Illum previous editions

ILLUM 7 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 23

07 analiżi illum • IL-ĦADD 07 TA' AWWISSU 2022 ir-riformi mwiegħda u l-Brand PN Grech-Perici Calascione fuq Grech-Perici Calascione. 2 - Jibda jara illi r-riformi mwiegħda jsiru! Ftit wara li kien ikkonfermat Kap tal-PN Bernard Grech għamel diskors b'saħħtu li fih għamel elenku ta' riformi pjuttost importanti li l-partit kellu jwettaq. Dwar dawn ir- riformi ftit erġajna smajna, fil-pubbliku għallinqas. Grech wiegħed, fost oħrajn li l-Kumitati Sezzjonali ikunu komposti minn nies li jkollhom aktar l-irwol ta' koordinazzjoni, tixrid tal-messaġġ u ġbir ta' data mit-toroq, Regional Managers - biex ikunu sostenn għall- istruttura tal-partit, riforma fl- AŻAD bħala ċentru għat-taħriġ tal-kandidati u aġġornament fid-dehra u allura "Brand PN". Grech wiegħed li se jwaqqaf tim ta' Tfassil ta' Politika u ta' Riċerka li jikkoordina l-ħidma tal-clusters u li jiffinalizza l-programmi elettorali tal- elezzjonijiet li ġejjin. Qal ukoll li hu se jżur il- lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex fiż-żmien li ġej. Hu wiegħed ukoll sistema ta' Customer Care aktar effiċjenti. Naturalment dan kollu se jkun fuq il-platt ta' Perici Calascione wkoll li jrid jara illi dawn il- wegħdi ta' riformi jitwettqu, speċjalment fejn jirrigwarda wkoll deċiżjonijiet li jitrattaw il- midja tal-PN u li Grech wiegħed illi se jieħu, anke jekk ikunu deċiżjonijiet diffiċli. Huwa importanti li l-bidliet u riformi li jrid jagħmel il- PN isiru fis-sena li ġejja sabiex b'hekk fil-bidu tal-2024 ikun lest għal kampanja, li se tkun determinanti għal Grech u anke għal Perici Calascione. Naturalment, ħaġa torbot ma' oħra, u biex tagħmel dawn ir- riformi trid in-nies u r-riżorsa - kandidati, nies li se jaħdmu fil-Customer Care, nies li se jibdlulek id-dehra - strateġisti, nies fil-marketing, voluntiera, nies li se jaħdmu fil-fergħat mingħajr ħlas u mill-ħin liberu tagħhom u aktar. U jekk l-għeruq se jibqgħu 'il bogħod mill-partit għax ma għandhomx ħeġġa, huma diżillużi u jemmnu li l-PN ma għandux ċans jiċċaqlaq, ir-riformi se jkunu diffċli li jitwettqu. Brand PN - bżonn ta' bidla mill-qiegħ L-aktar riforma importanti hija l-bidla fil-Brand PN - jiġifieri l-immaġini ta' dan il- partit, mill-emblemi u l-affarijiet relatati mal-partit sad-dehra f 'termini ta' perċezzjoni. Il-PN bħalissa huwa perċeput popolarment bħala mifrud, tellief u antikwat u fid-dinja tal-lum tal-midja soċjali, tal- marketing, tad-dehra, ix-xinxilli, il-make-up, il-colour-schemes u l-bejgħ tal-emozzjoni lilhinn mir-razzjonalità u l-fatt, din il- perċezzjoni tfisser aħbarijiet ħżiena għall-PN. U s-sitwazzjoni tiggrava aktar meta wieħed jiftakar illi sa mill-2013 il-Partit Laburista qed jeċċella bil-kbir f 'dawn l-oqsma, permezz ta' kampanji elettorali organizzati, professjonali u b'marketing iffukat u tajjeb ħafna. U għalkemm fl-aħħar elezzjoni bdejna naraw l-ewwel xquq f 'din il-faċċata ta' relazzjonijiet pubbliċi, il-kampanja laburista xorta baqgħet ħafna aħjar minn dik nazzjonalista f 'termini ta' PR. Imma l-Brand mhijiex biss id-dehra, hija wkoll l-abbilità li tirrispondi b'mod effiċjenti u fil-ħin għall-problemi reali tan-nies xi ħaġa li l-PN għamel fuq kwistjoni waħda, imma mhux biżżejjed fuq oħra, mill- elezzjoni ta' Marzu. Il-PN kien effiċjenti fir- risposta tiegħu fuq il-kwistjoni tal-Belt Valletta u mużika sas- 1:00 a.m, mhux biss billi kien voċiferu permezz tal-Kunsilliera tiegħu, iżda anke billi ressaq mozzjoni Parlamentari. Ma kienx daqstant effettiv (u seta' kien ħafna aktar - anke fuq livell Parlamentari) fuq il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja li qed tweġġa' tant nies, speċjalment dawk bi qligħ baxx. Il-Brand PN - lilhinn minn kwistjonijiet ta' dehra - għandha tkun marbuta ma' kwistjonijiet ideoloġiċi u anke ta' pożizzjonijiet. In-nies għandhom jgħarfu din il- Brand bħala waħda li hija citizen friendly u li allura twieġeb għall- bżonnijiet tal-votanti fuq livell makro, imma anke mikro. Mela jekk il-problema hija l-għoli tal- ħajja l-Brand PN qed jitkellem dwarha kuljum, jiltaqa' mal- għaqdiet kuljum u jieħu inizzjattivi kuljum biex jindirizza din il- problema u jidher li qed jagħmel dan! Ħames minuti diskors darba f 'ġimgħa fuq NET FM mhux talli mhux biżżejjed talli lanqas biss bdejt. Jekk huwa l-ambjent - mela l-Brand PN trid tkun fuq quddiem biex issemma' leħinha, torganizza protesti u tipproponi policies kuraġġużi. Jekk it-traffiku huwa l-problema, mela l-istess għandha tkun il-Brand PN li titkellem, pero' wkoll li toħloq pjattaformi - lilhinn mill-midja tradizzjonali tal-PN li ċarament qed twassal il-messaġġ lil sezzjoni ta' nies diġà konvinti bil- PN - illi permezz tagħhom il-poplu jitkellem. U dan għandu jsir b'mod koordinat, b'nies li qed jieħdu ħsieb jiddeċiedu liema suġġetti l-PN se jagħfas fuqhom, pjan ta' azzjoni, kif se jinfetħu bibien ta' komunikazzjoni mal-poplu dwar din il-kwistjoni, x'azzjoni se tittieħed - fosthom b'kampanji iffukati kif ukoll x'se tkun il- ħidma parlamentari. Dan ċarament mhux qed isir u f 'ħafna każi l-messaġġ tal-PN fuq kwistjonijiet li qed idejqu lin-nies huwa sparpaljat, diżorganizzat u mhux effettiv- hekk kif mhux qed jilħaq lill- maġġoranza kbira ħafna tan-nies fil-pajjiż li ma jsegwux il-midja tal-PN (ħafna minnhom lanqas isegwu tal-PL - imma xorta jaraw il-messaġġ tal-Gvern permezz ta' mezzi tax-xandir oħra, riklamar, billboards u aktar). Il-Brand PN ma tistax tkun biss il-Brand kontra l-Korruzzjoni, għalkemm għandha tibqa' tiġġieled fuq dan il-punt u żgur ma tistax tibqa' perċeputa bħala l-Brand "tal- it", "tal-establishment" jew "tal- klikek." Trid tkun meqjusa bħala Brand ta' kulħadd, Brand li tista' tikkritika imma li xorta hemm post fiha għal kulħadd, Brand li hija favur in-negozju imma kontra l-abbuż u li ma tibżax titlef appoġġ ta' xi parti jew sezzjoni tal-poplu, għax qed tipproponi alternattivi aktar iebsa li jindirizzaw l-iżvilupp u anke l-problema tad-densità tal-pajjiż. Trid tkun Brand li tmur lilhinn mill-mibgħeda u l-preġudizzji antiki u elitisti kontra l-Partit Laburista. Trid tkun Brand li tagħraf li saru żbalji u ma żżommx ġo qalbha kontra dawk li telqu lil dan il- partit u bdew jivvutaw Labour. Pero' fuq kollox, trid tkun Brand li tirrappreżenta l-għaqda: Xi ħaġa tant neċessarja u li tinħass (mill-ġdid!) nieqsa fil- Partit Nazzjonalista. Konklużjoni: It-triq 'il quddiem għal Grech-Perici Calascione hija diffiċli ħafna. Ħafna aktar diffċli minn qabel Marzu li għadda. Il-fatt li l-PN makienx "avventuruż" biżżejjed fl-għażla (tal-inqas) ta' Viċi Kap żgur mhux se tgħin biex in-nazzjonalisti jerġgħu jibdew iħossu sens ta' appartenenza. Għalhekk il-ħidma ta' Bernard Grech u Alex Perici Calascione trid tkun ħafna ikbar u ssir b'mod ħafna iktar urġenti, jekk jixtiequ illi tħalli l-frott.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 August 2022