Illum previous editions

ILLUM 16 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1443444

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 27

08 aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' JANNAR 2022 • illum 'Min igerger li mhux isib ħaddiema imbagħad iżomm lill-impjegati b'inqas paga, qiegħed jabbuża' Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana wara li diversi ħaddiema lmentaw kif minkejja li x-xogħol qed jirkupra, baqgħu ma ngħatawx lura l-kundizzjonijiet u l-paga li kellhom qabel il-pandemija YENDRICK CIOFFI Fl-aħħar ġimgħat, ħaddiema tkellmu mal-gazzetta ILLUM dwar il-fatt li għadhom qed jirċievu paga inqas jew saħansitra qed jitħaddmu inqas sigħat, minkejja li fl-aħħar xhur u fil-ġimgħat tal-Milied, ix- xogħol żdied u n-negozju reġa' beda jieħu r-ruħ. Uħud mill-ħaddiema li tkellmu magħna saħansitra qalu li ilhom minn April 2020 jirċievu inqas paga u oħrajn insistew li anke meta x-xogħol irkupra, baqgħu jitħaddmu inqas sigħat bil-għan li jitħallsu inqas. "Is-suppliment tal-paga sabuh komdu u sadanittant aħna bqajna fejn aħna," insistew uħud mill- ħaddiema. Is-suppliment tal-paga kien importanti għall-ħafna negozji, biex żammew fil-wiċċ, bil-Prim Ministru jisħaq li dan se jkun estiż anke għax-xhur li ġejjin, jekk ikun hemm bżonn u anke jibqa' jassisti lis-setturi l-agħar milquta skont l-andament tal-ekonomija. 'Nifhem li hemm setturi u negozji li għad għandhom sfida' Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ministru għall- Finanzi Clyde Caruana li beda jfakkar li biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, inkluż il-paga jew anke s-sigħat tax-xogħol, kwalunkwe negozju jrid ikollu l-permess speċjali tal- Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER), liema permess ikun rivedut kull erba' ġimgħat. Rigward is-sitwazzjoni ta' ħaddiema li għadhom qed jaħdmu b'kundizzjonijiet inqas, minn dawk li kellhom qabel il-pandemija, il-Ministru qal li jirrikonoxxi li għad hemm setturi, inkluż dawk li jiddependu direttament mit-turiżmu u li għad għandhom sfida. Madanakollu saħaq li ma jagħmilx sens li jkun hemm min jilmenta li mhux isib biżżejjed ħaddiema u mbagħad, fl-istess ħin, ma jagħtix lill-impjegati tiegħu l-kundizzjonijiet li kellhom qabel il-pandemija. "Min jagħmel hekk, ikun qed jabbuża," insista l-Ministru Caruana. 'Jekk hawn min ħa r-regoli b'idejh qed jikser il-liġi' – Abigail Mamo Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Mamo u anke mas-Segretarju Ġenerali tal- General Workers Union, Josef Bugeja. It-tnejn li huma fakkru dettall li forsi ħafna ħaddiema nsew, jiġifieri li biex ikun hemm bidla fil-kundizzjonijiet ta' xogħol ta' kwalunkwe ħaddiem, inkluż tnaqqis fil-paga, minħabba l-pandemija, irid jintalab il- permess speċjali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi. Aquilina fakkret li dan il- permess jgħodd biss għal dawk in-negozji jew setturi li jaqgħu taħt is-suppliment tal-paga u kull permess irid jiġi rivedut kull xahar. "Jekk hawn min ħa r-regoli b'idejh qed jikser il-liġi, jista' jiġi investigat u jekk jinstab ħati jrid jagħti lura lill-ħaddiema l-ħlas li ma tahomx," insistiet Mamo. Filwaqt li ma setgħetx tikkonferma każi simili, Mamo saħqet li jekk hemm ħaddiema li għadhom b'inqas kundizzjonijiet u b'inqas ħlas, meta n-negozju li miegħu jaħdem sejjer tajjeb, għandhom raġun li jilmentaw. Fakkret li biex dan il-permess speċjali jitwaqqaf, ma hemmx għaliex negozju jkun qed jagħmel xi profitt kbir, iżda biżżejjed li jkun qed jagħmel dħul biex wara li joħroġ il-pagi tal-ħaddiema tiegħu u jħallas spejjeż oħra, ma jispiċċax f 'riskju li jfalli. 'Ħaddiem jista' jirrapporta jekk min iħaddmu qed jabbuża...' Insitiet li tul il-pandemija, il- Kamra għamlet diversi laqgħat ta' informazzjoni mal-membri tagħha biex ikun żgurat li kulħadd jimxi mar-regoli u ma jiħux il-liġi b'idejh. "Jekk hemm min qed jabbuża, żgur li mhuwiex membru tagħna," insistiet. Fakkret li jekk hemm ħaddiema li huma ċerti li min iħaddihom qed jabbuża mis-sitwazzjoni, jista' jagħmel rapport, anke b'mod anonimu mad-Dipartiment għar- Relazzjonijiet Industrijali u tal- Impjiegi. 'Ma tistax titlob ċertifikat jew swab lill-impjegati tiegħek' – Josef Bugeja L-istess appell għamlu wkoll mal-ILLUM is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, li saħaq li jekk hemm impjegaturi li żammew lill-ħaddiema b'kundizzjonijiet inqas minn dawk li kellhom qabel il-pandemija, jekk ma hemmx il-permess tad- DIER, ikun qed jikser il-liġi. Rigward tnaqqis fil-ħinijiet tax- xogħol, Bugeja saħaq li wieħed irid dejjem iħares lejn il-kuntratt tax-xogħol tiegħu għax jista' jkun li sar b'tali mod li jagħti l-permess lil sid ta' negozju li jnaqqas il- ħinijiet tal-impjegati skont l-andament tax-xogħol. "Għalhekk importanti li tkun f 'unjin," saħaq Bugeja. Madanakollu, l-akbar tħassib ta' Bugeja bħalissa huwa l-miżuri li qed jittieħdu. Saħaq li jaf b'ċirkostanzi fejn hemm impjegaturi, fosthom ta' fabbriki u anke uffiċini li qed jitolbu ċ-ċertifikat tal-vaċċin lill- impjegati tagħhom jew inkella test negattiv tal-Covid-19, aktar u aktar hekk kif minn għada se jidħlu bidliet f 'dan l-istess ċertifikat. Bugeja insista li dan ma jistax isir u jekk hemm impjegaturi li qed jagħmlu dan, qegħdin jiksru totalment il-liġi. Fakkar li għal dawn il-postijiet tax-xogħol għadhom jgħoddu r-regoli tal-ilbies tal-maskra u d-distanza soċjali, fost oħrajn, iżda insista li ma hemm l-ebda liġi li tagħti s-setgħa lis-sid li jobbliga lill-impjegati tiegħu biex jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin jew inkella test negattiv. Clyde Caruana Abigail Mamo Josef Bugeja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 January 2022