Illum previous editions

ILLUM 7 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 23

19 editorjal illum • IL-ĦADD 07 TA' AWWISSU 2022 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt H ija ovvja li spazju - kwalunkwe spazju - għandu l-limiti tiegħu. Stabbiliment tad-divertiment jista' jdaħħal sa ċerta numru ta' nies, ristorant għandu limitu ta' mwejjed li fuqhom jista' jaqdi klijenti - malli jimlihom jieqaf jieħu bookings. Jekk tmur kunċert it-teatru, għandek limitu ta' kemm jistgħu jidħlu nies u allura malli jinbigħu l-biljetti kollha pront niġu mgħarrfa li l-attività hija 'fully-booked.' X'inhu l-punt? Il-punt huwa li l-ispazju mhuwiex infinit, anke fil-każ ta' pajjiż u b'mod speċjali pajjiż ċkejken bħal tagħna li ġieli lanqas jagħmilha fuq ċerti mapep. Mela l-punt huwa mistoqsija, jew serje ta' mistoqsijiet: Malta kemm tiflaħ nies? L-infrastruttura tagħna kemm tiflaħ nies? Kemm aktar nifilħu nżidu l-popolazzjoni biex inlaħħqu mad-domanda ekonomika? U dawn mhumiex mistoqsijiet li jirrelataw esklussivament mal-ispazju, imma wkoll li jirrelataw mal-kwalità tal-ħajja tagħna. Jiġifieri kemm nifilħu nżidu fil-popolazzjoni qabel ma l-kwalità tal-ħajja tagħna tiġi mpattata b'mod negattiv? Sezzjoni dejjem tikber tal-poplu temmen li diġà l-impatt negattiv ħarbilna mill-kontroll. L-iżvilupp tiela' kullimkien, appartamenti, blokok, krejnijiet, terrapien u trab kullimkien - biex ilaħħqu mad-domanda ta' proprjetajiet fejn jgħixu l-Maltin imma wkoll l-eluf kbar ta' barranin li hawn fostna - skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-aħħar ċensiment hawn b'kollox 115,449 - li naturalment iridu post fejn jgħixu. Bini u żvilupp massiċċ f 'ħafna postijiet biex ilaħħaq mad-domanda ekonomika, li dejjem kienet kbira pero' li żdiedet sew fl-aħħar snin u allura: Il-bżonn ta' uffiċċji, fabbriki, parkeġġ, lukandi, appartamenti ta' ċerta livell u prezz għal ħaddiema li qed jiġu hawn u jaħdmu f 'setturi b'pagi tajbin ħafna u tant aktar. Kulħadd jaf li s-settur buy-to-let sploda fl-aħħar snin b'eluf ta' Maltin, inkluż ħafna familji li jaqilgħuha u jikluha u forsi kellhom xi it flus mġemma, jixtru proprjetà sabiex jikruha, ġeneralment lil wieħed minn dawn l-eluf li qed jiġu Malta biex jaħdmu f 'setturi diversi fejn kważi saret rarità tara Malti: Id- divertiment, l-akkomodazzjoni, ristoranti, sewwieqa ta' deliveries u tant aktar. Ikun hemm min jirrimarka li din problema "sabiħa" għax dan kollu huwa riżultat ta' ekonomija li espandiet bil-qawwi, turiżmu li għaddej minn perjodu b'saħħtu, flus fil-but u finalment ħolqien tal-impjiegi. U dan huwa kollu minnu. Indjan ma telaqx mil-Indja - pajjiż ta' biljun persuna - u ġie fuq din il-blata f 'nofs il-Mediterran biex jara l-Ġgantija. Ġie, għax hawn ix-xogħol, li lokalment ma hawn kważi ħadd lest jew jista' jimlih. Il-verità hi li għad-daqs ta' Malta, għandna ekonomija kbira u vibranti ħafna. L-għajn barranija - li forsi it tkun taf dwar Malta u tiġi hawn - tiskopri li f 'din il- gżira daqs naqra hawn prattikament id-dinja kollha tgħix, titħallat, taħdem, tiaħ negozji u ristoranti u aktar. Aħna sirna wieħed mill- aktar pajjiżi multi-kulturali fin-naħa ta' isfel tal-Ewropa, kif jingħad bl-Ingliż 'A melting pot of cultures.' Imma bħal f 'kollox, kull munita għandha ż-żewġ naħat. Din l-overpopulation imbuttata mir- realtajiet u esiġenzi ekonomiċi qed tfisser: Aktar traffiku, iffullar kullimkien mill-bajjiet sat-toroq u l-pjazzez, aktar turiżmu tal- massa, aktar skart u allura - kif qed naraw - aktar problemi kemm ta' skart, rimi illegali u ħmieġ fit-toroq, aktar inkonvenjent ġej mill-kostruzzjoni, aktar trab u allura aktar mard respiratorju. Pero' jfisser ukoll aktar ġenn, inqas spazju u allura s-sensazzjoni ta' klawstrofobija b'bosta jħossu l-bżonn li jitilqu biex "jieħdu nifs." Dan kollu jfisser affarijiet oħrajn. Ifisser illi qed nitilfu mill-karatteristika tagħna u meta jasal turist, minflok Malti jsib barrani qed jaqdih li bilkemm ikun jaf bl-Ingliż, aħseb u ara bil-Malti u dwar Malta. Ifisser ukoll pressjoni kbira fuq is-servizzi tal-pajjiż: Mill-iskejjel, sat-toroq, l-isptar, trasport pubbliku u anke sistemi ta' dawl, drenaġġ u aktar. U f 'din is-somma kollha ma nistgħux ninsew li Malta tilqa' madwar żewġ miljun turist fis-sena, biex ikomplu jżidu mal- iffullar, mal-iskart li jiġi ġġenerat, traffiku u mal-użu ta' sistemi bażiċi bħad-drenaġġ. Wasal iż-żmien li nieħdu kont tas- sitwazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar ta' dak li rridu għal pajjiżna. Nifilħu nkabbru aktar il-popolazzjoni? Iva jew le? Jekk iva, qed naħsbu għal pjan li jara kif se nippreparaw is-sistemi tagħna? Qed inlestu l-iskejjel għal popolazzjoni dejjem tikber? Qed inlestu sistemi taħt l-art li jifilħu għal aktar nies? Qed naraw li jkollna trasport tal-massa li jlaħħaq ma' popolazzjoni li qed tikber? Qed naħsbu għal aktar parkeġġ? U qed nieħdu kont ta' kemm tista' tiggrava aktar s-sitwazzjoni tal-ambjent u l-iffullar żejjed? Se ntejbu s-sistemi tal-ġbir tal-iskart u t-tindif? U dan kollu kemm se jiswa' aktar? U jekk le, x'se nagħmlu? Kif se nbiddlu l-ekonomija b'mod li ma jkollniex bżonn daqstant ħaddiema? Se nċekknu l-ekonomija? Se nċekknu ċertu setturi u nkabbru oħrajn li forsi jirrikjedu inqas ħaddiema? Se nnaqqsu n-numru ta' turisti u niffukaw fuq iktar kwalità u turisti li jonfqu iktar? Jew se nibqgħu għaddejjin u fejn ħabat, laqat? Hemm pjan u viżjoni? Jew xejn? Malta hija l-aktar pajjiż b'densità ta' popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Wasal iż-żmien li nistaqsu dan hux sostenibbli. Wasal iż-żmien li nistaqsu hux fl-interess tagħna li l-pajjiż ikompli jieħu aktar nies u jkabbar ħafna aktar milli fil-fatt jiflaħ. Wasal iż-żmien li napprezzaw illi kull munita fiha żewġt uċuh u li anke ġid kbir jaf joħloq deni kbir. Fuq hekk messhom qed jiddiskutu l-Gvern u l-Oppożizzjoni. Fuq l-ispazju, fil-futur. Kemm tiflaħ aktar Malta?

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 August 2022