Illum previous editions

ILLUM 30 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1446840

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 27

23 rakkont illum • Il-ĦADD 30 TA' JANNAR 2022 Sharon Calleja It-Tliet Pitturi (IR-RABA' PARTI MINN ERBGĦA) K ont mifxul għall-aħħar. Eżattament x'kien ġara f 'dik il-kamra tal-bieb tqil tal-injam ma kontx naf. Li kont naf kien il-fatt li kienet ġrat xi ħaġa stramba u nsolita. Dawk it-tlett pitturi. U issa kif kont erġajt poġġejt bilqegħda fuq l-iskrivanija tiegħi eżatt faċċata tal-bieb tal-palazz li kien jagħti għal barra, bdejt inħoss l-għaraq ixoqq għalija. Ma stajtx niem kif u x'fatta. Mhux ta' b'xejn ħadd ma kien isaddad bħala xogħol hawnhekk! Imma x'kien jimporta? Ħajti. Ħajti kienet monotona mingħajr lanqas biss ma kont naf. U kieku........... Setgħet kienet mod ieħor. Mod ħafna differenti. Isbaħ. Setgħet kienet qiegħda f 'ħajti. Hi. Celeste. Qomt malajr minn fuq l-iskrivanija u ttawwalt lejn il-bieb tal-injam tqil. Kien għadu miuħ hekk eżatt kif kont ħallejtu jien. Ittamajt li nerġa' naraha. Lilha. Lil Celeste fuq it-tila. Imma kienu għadhom suwed. Moħħi kien qed jhewden. Kien qed jhewden fuqha. U tlaqt niġri malajr lejn l-iskrivanija, qbadt il-mowbajl u bdejt inċempel lil kuġinti. Kont ilni ma nkellimha żmien twil. Imma hi kienet l-unika persuna li setgħet tilluminani. Tgħidli fejn kienet toqgħod il- ħabiba tagħha Celeste. "Ħellow, Katya.........jien........iva," bdejt ngħidilha b'leħen aktar vivaċi milli kont qiegħed inħossni dak il-ħin. "Int x'minnek? Kif ċempilt? Ara kemm qed nieħu gost inkellmek!" bdiet tgħidli. "Għandi bżonn favur." "Eeee, għalhekk ċempiltli mela," weġbitu Katya b'sarkażmu. "Fejn toqgħod Celeste? Għadha toqgħod maġenbkom? Għandi bżonn inkellimha........" U qbadt karta u pinna ta' malajr u bdejt nikteb l-indirizz li tatni kuġinti. Dawk kienu baqgħu ħbieb. Hi u Celeste. Wara għedtilha it kliem bla sens, bħal nerġgħu niltaqgħu ma ndumux, u li mmissjajtha u qtajna. Ħrabt lejn il-bieb ta' barra qisni vleġġa, sakkart il-bieb malajr warajja, sibt taxi u lix-xufier tajtu l-indirizz li kelli mħażżeż fuq il-karta. Qalbi bdiet tħabbat mija mija. Issa x'kont qiegħed nagħmel? X'kont ser nivvinta? Lanqas jien stess ma kont naf ! Imma li kont naf biss kien il-fatt li ridt naraha! Malajr kemm jista' jkun! Imma wara dawn is-snin kollha! Forsi kienet miżżewġa........... forsi ma riditx tarani...........forsi ma riditx tkellimni! U ħassejt id-dmugħ nieżel minn għajnejja. Ħassejt qalbi litteralment tuġagħni f 'sidri. Għalfejn qatt ma kont ippruvajt ngħidilha x'kont inħoss għaliha meta konna iżgħar? Għalfejn kont ħallejt il-bluha taż-żgħożija tidħol bejnietna u ż-żmien itellifni dak kollu li dejjem xtaqt u li donni kont għami wisq biex ninduna? Għalfejn kellhom ikunu dawk l-immaġinazzjonijiet li kont rajt quddiem għajnejja fuq dawk il- pitturi biex nistenbaħ mir-raqda li għext fiha tul kważi ħajti kollha? Kont riekeb fil-karozza, għaddejjin minn ħdejn id-djar mibnijin bl-istess stil ta' xulxin, bil- karozzi għaddejjin minn ħdejna, kultant minn fejn xi ġnien, xi ċimiterju, xi ħajt tas-sejjiegħ u jiena ma kont qed nara xejn minn dan. Fuq moħħi kien għadu ttimbrat wiċċha. L-aħħar pittura li kont rajt. Dik il-libsa ħamra. Dak il-wiċċ sabiħ. U l-karozza waqfet. Qalbi waqfet magħha. Kont wisq eċċitat. Rajt lix-xufier idur iħares lejja, idendel idu għall-flus u jitbissimlu b'mod diplomatiku. "Hemmhekk," qalli eżatt malli ħass il-flus li kont newwiltlu fuq idejh. Għamilli mossa għal dar imdaqqsa bir-rixtellu tal-ħadid u ġnien żgħir fuq quddiem bi statwa ta' delfin f 'nofs buqar kbir tal-ġebel fil-ġenb tiegħu fost xi pjanti u fjuri kkuluriti. Fejn kont ġejt? X'kont qed nagħmel? U msaħt id-dmugħ ħalli nidher it aħjar. Ħriġt mill-karozza u bqajt fl- istess pożizzjoni sa' xħin smajtha sejra mingħajr ma dawwart rasi jew iċċaqlaqt 'l quddiem. Issa x'kien il-pass li jmiss? Imxejt bilmod sal-bieb ta' quddiem u daqqejt il-qanpiena. Smajt ħoss ta' inbiħ donnu ta' xi kelb żgħir minn naħa ta' ġewwa. Irranġajt it xagħri u ħadt nifs twil 'il ġewwa. U stennejt it. Passi. Passi resqin lejn il-bieb. Ħassejt għoqla fi griżmejja hekk kif il-bieb tbexxaq bilmod. "X'għandek bżonn?" staqsieni. Kien raġel. Twil. Mibrum. U wiċċu ma tantx jiġbdek. Imma kellu dehra atletika u fil-ġnub wara widnejh ix-xagħar griż. "Hawn toqgħod Celeste?" staqsejtu nitfixkel għall-aħħar. Bdejt inħoss għoqla teħel f 'nofs griżmejja. "Min hawn?" smajt leħen femminili ġej minn warajh hekk kif il-bieb infetaħ beraħ u dehret hi. Celeste. Maġenbu. "Celeste?" għedtilha b'leħen fgat għal kollox għax ma kontx qed iħossni tajjeb. Kelli saqajja kollha rogħda u mmaġinajt li dan kien ir-raġel tagħha. "Celeste?" staqsietni dik, qisni kont qed niżbalja f 'xi diskors. U mbagħad ġejt f 'tiegħi. Din kienet għadha eżatt. Xagħarha. Wiċċha. Dawk l-għajnejn. Ma kinitx xjaħet lanqas ġurnata waħda minn meta kont rajtha l-aħħar. Snin ilu. Imma.............. Kienu għaddew ħafna snin.............. "Celeste hija z-zija.........." qaltli dik, b'għajnejha ffissati fuqi. "Jiena Bianca." Ir-raġel ma lissinx kelma oħra. Kont qed inħossu jiflini. "Nista' nara liz-zija?" "Inti min inti?" staqsietni Bianca. "Jiena ħabib tagħha ta' żmien l-iskola..........konna ħbieb ħafna imma qtajna l-kuntatt. Iddeċidejt li niġi naraha ftit." "Ġejt tard sieħbi," qalli dak ir-raġel li kien jidher ta' mpari. "Issa ħarġet." Iżda eżatt dak il-ħin, smajt il-passi ġejjin iħaffu lejja minn warajja. U dort. Inħsadt. Għajnejha ltaqgħu ma' tiegħi. Kienet liebsa pulit. Xagħarha mgħolli 'l fuq. U issa kont ċert. Kienet hi. Celeste. "Int...........?" waqfet f 'nofs il-passaġġ ta' quddiem id-dar tħares lejja. "Ġejt biex.............wara dawn is-snin kollha............imma ma ridtx niddisturbak," smajt leħni stess jgħid b'mod mifxul. "Int........" qaltli b'għajnejha jimtlew dmugħ. "Taf kemm ilni nistenna li narak? Taf kemm immissjajtek?" Iż-żmien kien saħansitra ġagħlha tidher isbaħ. U aktar matura. "Imma skużani għax qbadt............" ħarist lejha u lejn dak ir-raġel. "Dak ħija Flavio," tbissmitli. Għajnejha ltaqgħu ma' tiegħi. U tiegħi ma' tagħha. Ma kienx hemm bżonn kliem. Indunajt. Celeste kienet baqgħet taħseb fija. Kienet għadha tħobbni. Stajt nara f 'għajnejha. Dħalna ġewwa u għamilna nofs ta' nhar inparlaw. U ddeċidejna li nerġgħu niltaqgħu. U bdejna relazzjoni flimkien. Veru ftit tard. Imma aħjar tard milli qatt. U dawk l-imberkin pitturi kont sakkarthom sewwa. Mhux għax bżajt minnhom. Imma mhux aħjar milli nerġa' nidħol hemm ġew u tiġi xi pittura ta' xi mara oħra milli kelli? X'taħsbu?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 January 2022