Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577
13 festi illum • IL-ĦADD 07 TA' AWWISSU 2022 Belgħa Te ta' Paul P. Borg iqanqal riflessjoni dwar dak li forsi missu nkiteb fi żmienu u li llum jinħass kemxejn staġnat. Mark Vella jistħarreġ dan ir-rumanz minn ottika storika, anki bħala riflessjoni dwar il-miti letterarji li fuqhom spiss insejsu l-apprezzament letterarju tagħna bħallikieku hija biss l-għażla duwalistika bejn jekk tippreferix in- nisa u l-irġiel. Tfakkarni wkoll f 'xogħol minimu li nzertajt qrajt bħal ġurat għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Ossessjoni ta' Alfred Palma (Wise Owl, 2019) fejn il-ħarsa lejn l-omosesswalità ta' ġenerazzjoni li daż- żmien insejħulha boomer, tispiċċa ssir titilazzjoni pornografika, minkejja l-influwenza ddikjarata ta' Mewt f 'Venezja ta' Thomas Mann (!). Bħal fil-każ tal- eżempju minn bosta ta' Palma, l-omosesswalità tibqa' xorta waħda mgeżwra fil-midneb, l-iskabruż u anki l-marid, fejn ġenerazzjoni li bl-aħjar intenzjonijiet trid teqred preġudizzju, xorta waħda tibqa' tħares lejh mill- ottika mċajpra ta' dak l-istess preġudizzju. Borg jirnexxilu fir- realiżmu li jiddefinixxi l-mentalità ta' perjodu storiku, fejn il-manikomju huwa ħabs ieħor li jfakkarna f 'Foucault imma li l-idjoma Maltija kienet donnha ġa ppreċediet il-ħassieb Franċiż bil-qawl ironiku dwar li l-imġienen proprja barra ssibhom. Bl-istess mod, id- dramm tal-omosesswalità fi żmien ieħor jintwera bl- assoċjazzjoni mal-pedofilija u saħansitra mal-kriminalità, u l-protagonista huwa tassew maqbud f 'dilemmi li għandhom mill- kultura li trabba fiha, speċjalment ħtija Kattolika li tkissru. Nerġgħu nsaqsu, anki b'kurżità kritika, x'post jista' jkollu rumanz bħal dan, speċjalment illum, fl- analiżi queer, meta jidher biċ-ċar li anki s-sekulariżmu u l-liberaliżmu jinħassu timidi jew saħansitra assenti fit-tentattiv li b'xi mod tintnifed kultura samma u dominanti. Jibqa' biss Alla li suppost jista' kollox, li jista' jsib tarf dil-kobba mħabbla: superego li jaqtagħlek nifsek u ma jħallikx taħseb, tant li jżommok fejn qiegħed u ma jwasslek imkien. Imma, għal darb'oħra, huma affarijiet li konna nafuhom, jew, għala le, insiru nafuhom anki permezz ta' din in- narrazzjoni, iżda jidher li n-naïvetè tal- awtur tliġġmu milli jisfrutta t-tematika b'mod tassew letterarju, fis-sens li jkun kapaċi jmur lil hinn mill-wiċċ tal- affarijiet. Kemm-il darba, is-soluzzjoni hija l-karba tal-leħen narranti, stqarrija mgħaddba msejsa fuq il-mogħdrija jew inkella fuq skemi reliġjużi tant ċkejknin u d-dikotomiji għajjiena tas- soltu bejn it-tajjeb u l-ħażin jew inkella l-interpretazzjoni para-politika ta' xi jfissru Kristu u t-tagħlim tiegħu. Madankollu, ma nistgħux inwarrbu għadd ta' kunsiderazzjonijiet importanti li Borg jerġa' jirnexxielu joħroġ mill-ħajja ta' Attard: fost l-oħrajn, l-istampa tal- ewwel Malta moderna, qiegħda titkisser u tinbena eżatt bħal-lum, bl-individwu atomizzat u maqlugħ minn għeruqu, kif ukoll, fl-istess vena, il-kapitaliżmu u l-borgeżija li jirriduċu l-bniedem għal sempliċiment numru u entità produttiva immedjatament dispensabbli. Għal dawn l-aspetti, dan ir-rumanz għandu importanza għal analiżi pjuttost rari minn dan l-aspett ta' żmien li spiss inħarsu lejh mill-istess ftit perspettivi. Valur ieħor ta' dan il-ktieb huwa l-istudji li jirfduh, li jinkludu analiżi interessanti ta' Charles Briffa kif ukoll xhieda dwar l-istorja tas-saħħa mentali f 'Malta minn żewġ speċjalisti fil-qasam. F'taqsima tajba ħafna dwar l-intertestwalità fir-rumanz, li hija aspett li Borg x'aktarx ittratta b'ċertu ħila, Briffa jsemmi dak li jiġik f 'moħħok mal-ewwel battuti tar-rumanz: One Flew Over the Cuckoo's Nest (1962) ta' Ken Kesey, u żgur wisq aktar magħruf għall-film tal-1975 b'Jack Nicholson fil-parti prinċipali. M'aħniex se nlumu li l-kittieb tas-sittinijiet li ma kitibx il- Cuckoo's Nest Malti, bl-iżvantaġġ storiku notorju u magħruf tal-arti Maltija, imma fl-istess ħin, jidher li ttieħdu ftit li xejn lezzjonijiet. Belgħa Te għandu melodrammatiċità li żgur tolqot kategorija ta' qarrejja, imma li fuq livell letterarju, mhux biss mhijiex interessanti u twassal ukoll għal tul u ripetizzjoni bla bżonn, imma tikxef in- nuqqas ewlieni ta' aktar minn kittieb Malti: in-nuqqas totali tal-ironija jew tal-umoriżmu qares, li l-film ta' Milos Forman miżgħud bih, u li żgur ma jtappanx it-traġiċità ta' dan il-klassiku. Imma forsi tard wisq, ta' min nerġgħu ntennu, u jaf din l-inkongruenza storika hija wkoll riflessjoni fuq dik li setgħet kienet il-vera preparazzjoni u formazzjoni intellettwali tal-Moviment Qawmien Letterarju, u kif jaf ikollna nirridimensjonaw l-effett u l-legat tagħhom. Jaf ukoll qed naraw re-run li ma kienx hemm bżonnha tat-tmiem u l-limiti tar-rappreżentazzjoni naturalistika jew tar-rumanz 'soċjali' u tal-għadab. Belgħa Te donnu nkiteb dak iż-żmien, imma ftit li xejn jidher li fi żmienu stess, kien hemm biżżejjed kuraġġ u impenn minn għadd ta' kittieba biex tassew jistħarrġu dak li kien għaddej minn taħt imneħirhom.