Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1436874
16 kotba IL-ĦADD 12 TA' DIĊEMBRU 2021 • illum A Song for Europe Fl-1 ta' Novembru 1973, ħarġet A Song for Europe tar-Roxy Music, kanzunetta enigmatika għaliex titkellem dwar tmiem ta' mħabba, forsi is-suġġett l-aktar frekwenti tal-mużika pop, fuq sfond ta' kontinent mudlam, malinkoniku u dekadenti. It- tmiem tal-kanzunetta li żżiġġ mill-gondoli ta' Venezja għad- dell tan-Notre Dame jitkanta bil-Franċiż u l-Latin, f 'odi għal xi passat li m'għadux magħna jew inkella tpittir mitiku tal- identità Ewropea. Hemm possibbiltà interessanti li tiġi kkumpilata sensiela żgħira, tipo mixtape tat-Tmeninijiet, ta' espressjonijiet artistiċi, popolari l-aktar, jew inkella interessanti fil-periferalità tagħhom, ta' għanjiet għall-Ewropa. Waħda fil-lista tista' tkun Ragazzo dell' Europa ta' Gianna Nannini, ir- rakkont malinkoniku u mixtieq dwar żagħżugħ idur minn belt għal oħra, f 'kontinent li qed jerġa' jinstab bis-saħħa tal-InterRail, vagabond kunfidenti jaqbeż minn esperjenza ġdida għal oħra. Jew inkella, għat-togħma lokali, żewġ poeżiji tal-aħħar ta' Doreen Micallef, li kienet waħda mill- ewwel entużjasti mhux magħrufa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, hi wkoll tistħajjel il-kontinent qadim u ġdid fl-istess ħin bħala liberazzjoni minn għeluq sew nazzjonali sew personali. Dawn żminijiet oħra. Is-sakra tas-sħubija issa ilha li għaddiet, u aktar milli xi hangover, kull ma jaf jibqa' n-nisi tal- kompjaċenza, fejn kollox jista' jiġi ffinanzjat minn fond jew ieħor, u l-effetti fit-tul tas-sħubija jibdew jittieħdu bħala fatta bl- istess mod li ma nimmaġinawx, lanqas jekk nagħsru moħħna, pajjiżna mingħajr servizzi soċjali universali u skejjel u sptarijiet b'xejn. Il-bdil ġenerazzjonali mill-2004 'l hawn fisser ukoll li issa telgħin Maltin li 'l pajjiżhom ma jafuhx għajr bħala membru – 'naturali' – tal-għaqda Ewropea, u jaf hawn jibda jinbidel xogħol l-Ewropeista, li jkollu jippreżenta dan il-proġett taħt dwal ġodda. L-aktar illum fejn donna lkoll qed nintebħu li qed ngħixu l-istorja aktar minn qatt qabel, b'dinja li qed tinbidel quddiem għajnejna b'ħeffa li taf tħallik taħtha. Tant li bidliet bħal dawn huma wkoll katalisti għal viżjonijiet ġodda dwar it- tqassim tas-soċjetà u fejn wieħed jaħseb li l-aħjar li tmur: dinja ta' inċertezza li tagħti lok għall- feġġ ta' varjetà sħiħa, xi drabi insidjuża, ta' tentattivi biex nimu u nirridimensjonaw ir-realtà tagħna. Żid ma' dan l-individwaliżmu ġdid u l-kriżijiet varji li għaddejja minnhom is-solidarjetà xellugija ta' żmien ilu, u ħalliha ttektek sakemm jibda jfur ħelu ħelu lemin ġdid ta' anti-vaxxers u Kattoliċiżmu radikali, jew inkella konfużjoni liberali li ma tistax tlaħħaq mas-sadd ta' kull toqba ta' inkorettezza u inġustizzja pperċepita, tant li drabi tispiċċa tinsa fejn tassew qegħdin il-ħofor il-kbar li tħallew wisq jittewbu miuħin beraħ. Is-Servizzi Ewropej f 'Malta (SEM), li fi żmien ieħor bi ħtiġijiet politiċi differenti konna nsibuh il-MEUSAC (Malta-EU Steering Action Committee) huwa, fost l-oħrajn, ċentru ta' informazzjoni Europe Direct tal-Kummissjoni Ewropea. Wieħed minn tliet ċentri simili mxerrda madwar Malta u Għawdex, xogħlu jinvolvi li jgħarraf lil firxiet diversi tal- pubbliku dwar l-operat tal- Unjoni Ewropea, u l-aħħar żewġ pubblikazzjonijiet għat-tfal u ż-żgħażagħ donnhom jagħrfu l-bidliet epokali li għaddejjin minnhom u l-ħtiġijiet li jġibu magħhom. L-Ewropa mistħajla minn Bryan Ferry u dik li aspirat għaliha Doreen Micallef taf tkun xbiha nostalġika jew kimera idealistika, imma hemm idea wisq aktar profonda ta' xi jfisser il-kontinent, sew għal min hu ta' ġewwa sew għal min jintlaqa' fih. Mhux ta' b'xejn li portafoll partikolari fil-Kummissjoni Ewropea huwa dak tal-ħarsien tal-istil tal-ħajja Ewropew: wieħed jista' jiddibatti x'inhu dan l-istil ta' ħajja, jekk hux dak tal-kurċifissi fil-klassijiet u tal-Milied bħala għelm ta' tradizzjoni Nisranija millenarja, jew inkella dak tal-ftuħ demokratiku, tal-akkoljenza u d-diversità. Jew inkella xi mkien bejn dawn it-tnejn, jew dan kollu jista' jgħix flimkien f 'armonija, b'riċetta ġdida li għad irridu noħolqu. #noħlomlixidarba donnu fehmu dal-bżonn, bħal ma fehmuh is- SEM bl-idea ta' dan il-ktieb dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea miktub minn Clare Azzopardi u illustrat b'mod eċċellenti minn Naomi Gatt. Ktieb li x'aktarx huwa indirizzat għall-ewwel adolexxenza, bħalma huma l-karattri kollha f 'din l-istorja li, għalina l-kbar, taf tidher qisha abbozz ta' xi rumanz ta' Azzopardi, ikkaratterizzata mill- empatija tipika tal-awtriċi kif ukoll mit-tħaddim tal-lingwa li jsib il-bilanċ perfett bejn l-isfruttament tar-riżorsi kollha tal-Malti u n-nuqqas ta' biża' mir-riproduzzjoni tal-mitkellem, speċjalment fil-każ ta' kif jikkomunikaw in-nattivi diġitali. L-għan ta' dan il-ktejjeb huwa moltepliċi, u b'mod intelliġenti. Kull kapitlu jaf jitqies bħala tematiku, u jispiċċa bi kwotazzjoni minn Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb