati biex almenu joqrob lejn il-Partit Laburista. Fil-fatt, kienu kkontestaw tmien kandidati għall-PN u 14 għall-Partit Laburista. 2013: Il-Labour jiġri bil-PN; Kandidat wieħed Nazzjonalist iġib il-kwota 2017: Tliet siġġijiet faċli għall-PL; L-Ewwel Distrett issa tal-Labour Minn fuq, xellug: Alfred Sant, Austin Gatt, Mario de Marco u Josè Herrera: L-aktar kandidati b'saħħithom tal-Ewwel Distrett fl-aħħar erba' elezzjonijiet ġenerali PN PL 9,957 12,462 PN PL 10,094 13,844

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 31 October 2021