Illum previous editions

ILLUM 29 May 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1469132

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 27

15 festi illum • IL-ĦADD 29 TA' MEJJU 2022 Maltija: L-armar fil-knejjes (1) Nibqgħu fuq l-artal. Fost l-apparat l-aktar importanti ta' kull artal u li wkoll jagħtih dehra aktar sabiħa u solenni huwa l-ventartal. Il-ventartal huwa dak il-gwarniċ jew inkella dak it-tilar li jintrama mal-faċċata tal-artal jew aħjar mal-faċċata tal-mensla tal-artal. Illum il-ventartal huwa sempliċiment dekorazzjoni li tagħti dehra mill-isbaħ lil kwalunkwe artal iżda fl-antik kien importanti wkoll. Qabel il-Konċilju Vatikan II, is- saċerdot ma kienx iqaddes fuq l-artal mejda li naraw illum, imma kien iqaddes fuq l-artal maġġur b'dahru lejn in-nies. Għalhekk, il-mensola ta' kull artal kien l-aktar ħaġa importanti fil-knisja u l-ventertal, bħat-tużell u anke l-kanipew joħloq dan is-sens ta' venerazzjoni. Insibu żewġ tipi ta' ventartali. Hemm dawk li huwa kollha kemm huma tal- fidda. Ma nistgħux ma nsemmux il- Kolleġġjata ta' Bormla u dik ta' San Pawl tal-Belt li huma magħrufa għall-ġmiel ta' ventartali tal-fidda mhux biss għall-artal maġġur imma anke għall-artali laterali (jiġifieri l-artali l-oħra li wieħed isib fil- knisja.) Hemm imbagħad dawk il-ventartali li jkollhom gwarniċa tal-fidda jew inkella tal-injam bi skultura elaborata u fin-nofs jitpoġġa tilar (jew hawn min isejjaħlu tanbur) tad-drapp bir-rakkmu. Il-kulur ta' dan id-drapp jiddependi mill-kulur liturġiku u mill-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. Fin-nofs x'aktarx li jkun hemm irrakmata l-arma jew inkella xi simboli marbuta mal-qaddis li għalih l-artal ikun iddedikat. Dawn it-tip ta' ventartali rrakmati huma popolari ħafna, b'mod partikolari fil-Furjana iżda anke diversi knejjes oħra għandhom settijiet mill-isbaħ ta' ventartali rrakmati. Il-ventartal It-trieħi u s-sopradvalja Fost l-isbaħ apparat li jżejjen kull artal hemm it-trieħi u anke dik magħrufa bħala s-sopradvalja. It-trieħi huma dawk l-ispeċi ta' dvalji bojod, bil-bizilla fit-tarf li jgħattu l-wiċċ tal-mensla tal-artal. Il-bizzilla, tkun taqleb għal fuq il-ventartal. Is-sopradvalja hija dik it-terħa li titpoġġa fuq nett tat-trieħi. Din tkun magħmula minn bellus aħmar u l-ġnub tagħha, li jibqgħu neżlin sat-tarġa tal-artal, ikunu rrakmati bid-deheb. Bħall-ventartal, ir-rakmu ġeneralment ikun jinkludi mhux biss disinn elaborat imma anke l-arma jew is-simbolu tal-qaddis li l-knisja jew inkella l-artal ikun iddedikat għalih. Kemm it-trieħi u anke s-sopradvalja jipproteġu l-mensla tal-artal, il-post li fuqu tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Għad hawn knejjes, li fil- ġranet tal-festa jneħħu l-artal mejda u s-saċerdot iqaddes fuq l-artal maġġur. Is-sopradvalja u t-trieħi wkoll joħolqu sens ta' venerazzjoni għall-artal. Is-sopradvalja, aktar mit-trieħi, tipproteġi wkoll l-artal, l-aktar post qaddis ta' kull knisja, mill-elementi. Fil-fatt, is-sopradvalja kienet u għadha titneħħa waqt li tkun qed tiġi ċċelebrata l-quddiesa fuq l-artal maġġur u jitħallew it-trieħi. Il-lampier u l-loppa / fjokk Se nitbiegħdu ftit mill- artal imma se nibqgħu assoċjati miegħu. Faċċata tal-artal, kemm dak maġġur u anke dawk laterali, jiddendel il- lampier. Dan ikun bħal fanal tal-fidda li jiddendel mis-saqaf u fih titpoġġa xemgħa. Fil-każ tal-artali laterali, din ix-xemgħa hija sinjal ta' devozzjoni, imma fil- każ tal-artal maġġur jew inkella tas-Sagrament, ix-xemgħa tissimbolizza l-preżenza ta' Ġesù fl- Ewkaristija. Fil-fatt, fil-każ tal- lampier ta' quddiem it- tabernaklu, dan jinżamm dejjem mixgħul, anke meta l-knisja tkun magħluqa. Ġeneralment, il- lampieri tal-artali laterali jkunu jinkludu xemgħa waħda, iżda hawn knejjes li l-lampier tal-artal maġġur, jew inkella tal-artal li fuqu jkun hemm it-tabernaklu, ikun jinkludi erba' jew ħames xemgħat. Bejn il-katina li żżomm il-lampier u l-lampier innifsu ikun hemm dik li tissejjaħ il-loppa jew fjokk (skont il-lokalità). Din tkun bħal gwarniċa tal-injam u magħha jkun hemm imdendel drapp aħmar. Il-loppa jew il-fjokk tagħti dehra aktar sabiħa u solenni lill-lampier u tifirdu minn mal-katina Il-karti tal-glorja Fost l-aħħar affarijiet li jintramaw f 'kull knisja fil- ġranet tal-festa, hemm il-karti tal-glorja. Il-karti tal-glorja huma dawk it-tliet 'frames' tal- fidda li jitpoġġew fuq il-mensla tal-artal. Illum il-ġurnata, il-karti tal-glorja huma sempliċiment dekorazzjoni li jagħmlu l-artal aktar solenni u sabiħ fil-ġranet tal-festa, imma fl-antik ma kontx issibhom biss fil-festa imma matul is-sena kollha, għax kellhom funzjoni importanti. Fil-fatt, fi kliem sempliċi, fi żmien meta kienet tiġi ċċelebrata l-quddiesa Tridentina, jiġifieri l-quddiesa bir-rit l-antik, is- saċerdot li kien ikun wiċċu lejn l-artal, kien jaqra minn fuqhom. Fil-fatt, il-karti tal-glorja, li ġeneralment ikunu tlieta, jinkludu dawk it-talbiet fissi li s-saċerdot kien jgħid f 'kull quddiesa. Waħda minnhom tkun tinkludi l-introduzzjoni tal- Evanġelju ta' San Ġwann, li kien jingħad fil-bidu tal-quddiesa, u fl-oħrajn ikun hemm il-bqija tat-talb, fosthom it-talb li jgħid is-saċerdot meta jaħselo idejh qabel jikkonsagra, il-kredu u anka t-talba Ewkaristika. Wieħed mill-isbaħ ventartali tal-fidda li jinsab fil- Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla u li jintrama fuq l-artal iddedikat lil San Mark Is-sopradvalja li tintrama fuq l-artal maġġur tal-knisja parrokjali tal-Għargħur fil-festa titulari ta' San Bartilmew Il-lampier tal-artal maġġur tal-Katidral ta' Għawdex Sett karti tal-glorja antiki tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu li jintramaw fil-ġranet tal-festa fuq l-artal iddedikat lil San Ġużepp

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 May 2022