Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1465727
'Dak it-Tweet ma kienx żball; Nixtieq Hija politiku, statista u kapaċi tmexxi' 12 intervista IL-ĦADD 24 TA' APRIL 2022 • illum Inqas minn xahar wara li l-Partit Nazzjonalista ġarrab telfa storika, il-gazzetta ILLUM tpoġġi bilqiegħda mal-Viċi Kap uxxenti tal-Partit Nazzjonalista li għażel li ma jerġax jikkontesta għall-ebda kariga u dan minkejja li qed jisħaq kontinwament li ma kienx involut fil-kampanja elettorali YENDRICK CIOFFI Inqas minn xahar wara t-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali, il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-Viċi Kap uxxenti tal-PN, Robert Arrigo. Minkejja l-esperjenza tiegħu, li dwarha enfasizza ħafna tul l-intervista, Arrigo insista li hu ma kien involut xejn fil-kampanja elettorali u xorta waħda għażel li jerfa' parti mir- responsabbilità għat-telfa u ma jerġax jikkontesta għall-ebda kariga. L-ILLUM tibda tistaqsi lil Arrigo (li hu stess qal li rari jiġi mitlub biex ikun intervistat) jekk qattx bassru li l-Partit Nazzjonalista se jġarrab din it-telfa u x'għamlet ħażin it-tmexxija, li hu parti minnha, biex il-PN spiċċa fejn spiċċa. "Huwa fatt li din kienet l-akbar telfa tal- Partit Nazzjonalista. Avolja ma kont xejn involut fil-kampanja elettorali, ħassejt li għandi nieħu biċċa tort minnha u ddeċidejt li nagħmel pass lura u ma nerġax nikkontesta xi pożizzjoni fil-PN. Dan hu l-inqas li nista' nagħmel b'rispett lejn dawk l-eluf li vvotaw lill-PN," insista Arrigo. Fakkar li l-Partit Nazzjonalista naqqas 12,000 vot u dan meta suppost żied skont il- persentaġġ taż-żieda tal-voti. "Jekk tpoġġi bilqiegħda u tara l-affarijiet sew, tinduna li fil-verità il-PN naqqas aktar minn 12,000 vot u dik hija inkwetanti ħafna," insista. L-ILLUM tfakkru li anke l-kandidati l-ġodda li ġew eletti ma ġabux magħhom aktar voti għall-PN. Arrigo lanqas dwar dan il-fatt ma deher entużjast ħafna, għax fi kliemu, ġaladarba kien hemm diversi Deputati li ma ħarġux għall-elezzjoni, bilfors li posthom kellhom jeħduh kandidati ġodda. "Comodini Cachia, Schiavone, Kristy Debono, Clyde Puli, Mario Galea, Claudio Grech. Dawn kollha ma ħarġux. Xi ħadd irid joħdilhom posthom. Għalhekk telgħu l-ġodda," kompla jisħaq il-Viċi Kap. "Jiena ilni fil-Parlament mit-2003 u dejjem kien hemm il-ġodda. Aħna fl-2003 ġodda konna. Mhijiex xi ħaġa ta' barra minn hawn. Huwa proċess naturali. Anke l-Labour għandu l-ġodda. F'dawn is-snin jiena rajt il-Parlament jinbidel kollu. Biss biss jiena kelli ħames kapijiet li mhu tajjeb xejn." Fakkar ukoll li ħafna mill-ġodda li telgħu kien hu li ħajjarhom u ħeġġiġhom biex joħorġu fil-ħames snin li ilu Viċi Kap, anke jekk kien hemm minnhom li se jikkontestaw fuq id-distretti tiegħu, jiġifieri d-disa' u l-għaxar distrett. 'Mhux biżżejjed li jsir rapport tat-telfa; Is-sitwazzjoni hija inkwetanti ħafna' Imma l-ILLUM tistaqsih mill-ġdid għaliex l-elettorat ma jridx jaf bil-PN. "L-elettorat illum jistenna affarijiet oħra mill-partiti. L-ideoloġija u l-valuri, anke jekk jibqgħu hemm, jinqabżu minn fatturi oħra. Qisek qed tbigħ prodott li tajjeb kemm hu tajjeb mhux jinxtara," insista Arrigo. Għalhekk l-ILLUM tistaqsih x'qed jipproponi? Qed jipproponi li l-PN jabbanduna l-valuri tiegħu biex il-messaġġ tiegħu jinxtara aktar? Arrigo fakkar li l-valuri tal-Labour ta' żmien Mintoff u l-valuri tal-PN ta' żmien Eddie Fenech Adami nbiddlu. "Ma tistax tisforza l-ideat tiegħek fuq nies li mhux jixtru dak il-prodott. Il-PN irid jagħmel eżerċizzju profond ta' riflessjoni interna. Mhux biżżejjed li jsir rapport. Bilfors li hemm xi ħaġa li mhux qed taħdem," insista Arrigo. Fakkar kif fl-2003, il-Partit Nazzjonalista kellu maġġoranza ta' 13,000. F'għaxar snin tilef b'36,000 vot. "Jekk tibda minn fejn tlaqt, jiġifieri minn fuq u tara fejn wasalt, jiġifieri minn taħt, tirrealizza li l-PN dak iż-żmien tilef 50,000 vot. Issa tlifna b'39,500 u dan meta vvutaw inqas nies. Jekk tħares sew lejn l-istatistiċi, is-sitwazzjoni hija inkwetanti ħafna," saħaq Robert Arrigo waqt li fakkar ukoll li l-aħħar ħames ma għenux lill-Partit Nazzjonalista. Għaliex ma kienx involut fil-kampanja? Twarrab? L-ILLUM twaqqfu u tistaqsih għaliex qiegħed isemmi kontinwament il-fatt li hu ma kienx involut fil-kampanja elettorali. Tistaqsih jekk hux qed jimplika li ngħata l-ġenb apposta minkejja dak kollu li hu jisħaq li għamel għall-PN. "Hija dikjarazzjoni ċara. Jiena ma kontx involut fil-kampanja bl-ebda mod. Jiena ma nigbidx. Fatt huwa fatt. Ħares, fittex u tinduna," insista Arrigo waqt li saħaq li hu jħobb ħafna l-kampanji elettorali u fi 28 sena ħadem dirett u kien involut f 'għaxar elezzjonijiet. "Jiena mhux se mmur insabbat xi bieb biex inkun involut. Kulħadd jaf x'nagħmel. Niddejjaq nitkellem fuqi nnifsi imma s-CV tiegħi hija ta' suċċessi, mill-isport, għall-politika, il-ħajja u n-negozju." 'Jien xogħli għamiltu ... anke minn fuq is-sodda tal-isptar ġbart il-flus' Tul l-intervista kontinwament beda jenfasizza dak kollu li għamel għall-Partit Nazzjonalista għax insista li hu qatt ma jasal iweġġa' l-partit li l-familja tiegħu ilha kważi 100 sena involuta fih. Insista kif fl-ewwel tliet snin, jiġifieri fis-snin li kien Viċi Kap ta' Adrian Delia, iddedika mas-70 siegħa fil- ġimgħa għall-PN. "Ġbarna ħafna flus u għamilna pjan għall-futur. Kelli pjan biex f 'għaxar snin naqta' d-dejn tal-partit. Daħal il-Covid-19 u rnexxielna xorta waħda, anke b'sagriffiċji kbar, nimxu 'l quddiem. Kelli nieħu deċiżjonijiet diffiċli u forsi kien hemm min ma ranix sabiħ. Saħansitra tlabt lill-impjegati biex għal sitt xhur innaqqsulhom it il-paga, anke jekk ħallasnihom lura sal-aħħar tas-sena," kompla jinsiti. "Kellna x-xirjiet u l-famuża maduma li minnhom daħħalna l-eluf." Fakkar kif minkejja dak li għadda minnu minn Settembru sa nofs Jannar, anke minn fuq is-sodda tal-isptar, baqa' jiġbor il-flus għall-Partit Nazzjonalista. "Waqt il-kampanja bdejt inbati imma ġbart għall-Partit darbtejn. Minn €1,400,000 li ġabar il-PN, jiena ġbart nofs miljun," saħaq Arrigo. "Jiena għamilt xogħli. Jiena vvotawli 86% tat-tesserati u naħseb li sarra il-fiduċja li tawni." 'Ma ħadtx deċiżjoni fis-saħna tal- mument' Dawwarna d-diskors fuq il-Kap Nazzjonalista u l-ILLUM tistaqsih jekk ġaladarba hu, li ma kienx involut fil-kampanja, għażel li jerfa' r-responsabbilità, jaħsibx li Bernard Grech għandu jagħmel l-istess u ma jerġax jikkontesta. Arrigo fl-ebda ħin ma weġibna direttament, anke jekk insistejna miegħu. Qal biss li kulħadd għandu l-kuxjenza tiegħu. "Jiena domt ħmistax wara l-elezzjoni biex iddeċidejt għax ma ridtx nieħu deċiżjoni fis-saħna tal-mument," qal biss Robert Arrigo.