Illum previous editions

ILLUM 22 May 22022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1468437

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films IL-ĦADD 22 TA' MEJJU 2022 • illum Carmel Bonnici Taxi Driver Film b'atmosfera 'splussiva' (1) Ħafna snin wara li ħareġ fl-Amerika, Taxi Driver deher li qisu qed jimmarka mument kruċjali fil-kultura ta' dan il- pajjiż u kemm dik tal-Punent – javża dwar l-egħluq finali tal-pjaċiri tas-snin sebgħin u ammonizzjoni dwar dak il- bniedem aljenat u iżolat għalih waħdu, n-naħa oskura tal-viġilant cowboy li fis-snin ta' wara sar terrorist, bħal fis- serje tal-films Dirty Harry u anki Death Wish tant popolari fl-epoka ta' madwar ftit inqas minn Ħamsin sena ilu. Dawn kienu jaħdmu minn qalb is-soċjeta' u kellhom x'jitilfu, anki jekk forsi l-medalja ta' aġent tal-pulizija. Bil-kuntrarju, Travis Bickle (Robert De Niro) huwa kompletament aljenat, jekk mhux indannat. "L-iżolazzjoni mxiet warajja tul ħajti kollha, kull fejn immur. Fil-ħwienet, fil- karozzi, fuq il-bankini, fl-istabilimenti, kullimkien. Jien ir-raġel ta' għalih wahdu, t'Alla". Il-kritika ħarxa kontra d-dekadenza ta' New York, miktuba f 'dan il-film b'ekonomija perfetta minn Paul Schrader, saret famuża, imma l-alternattiva offruta lilu hi daqshekk ieħor mingħajr ħajja. Wizard (Peter Boyle), l-uniku wieħed qrib li jista' jafda fuqu, jgħidlu: "Ngħir għat-tfulija tiegħek, itlaq mur sib xi waħda, mur isker. Għamel xi ħaġa. M'għandekx għażla. Irrid infisser li aħna żvinturati". Jgħix waħdu f 'appartament fqir, Bickle għandu xewqa kbira li jaqbad ma' xi ħadd. Imma hu jara lin-nisa jew bħala Madonni jew prostituti. F'waħda mill-akar xeni ta' turment fil-film hu jieħu lill-ħelwa Betsy (Cybill Shepherd) fiċ-ċinema, imma l-film hu dwar l-edukazzjoni tas-sess. Hi, bir-raġun kollu, tħossha mbarazzata u tiddejjaq, imma hu ma jirrealizzax dan. Wara li jittratta lil din il-"Madonna" bħala mara tat-triq, jipprova jeħles prostituta vera, Iris (Jodie Foster) b'riżultati koroh. Anki hawn, il-fantasiji tiegħu jfallu; din il-figura li tħobb tpaċpaċ waħedha quddiem xi mera, tkun involuta f 'battalja bil-pistoli f 'kurituri ta' blokk bini, b'ħerba kollha dmija. Suċċess kbir fi żmienu, bi profitt ta' $21 miljun sal-aħħar tal-1976, minn baġit ta' $3 miljuni, d-direzzjoni ta' Martin Scorsese ta' Taxi Driver kienet tixbaħ ħolma ta' wieħed marid, bil-belt ta' New York bl-irwol tal-istilla veru tal-film, ħolma ta' dwal neon ipetptu u jiddu. It-triqat huma mimlija nies jimxu fuq il-bankini, jimbuttaw lil xulxin, jiġġieldu, jgħajtu, jbiegħu l-affarijiet u anki lilhom infushom. B'avviżi u reklami bid-dawl jannunzjaw films ta' "serial killers" bħal The Texas Chainsaw Massacre jew xi wieħed pervert tas-sess, l-ambjent jixbaħ xi biċċerija ta' xewqat li jwegħdu kollox u ma jipprovdu xejn. L-affari toħroġ minn kull kontroll billi Travis jippreżenta ruħu bħala wieħed li jrid jippurifika mhux biss lis-soċjeta', imma anki lilu nnifsu. Żgur li jinsab moħħu mifxul u l-final il-kbir huwa fallut. Hu jispiċċa billi joqtol mhux lil Charles Palatine, il-kandidat li ħareġ għall- President, iżda lil tliet gangsters, wieħed li jħaddem lin-nisa u ieħor imbruljun ta' nofs kedda. Taxi Driver jiżviluppa b'andament wieħed, kważi perfett sal-ħolma tal- aħħar. Li hu ta' nteress fil-preżent hu li s-suġġett li m'hemm xejn tajjeb fl- istabbiliment jista' jitfisser b'diversi modi. B'xagħru mqaxxar qisu xi Indjan Amerikan tar-razza Mohawk, Bickle kien il-pijunier tal-istil "punk". Il-fatt li kien jikteb il-ħsibijiet tiegħu jagħti lill-film raġuni fundamentali, jekk mhux ideoloġika. L-assalt tiegħu mhux xi sforz waħdieni, imma pjan ta' azzjoni maħsub minn qabel li wieħed malajr jifmhu meta jinnota l-loġika ta' din il-produzzjoni li kienet qed tirrifletti x'imkien ieħor fi New York ta' dak iż-żmien. (Ikompli nhar il-Ħadd li ġej)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 May 22022