Illum previous editions

ILLUM 21 November 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1431467

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 31

21 kotba illum • IL-ĦADD 21 TA' NOVEMBRU 2021 Lil Mark Vella jdejquh immens il-kotba tal-finzjoni miktuba bl-Ingliż mill- Maltin. Dil-ġimgħa jagħti ċans lil The Patient in Hospital Zero ta' Ramona Depares u, filwaqt li xejn ma dejqu l-ktieb, xorta għad għandu xi jgħid dwar din li jqisha anomalija letterarja mill-kbar bosta mill-istejjer f 'din il-ġabra (minkejja li l-anqas li interessawni) jagħti lok għal dinjiet kemxejn rari għall-finzjoni Maltija, u tidher sew l-influwenza taċ-ċinematografija u tas-sensiliet, u ħarsa li faċilment tmur lil hinn mill-kuntest Malti imma li tippreżentalna karattri li nistgħu nidentifikaw magħhom. Tista' tgħid, dan huma ktieb dwar in-nisa, protagonisti ta' ħajja soċjali kumplessa u, kif anki tgħid l-awtriċi fid-daħla għall-ġabra, li jmorru lil hinn mix-xbiha għajjiena tal- mara timida li donnha kull ma taf tagħmel hu li tħobb, trabbi, u tbati. Hemm ukoll, bħala fil kontinwu għaddej minn dawn ir-rakkonti, l-element tal-orrur, almenu dak possibbli, fejn donnu ninsabu kontinwament assedjati minn possibilitajiet konkreti tat-twettiq tal-agħar biżgħat tagħna. Jien u naqra minn wara għal quddiem, u mbagħad inteef lejn in-nofs, ġieni f 'moħħi Carrie, li jissemma wkoll bħala referenza f 'waħda mill-istejjer, imma li beda jidwili f 'moħħi waqt il-qari ta' e Music in Her Head, fejn il-karattru ġġiegħel kollega tkorri t-tqala tagħha fl-uffiċju bis-sempliċi ħsieb ta' moħħha mnebbaħ mill-kliem tad-diski dejjem idur f 'rasha. Bosta mill-istejjer ta' Depares għandhom azzjoni sodisfaċenti, u saħħa oħra ta' xogħolha, anki fil- konfront ta' novellieri oħra Maltin, hija n-nifs għall-istorja, sew fit-tul u sew fil-wisa', fejn issostni b'mod xieraq il-pass għall-iżvilupp ta' rakkont dettaljat li tassew jibni dinjiet alternattivi, mhux biss dawk fantastiċi-allegoriċi, iżda anki fil- mumenti ta' kitba aktar realista. Dan iservi tajjeb ukoll għaliex ħafna minn dawn ir-rakkonti jseħħu f 'moħħ il-protagonisti, u Depares jirnexxilha tirrakkonta l-vjaġġ intern li huwa dejjem ankrat f 'attwalità solida: moħħ kumpless – u sikwit speċjali, kurjuż, jew uniku – li jinnegozja, jindaga u jfiehem ir-realtà ta' quddiemu, bis-saħħa tal-ġest li jmur lil hinn mill-istess realtà oġġettiva. U hawnhekk, il- fantastiku narah jagħmel ħafna sens. Madankollu, l-istess bħalma qal Robert Pisani f 'reċensjoni reċenti tiegħu, l-Ingliż ma kkonvinċinix, u għalhekk nibtet il-fantasija dwar x'kien jiġri minn dawn l-istejjer tajbin jekk inħolqu bil-Malti u, terġa', x'kien ikun il-prodott tradott għall-Ingliż. Pisani, qarrej imkisser u mgħarraf dwar il-kanonu Anglo-Sassonu kontemporanju, isemmi biċ-ċar l-użu ta' frażijiet u kostruzzjonijiet lingwistiċi klixè li tista' ssibhom f 'kull kitba medjokri bl-Ingliż. Mhuwiex it-tort tal- awtriċi, m'għandniex xi ngħidu, iżda ta' min nieqfu għal mument u niddiskutu l-iskop għala Malti jikteb bl-Ingliż. L-argument jista' jesponi diversi naħat. Jekk nibdew mill-għoli nett, xi ħadd jista' jsemmi li Kundera ppubblika bil-Franċiż eċċ., jew li s-suq bl-ilsien Ingliż huwa wisq akbar, u aktar eċċetri. L-istess argument li jintuża fil-każ tal- Eurovision u l-mużika popolari fejn fl-aħħar nispiċċaw ma nagħmlu xejn. Hemm ukoll l-argument dwar il-bilingwiżmu f 'Malta, jew inkella jaf hemm xi segment tal- bejgħ li jaqra biss bl-Ingliż u allura tista' tilħqu: ideat li narahom pjuttost dejjem imdendlin fl-arja u sempliċiment mirfuda mill-miti u l-leġġendi. Ftit li xejn, jekk l-ebda, huma l-kotba ta' finzjoni Maltin bl-Ingliż li qatt irnexxew: inħobb insemmi kif l-ewwel darba li qrajt In the Eye of the Sun ta' Francis Ebejer kien fit-traduzzjoni ta' Oliver Friggieri, u minkejja l-mertu intrinsiku tal-opra oriġinali, il- Professur kien kapaċi jikteb mill- ġdid ktieb li forsi qatt ma kellu jinkiteb bl-Ingliż. Jibqa' għalhekk id-dubju dwar il- validità tal-isforz letterarju Malti bl- Ingliż (u anki b'lingwi oħra) meta mhumiex u qatt ma jistgħu jkunu l-ewwel lingwa tal-awtur, dik li redgħu minn tfulithom u li baqgħet tinfurmalhom ħajjithom, minkejja kull indħil mid-dominanza tal- Ingliż. Alfred Sant m'ilux għamel dal-punt ukoll fi tweet minn tiegħu, fejn fil-qofol osserva din il-bidla minkejja li ma togħġbux jew ma jaqbilx magħha. Bidla minima li madankollu trid tiġi osservata u studjata, imma qaddisi jgħidli li dan il-fenomenu huwa pjuttost intrigu inutli nieqes minn kull sens ta' perspettiva. Biex nerġa' lura għall-kummenti ta' Pisani, ir-reċensur jgħid li l-Ingliż pedestri ta' Depares tellfu mill-qawwa intrinsika tal- istejjer. Huwa l-istess effett li seħħ għalija, fejn qrajt Ingliż li huwa mitgħallem u mhux mgħajjex, dak l-Ingliż tattiku, u spiss li jkun għadda żmienu, tal-komponimenti jew tal-korrispondenza uffiċjali mal-entitajiet tal-gvern Maltin. Huwa fil-fatt Ingliż li, għalkemm maħkum mill-awtriċi, ma jiġbdix l-attenzjoni lejh bħala l-lingwa tal- kitba, u dan jaf ikun ta' xkiel għall- apprezzament ta' stejjer maħduma sew u li għandhom ħafna xi jgħidu. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, dan hu debutt apprezzabbli min- naħa ta' Depares u l-istedina hija biex darb'oħra tipprova l-Malti. Bosta minna, b'xorti ħażina, jiddarrsu milli jużaw ilsienhom, l-uniku u l-vera lingwa tagħhom, għax qalulna għal snin twal li l-Malti limitat u ma jiswiex għal wisq, u li bl-Ingliż tofroq it-toroq fil-baħar. Argumenti li mhux biss huma banali iżda b'implikazzjonijiet politiċi u klassisti qawwijin. Fil-każ ta' Depares, tkun ħasra li tintilef din il-kapaċità fertili għall-ħolqien ta' dinjiet alternattivi u karattri b'potenzjal li jkunu memorabbli. Karattri li qegħdin f 'tiixa tagħhom infushom li teħodhom anki lejn xfar il-moralità u li tassew tippreżenta sfidi konkreti sew għalihom sew għall-qarrej. Il-ħila ta' Depares fil-mod kif tinvestiga l-psikoloġija individwali u torbotha mad-dilemmi etiċi u morali ta' żmienna hija żgur wieħed mill-elementi li jawgura ġejjieni produttiv għal din l-awtriċi, possibilemnt fl-esplorazzjoni ta' mergħat editorjali aktar realistiċi u tanġibbli.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 November 2021