Illum previous editions

ILLUM 27 February 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1455663

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 Jgħid żewġ kelmiet Joseph u jitfgħu l-baħar' 'Lil Joseph kont inwissih ... ħadd ma tkellem, ma sibna lil ħadd warajna' Kien hawn li saħqet li minn dak iż-żmien kienet qed twissi lil Joseph Muscat dwar dawn l-assoċjazzjonijiet. "Kont ngħidlu li hu ma għandux bżonn dawn l-assoċjazzjonijiet. Kellu n-nies warajh. Kont ngħidlu li dak li qed jitlob issa kien se jbatih wara," kompliet tirrakkonta. Fakkret li n-nies emmnu f 'Joseph Muscat u ma kellhomx għaliex le. Il-programm elettorali "kien eċċellenti" u kull diskors li għamel Joseph "kien impekkabbli." "Ma kien hemm xejn li seta' jżommna lura. Kien dan il-ħsieb biss li dejjaqni. Imma kont ngħid li jekk jiżbalja Muscat, kien hemm jiena u Godfrey, Edward Scicluna, Manuel Mallia, Louis Grech u Evarist Bartolo," kompliet. "Illum tħares lura u tinduna li ma sibna lil ħadd warajna. Ħallew is- sitwazzjoni tispiċċa f 'dik li hi llum. Is-sitwazzjoni jmissha hija ħafna aħjar. Ħadd ma tkellem. Scicluna ammetta li ma kienx lest jitlef is- siġġu ta' Ministru meta kien ħalla warajh il-Parlament Ewropew." Kien hawn li Farrugia saħqet li waslet l-ewwel prova għal Muscat, jiġifieri l-Panama Papers, fallieha. Fi kliemha, kieku llum, is-sitwazzjoni kienet tkun ħafna differenti. 'Nispera li żbaljata. Imma nibża' li Joseph kellu aġenda oħra' Iżda lil Farrugia bdew idejquha ħafna affarijiet oħra, fosthom il- mod kif daħal il-programm taċ- ċittadinanza u anke kif bdew isiru ċertu kuntratti, bil-ħeffa, lejliet il- Milied jew f 'xi festa. Mistoqsija jekk kinitx titkellem u turi t-tħassib tagħha lil Joseph Muscat dwar dan kollu, Marlene Farrugia qalet li kienet titkellem ħafna. Fi kliemha, qatt ma kien jagħmel sens li fi żmien meta l-pajjiż kien sejjer tajjeb, il-Gvern kien qed ibigħ kollox f 'kuntratti "li ma jagħmlu l-ebda sens." "Kont għidtlu ċar u tond. Ma jagħmilx sens li jkollok monopolju fis-settur tal-enerġija. Min se jiddeċiedi x'se jiġri bis-settur tal- enerġija tagħna huwa l-ħakem tagħna," insistiet. "Nispera li jien żbaljata. Imma nibża' li kellu aġenda oħra. Il-poplu kien warajh. Għaliex ħalla dan kollu jseħħ? Il-poplu għadu jħobbu sa issa wara dak it- tgerfix kollu." 'Fuq taż-Żonqor kont tajtu tgħajjira kbira f'Kastilja' Farrugia saħqet li baqgħet tissemma "t-tgħajjira" li tat li Joseph Muscat f 'Kastilja fuq il-kwistjoni taż-Żonqor, li seħħet fl-ewwel snin ta' Gvern Laburista u li hi kienet voċifera kontriha tant li niżżlet tipprotesta spalla ma' spalla ma' Simon Busuttil. "Kienet se tinqasam qalbi meta lill-kumpanija li qatt ma kellha esperjenza fl-edukazzjoni, f 'siegħa, iddeċieda li jagħtiha ż-Żonqor. Għidtlu li l-pajjiż ma kienx ħallihulu missieru. Tant kemm bdejt ngħajjat, li ġew jiġru n-nies ta' Keith Schembri biex jaraw min qed jgħajjat ma' Joseph," insistiet. Fuq din il-kwistjoni, Farrugia niżlet tipprotesta spalla ma' spalla ma' Simon Busuttil. Farrugia titlaq mill-Partit Laburista: 'Jiena l-kuxjenza tiegħi nadifa' L-ambjent huwa għal qalb Farrugia u fil-fatt, irriżenjat mill-Partit Laburista, propju għalhekk. Hija kienet ivvotat mal- Oppożizzjoni dwar żewġ emendi għal-Liġi dwar il-Ħarsien tal- Ambjent. Insistiet li għaliha u għal Godfrey Farrugia kien żmien diffiċli, anke għax peress li hu kien il-Whip tal- Gvern, kellu jivvota mal-Grupp Parlamentari fuq affarijiet li dwarhom ma kinux jaqblu. "Qegħdin fl-istess dar u ma nistgħux nitkellmu fuq ċertu affarijiet," kompliet tirrakkonta. "Jiena għamilt dak li ħassejt li kelli nagħmel. Ma stajtx inħalli lill- partit li jien tant ħdimt biex jitla', jegħreq. L-oħrajn kellhom għażla u ma għamlux hekk. Jien il-kuxjenza tiegħi nadifa." Għaliex ma mortx mill-ewwel mal-PN? Marlene Farrugia kienet imbagħad waqqfet il-Partit Demokratiku u l-ILLUM tistaqsiha għaliex ma qabditx u ssieħbet mal-PN, jekk imbagħad ma' Simon Busuttil, ħadmet fil-Forza Nazzjonali. Saħqet li kien hemm ħafna talbiet biex tagħmel dan imma insistiet li fil-PN kien hemm affarijiet li ma kinux aċċettabbli. Fi żmien Delia qatt ma pprovaw jinkluduha anke għax hi qatt ma rat għajn ma' għajn miegħu. Dan reġgħet ikkonfermatu. L-ILLUM tistaqsiha jekk Bernard Grech qattx talabha biex tissieħed mal-PN. "Dan l-aħħar kienu qed jistaqsuna x'se nagħmlu. Imma ma stajtx nerġa' noħroġ. Il-Parlament x'immur nagħmel? Nagħmlu dibattitu meta l-konklużjoni tkun diġà lesta," kompliet tgħid. Ġieli emmintu li l-Forza Nazzjonali se tirbaħ? Tkellimna dwar il-kampanja tal-2017. Anke jekk hi ma riditx tissieħeb mal-PN, spiċċat tindirizza Mass Meetings tal-Forza Nazzjonali, meta quddiemha kien ikollha biss bnadar Nazzjonalisti. "Qatt ma dejquni. Jiena għalija ma hemmx Nazzjonalisti jew Laburisti imma Maltin," saħqet Farrugia. Mistoqsija jekk kinux jafu li se jitilfu, Farrugia wieġbet fil-pożittiv. "Ma titlifx meta tmur titlob impjieg mal-Gvern jew permess u jagħtuhulek jumejn wara? Ma titlifx meta tara l-mod kif irredikolaw lil Simon u anke lili? Lili pinġewni bħala mara li nħobb nindaħal għax jafu li l-Malti ddejqu mara b'saħħitha. Sfortunatament, din ħadmet," insistiet. 'Robert Abela għandu jdejh marbutin...' L-ILLUM staqsietha jekk taħsibx li Robert Abela jista' jbiddel l-affarijiet. Insistiet li Abela għandu l-potenzjal imma saħqet li jrid jeħles "minn tendenzi li għadhom jeżistu fil-Grupp Parlamentari u l-Kabinett." "Hemm nies li jekk ma jwarrbux ma jistax ibiddel il-mod kif issir il-politika. Din l-elezzjoni forsi tagħtih is-saħħa biex ikun jista' jnaqqi. Bħalissa idejh marbutin. Jekk Joseph jgħid żewġ kelmiet żejda, jista' jitfgħu l-baħar," insistiet. Madanakollu insistiet li minn dak li rat sa issa, saru ħafna affarijiet tajbin. Marlene lil Bernard: 'Taf li se titlef xorta ... mela iknes' U x'taħseb Marlene dwar Bernard Grech? Insistiet li għandu ħafna potenzjal imma jrid jissaħħaħ u għandu bżonn l-esperjenza. Saħqet li hi temmen f 'mexxejja li jieħdu deċiżjonijiet fil-waqt. "Jekk trid tagħmel il-bidla, la taf li se titlef xorta, iknes. Jekk hemm affarijiet fil-Partit li għandhom joħorġu, oħroġhom. Se titlef xorta imma mill-għada tal-elezzjoni forsi tibda tibni xi ħaġa li tagħmel sens," insistiet. L-ILLUM tisħaq magħha li jekk se jagħmel hekk, jaf jitlef aktar voti u jkollu jwarrab. "Jekk ikun ġara hekk, ikun ħalla partit aħjar għal ta warajh. Jiena meta rajt li l-PD ma setax jikber bija hemm, tlaqt," insistiet. L-aħħar bomba ta' Marlene: Id- dikriminalizzazzjoni tal-abort Ħadd ma kien jobsor li l-aħħar mossa ta' Farrugia se tkun mozzjoni Parlamentari favur id- dikriminalizzazzjoni tal-abort. X'ġara? "Jiena qatt ma sirt favur l-abort. Jiena rrid li jkun hemm qafas legali biex jekk mara tiġi bżonn l-abort, tkun hi li tiddeċiedi, l-ebda stat, l-ebda Gvern, l-ebda Robert Abela u l-ebda Bernard Grech ma jiddeċiedi jiġri f 'ġuf mara. Allura aħna se npoġġu d-drittijiet ta' dawk li ma tweldux qabel ta' dawk li twieldu?" Insistiet li fi żmien il-pandemija semgħet b'ħafna realtajiet ta' ommijiet magħluqa d-dar b'ħafna tfal u problemi finanzjarji u ta' saħħa. "Ma stajtx inkun jien dik il- persuna fundamentalista li nikkundanna lil dik il-mara li għax reġgħet ħarġet tqila, forsi minħabba abbuż, twettaq abort," insistiet. Kelli nagħmilha issa, biex forsi l-partiti politiċi jgħidu x'jaħsbu dwarha. 'Jiena ġġelidt il-ġlieda tagħkom u mhux kontra tagħkom' Marlene Farrugia temmet tisħaq li fi tmiem il-karriera politika tagħha, tittama li n-nies jimu li hi kienet qed tiġġieled il-ġlieda tagħhom u mhux tiġġieled magħhom. "Jiena nitbaqbaq ħafna. Jiena dejjem iġillidt il-ġlieda tan-nies għax kont naf li ma setgħu qatt jimu meta għandhom magna tal-propaganda ddamdan il-ħin kollu f 'widnejhom. Jiena ma rridx li jitneħħa l-Labour jew jitilgħu n-Nazzjonalisti. Jiena rrid Gvern għaqli li jservi l-interessi preżenti u futuri tagħna," temmet tgħid. Marlene Farrugia tindirizza Mass Meeting tal-Forza Nazzjonali (Partit Nazzjonalista) fuq il-Fosos tal-Furjana Marlene Farrugia tinżel ma' Simon Busuttil tipprotesta dwar iż-Żonqor elezzjoni2022 illum • IL-ĦADD 27 TA' FRAR 2022

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 February 2022