Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1446840
04 aħbarijiet IL-ĦADD 30 TA' JANNAR 2022 • illum 'Il-pjan ta' Arrigo ramewh... u daħħlu nies li jaqtgħu l-irjus!' ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Sorsi differenti fi ħdan il- Partit Nazzjonalista - nies qrib it-tmexxija, Deputati u anke uffiċjali tal-PN - li tkellmu ma' din il-gazzetta dwar il-qagħda tal-PN, kollha qalu illi Bernard Grech huwa determinat li jibqa' fil-kariga ta' Kap, anke jekk id- distakk bejn il-partit li jmexxi u l-Partit Laburista jkun ta' madwar 30,000 vot. Dan qed jinkwieta lil uħud, għalkemm oħrajn qalu illi mhux billi jrid jibqa' Grech għax hemm min qed jevalwa u se jkun qed jevalwa l-pożizzjoni tal-PN nazzjonalment u anke tiegħu individwalment qabel ma jieħu deċiżjoni jikkontestax elezzjoni għall-Kap jew le. Wieħed irid iżomm f 'moħħu li kif mibdul l-istatut tal-PN taħt it-tmexxija ta' Adrian Delia, jekk dan il-partit ma jirbaħx l-elezzjoni ġenerali li jmiss irid bilfors jitlaqqa' Kunsill Ġenerali li jipprepara lill-PN biex imur għal elezzjoni ta' Kap li fiha jivvutaw ukoll it-tesserati. Wieħed mis-sorsi - Deputat - sostna li s-sitwazzjoni hija ħażina u ma hemmx rieda u lanqas ħeġġa ta' ħidma. "Tidħol hemm ġew biżżejjed biex taqa' ħażin għax l-affarijiet ma nbidlux," sostna dan is-sors. Huwa qal mal-ILLUM li wieħed irid jara għalfejn elenku ta' nies qed jiddeċiedu li jitilqu lill-partit jew inkella jħabbru li mhux se jikkontestaw: Minn Deputati bħal Hermann Schiavone u Therese Comidini Cachia għal kandidati bħal Roselyn Borg Knight li rriżenjat ukoll minn Segretarju Internazzjonali, Alan Abela Wadge u martu Tiffany Abela Wadge "u nies oħrajn li ma tantx għadhom jissemmew imma ingħataw il-ġenb kompletament bħal Jean Pierre Debono... nies li trawwmu u ħadmu tant għall-partit dawn. Nies tal-partit, li ċeda s-siġġu biex ikun elett Delia. U twaħħlux fihom għax telqu, jew għax ġabu l-karriera l-ewwel. Telqu għax ma setgħux jibqgħu jaħdmu," saħaq. Persuna oħra li rriżenjat mill-PN fl-aħħar ġimgħat kien Alessandro Farrugia, minn Direttur tal-Komunikazzjoni. Farrugia kien wieħed minn dawk fuq quddiem nett fil-kampanja ta' Bernard Grech għal Kap ġdid u minkejja li qal li telaq minħabba 'raġunijiet personali', uffiċjal fi ħdan il-PN qal li dan kellu l-inwkiet ma' diversi nies u kien għalhekk li telaq. "Is-sitwazzjoni fil-PN hija ħażina ħafna. Ir-riformi li kien beda Robert Arrigo biex il-partit ma jibqax jitlef il-flus li kien qed jitlef, kollha intremew il-baħar. Biex daħħlu lin-nies li jaqtgħu l-irjus," sostna dan is-sors. "Grech determinat li jibqa'. U qalha għax qed jgħid li jekk jitef b'30,000 vot trid tara minn fejn beda fis-sondaġġi. U fil- verità ma tantx għandu min jikkompetilu, forsi Joe Giglio - imma qed jagħtuh il-ġenb u anke lil Claudio Grech taw ftit tal-ġenb minkejja li suppost kollox f 'idejh" qal dan is-sors. Sors ieħor, uffiċjal ukoll viċin it-tmexxija saħaq illi fi ċrieki fil-PN hemm ħeġġa biex malli jagħlaq it-terminu tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew, tiġi u tmexxi l-partit Roberta Metsola, li rat il-profil politiku tagħha jislodi 'l fuq grazzi għas-suċċess kbir li kisbet fi Strasburgu. "Imma jekk jibqa' Grech ikollna ftit ta' problema, forsi jaċċetta li jibqa' interim sakemm tiġi Metsola," qal dan is-sors. Huwa fatt magħruf li Metsola ilha l-favorita ta' bosta għat-tmexxija tal-PN imma r-rebħa ta' aktar minn 70% fil-Parlament Ewropew poġġietha fuq quddiemnett u rebħitha r-rispett ta' ħafna votanti nazzjonalisti u votanti li mhumiex ukoll. U finalment sors ieħor - mill- ġdid deputat - qal mal-ILLUM illi Grech huwa determinat li jibqa', "imma jekk jitlef b'xi 30,000 vot ikun hemm min jipprova jqaċċtu żgur." Mistoqsi min se jagħmel dan, huwa jgħid illi probabbilment dawn se jkunu dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia, li allura joħorġu kandidat biex jikkompeti kontra Grech f 'elezzjoni għal Kap. Din il-ġimgħa stess il- Kunsillier Nazzjonalista Andre Grech f 'Ħal Balzan - magħruf għall-appoġġ li baqa' jagħti lil Delia - irriżenja mill-PN u qal li ma jridx ikun jifforma aktar parti minn "partit tal-mibgħeda". Dan jiżdied ma' elenku ta' Kunsilliera Nazzjonalisti oħrajn fosthom Anthony Delia - ħu Adrian Delia - li rriżenja mill- Partit Nazzjonalista u baqa' Kunsillier indipendenti f 'San Pawl il-Baħar, fejn fil-fatt il- PN tilef ukoll lill-Kunsilliera Anne Fenech, li wkoll baqgħet indipendenti. Kunsilliera oħrajn li rriżenjaw kienu jinkludu lix-xandara popolari fuq il- midja tal-PN Louise Tedesco, fil-Ħamrun u l-preżentatriċi fuq il-PBS Doriana Portelli f 'Birżebbuġa li ddeskriviet dak li sar fil-konfront ta' Adrian Delia bħala "inuman." Fl-aħħar ġimgħat Grech kellu wkoll problemi mas-Sindku tan- Naxxar fuq vot dwar żvilupp fuq l-art tat-Trade Fair. Minkejja ultimatum biex Anne Marie Muscat Fenech Adami tirriżenja minn Sindku, hija sfidat din l-ordni u baqgħet fil-kariga. "Jiena qed nara illi fost id- Deputati qishom aċċettawh issa lil Grech u ma għadux appoġġjat biss minn ftit, imma jekk jitlef bil-kbir imbagħad, ma nafx," temm jgħid dan id-deputat. Grech qed jiffaċċja sondaġġi xejn sbieħ bil-Partit Laburista iżomm distakk ta' aktar minn 40,000 vot fuq il-PN, għal numru ta' xhur, fis-sondaġġi xjentifiċi kollha ippubblikati: Dak li jiġi ppubblikat fil- Maltatoday, dak ippubblikat fit- Torċa (Vince Marmara) u anke dak ippubblikat f 'The Sunday Times. Pero' agħar minn hekk, f 'termini ta' fiduċja, t-tmexxija ta' Grech - li donnha ma tistax taqbad momentum qawwi - baqgħet madwar 17% u 20% inqas mit-tmexxija ta' Abela. Fl-aħħar sondaġġ xjentifiku fuq il-gazzetta oħt Maltatoday ippubblikat f 'Jannar minkejja li l-fiduċja f 'Robert Abela naqset bi 3.8%, id-differenza bejn iż- żewġ mexxejja baqgħet enormi, total ta' 21.3%. Dan hekk kif Abela huwa fdat minn 47.3% tal-poplu u Grech minn 26%.