Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1455663
'Filli jkollok il-karozzi u filli ġnien, hija xi ħaġa mixtieqa ħafna' Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Sindku tal-Furjana fejn il-Partit Laburista wiegħed ukoll illi Triq Sant'Anna - waħda mill-aktar toroq traffikużi kif ukoll imniġġsa f 'Malta - issir pedonali, bit-traffiku jgħaddi minn taħt, permezz ta' mina. Fir-realtà l-idea oriġinarjament kienet tal-Perit Ian Camilleri Cassar minn DHI Periti, liema idea kienet ġiet ippubblikata u ntlaqgħet tajjeb ħafna minn bosta nies. Bi proposta bħal din Triq Sant'Anna tieħu sura kompletament ġdida u ssir waħda mill-isbaħ toroq f 'Malta. Imma x-xogħol u l-flus li jridu jiġu investiti huma kbar. Din wegħda oħra biex nimpressjonaw qabel l-elezzjoni? Is-Sindku tal-Furjana Davinia Sammut Hili, li hija wkoll Kandidata tal-Partit Laburista f 'din l-elezzjoni fakkret kif dan il-proġett kien diġà fil-manifest tal-PL għall- elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2019. U fil-fatt tfakkar din il-gazzetta ma sar xejn minn dakinhar. Sammut Hili tgħid iżda illi l-awtoritajiet kompetenti - fosthom ukoll il-Wasteserve u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsa għamlu talba biex jibda studju, kif qalet li għaddejjin bi studji wkoll Transport Malta sabiex ikun determinat dan il-proġett huwiex fattibbli f 'termini ta' traffiku. Mal- ILLUM indikat ukoll li tħaffru toqob biex tkun determinata s-saħħa tal-art li taħtha kieku ssir din il- mina. "Bħala Sindku jiena dejjem kont naqbel ma' dan il-proġett li huwa ħolma tiegħi għall- Furjana. Nemmen illi l-fatt li triq bħal din issir pedonali tagħti dimensjoni sabiħa lill-Furjana u lil Malta. Filli jkollok il-karozzi u filli ġnien, hija xi ħaġa mixtieqa ħafna." Davinia Sammut Hili temmet tgħid li l-Furjaniżi laqgħu din l-aħbar b'mod pożittiv. 'Il-pjanti għal dan il-proġett - li għandu l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali - huma lesti' Intant f 'kumment mal-ILLUM is-Sindku ta' San Ġwann Trevor Fenech esprima sodisfazzjon għall-wegħda ta' proġett li ħabbar il-Partit Laburista għall-lokalità li permezz tagħha ċ-ċentru ta' San Ġwann - ħdejn il-Knisja - ssir żona pedonali bil-ġnien Karin Grech jitkabbar u jsir ukoll parkeġġ taħt l-art. Fenech sostna li fil-fatt din kienet xi ħaġa li l-Kunsill Lokali kien ilu jitkellem dwarha, tant li kien lesta l-pjanti. "Il-pjanti għal dan il-proġett - li għandu l-approvazzjoni tal- Kunsill Lokali - huma lesti, kemm jitilgħu għand l-Awtorità tal-Ippjanar. Nemmnu li l-fatt li l-Prim Ministru, bħal għamel l-endorsement tiegħu permezz ta' din il- wegħda, hija xi ħaġa verament pożittiva." Ma' din il-gazzetta s-Sindku ta' San Ġwann sostna illi bħal f 'lokalitajiet oħrajn il-problema f 'San Ġwann hija dik tal-iżvilupp u allura meta titwaqqa' dar li fiha kienu jgħixu erba' minn nies u minflokha titla' blokka appartamenti, li jfisser ħafna aktar nies fl-istess spazju u aktar karozzi u problemi ta' parkeġġ. Fenech sostna wkoll li San Ġwann għandu nuqqas ta' spazji miuħa, fil-fatt fil-lokalità teknikament - lanqas pjazza ma hemm. "Dan il-proġett ikun ta' vantaġġ kbir u ta' benefiċċju għal San Ġwann u għall-poplu ta' San Ġwann," saħaq Fenech mal-ILLUM Imma din ser issir jew din bħal ħafna wegħdi fiergħa ta' qabel l-elezzjoni? Fenech jassigura illi din ser tkun qegħda ssir għaliex id-diskussjoni u l-preparamenti fuqha ilhom għaddejjin fuq livell ta' Kunsill Lokali. "Fil-fatt bħala Kunsill aħna konna qed infittxu l-fondi għal dan il-proġett. Imma naturalment dan jiswa' miljuni kbar, miljuni li l-Kunsill Lokali ma għandux." Huwa qal illi kif ippjanat, il-mina tibda minn ħdejn l-Iskola Primarja ta' San Ġwann, imbagħad toħroġ it qabel il-Knisja ta' San Ġwann, viċin l-għassa. Huwa wieġeb ukoll għall-kritika li saret sa issa u qal illi t-traffiku fit-toroq tal-ġnub ta' San Ġwann, se jibqa' l-istess propju minħabba li l-karozzi se jużaw il-mina. Qal ukoll illi rotta oħra se tkun dik li tgħaddi minn naħa ta' barra ta' San Ġwann. Huwa qal illi dan il- proġett se jħalli aċċess biss għall-vetturi li jidħlu fiż-żona minħabba li jkunu se jħallu xi xogħol f 'wieħed mill-ħwienet fiż-żona u f 'każi ta' tiġijiet u funerali. "Din hija pero' u bla dubju aħbar pożittiva għax proġett bħal dan inaqqas il-problema ta' parkeġġ, pero' wkoll joħloq spazju miftuħ li San Ġwann tant għandu bżonn," temm jgħid is-Sindku Trevor Fenech. 'Passi kbar 'il quddiem... Imma għandhom jinbidlu l-Pjani Lokali' Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Ruben Abela - li kien fuq quddiem fi ġlidiet ambjentali u anke dik favur il-bdiewa tal-Buleben u wkoll imexxi l-għaqda Wirt iż-Żejtun - jekk jaħsibx li dawn il-wegħdi ta' qabel l-elezzjoni humiex riflessjoni ta' Partit Laburista li qed isib ir-ruħ ambjentali tiegħu jew inkella dan kollu hux bżar fl-għajnejn. Abela qal li għalkemm il-ħsara ambjentali f 'pajjiżna ilha għaddejja għal snin sħaħ, "tista' tgħid f 'kull leġiżlatura li kellna mill- Indipendenza 'l hawn, inħoss li l-ambjent stabbilizza ruħu bħala kwistjoni importanti fost il-Maltin matul dawn l-aħħar snin." Abela qal li dan huwa frott ta' diversi raġunijiet l-ewwel fosthom hija l-edukazzjoni, fejn qal illi l-ħtieġa tal-ħarsien u l-protezzjoni tal-ambjent qed tiġi mgħallma bħala parti mill- kurikulu sa miċ-ċokon. "Għalhekk illum għandna aktar żgħażagħ u familji żgħar li jemmnu bis-sħiħ dwar dan." Huwa qal iżda li hemm ukoll l-effetti "ta' żvilupp eċċessiv, speċjalment matul dawn l-aħħar 10 snin, li qed jimpatta b'mod negattiv direttament u fuq il-komunitajiet tal-ibliet u l-irħula tagħna." Ruben Abela qal illi l-attiviżmu ambjentali, lilhinn mill-partiġġjaniżmu, qiegħed kull ma jmur, jissaħħaħ u jgħid li dan grazzi għal għaqdiet bħal Graffitti u oħrajn. "Għalhekk nemmen li kien ikun żball kbir li kieku l-Partit Laburista warrab dawn ir-realtajiet u baqa' għaddej jiffavorixxi lill- iżviluppaturi flok dak li jixtieq il-poplu. Għalkemm dak li ġie mistqar u mwiegħed f 'dawn l-aħħar jiem, anke jekk waqt kampanja elettorali, huma kollha passi kbar fid-direzzjoni t-tajba, għad fadal ħafna aktar xi jsir biex tabilħaqq intejbu l-ambjent ta' pajjiżna," sostna l-perit Abela. Huwa kompla jgħid li hemm bżonn urġenti li jinbidlu l-Pjani Lokali u politiki "ħżiena li ġew addottati mill-2006 'l hawn" jiġu kkoreġuti u mibdula. Abela temm jgħid li hemm bżonn issir dikjarazzjoni ċara li ż-żoni ta' żvilupp mhu se jiġu estiżi għall- ebda raġuni, "anke jekk nafu li hemm eluf ta' talbiet għand l-Awtorita' tal-Ippjanar sabiex għelieqi u meded ta' art ikunu jistgħu jingħataw għall-iżvilupp." Għalkemm dak li ġie mwiegħed f'dawn l-aħħar jiem, anke jekk waqt kampanja elettorali, huma kollha passi kbar fid-direzzjoni t-tajba, għad fadal ħafna aktar xi jsir Davinia Sammut Trevor Fenech Ruben Abela 10 elezzjoni2022 IL-ĦADD 27 TA' FRAR 2022 • illum