Illum previous editions

ILLUM 14 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1476199

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 23

12 letteratura IL-ĦADD 14 TA' AWWISSU 2022 • illum Qattusa għaġġelija Mark Vella jaqra b'interess l-ewwel rumanz ta' Mark Camilleri, anki b'riħet il-hype li ppreċedih, u jipprova jiddiskuti l-frieħ għomja li ħarġu minnu, minkejja mumenti potenzjali għall-aħħar li ma ssarrfux kif imiss Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri kittieb mhuwiex. X'aktarx dal-fatt jafu hu stess, kif anki jagħti x'jiem fil-ħarsetta ta' Ġaħan fl- Aqwa Żmien (Dar Camilleri, 2022). Huwa essenzjalment storiku, minkejja kull ma jista' jingħad fi djuq il-kurituri għajjura tal-akkademja, u dil-formazzjoni kienet żgur kruċjali għall-intenzjonijiet ta' dan l-ewwel xogħol fittizju tiegħu. Camilleri bħalissa qiegħed jgħix ta' kittieb u pubblikatur gwerillier, kif jiddeskrivi lilu nnifsu, imma wkoll kif tassew hu: is-suċċess ta' A Rent-Seeker's Paradise huwa xhieda tal-qawwa ta' xogħol miktub u maħruġ bil-libertà u r-responsabbiltà totali tal-awtur u li jiżgiċċa mis-sikkaturi kummerċjali u korporattivi varji. Ir-rumanz, b'xi mod, qed isegwi l-istess ritmu ta' suċċess, u jkollok taqlagħlu l-kappell lil Camilleri li kapaċi joħloq l-impatt istantanju li anki jaf jasal biex jifdilu r-riskju kummerċjali li qed jieħu. Dan, terġa', bis-saħħa tal-ktieb f 'dinja fejn il-kelma stampata tħabbat wiċċha ma' kriżi wara l-oħra, iżda tista' xorta waħda tisfida u toħloq kontenuti importanti. Ġaħan donnu wkoll qed iqanqal l-istess reazzjonijiet li kellhom il-qarrejja għal Ġużè Stagno, fejn donnhom imxennqin għax-xokk letterarju u saħansitra r-rieda li jibqgħu jemmnu fil-qawwa u s-seħer tal-ktieb, jimlew l-awtur bil-prositijiet u jsaqsuh minnufih meta se joħroġ ieħor. Fil- każ ta' Camilleri, madankollu, dan iseħħ b'mod inqas organiku (minkejja l-akkużi tal-marketing sfaċċat anki fi żmien il-ħruġ ta' Nbid ta' Kuljum), imma biċ-ċertezza tal-awtur-pubblikatur, bir-riħ fil-qala mill- ewwel suċċess tiegħu, li ġa jħabbar il-ħruġ ta' rumanz li x'aktarx kienu għadu anqas biss inbeda jinkiteb. Imħatra iebsa, li xorta qed jirbaħha Camilleri, imma kollox għandu prezz. L-idea jidher li nibtet anki mill-frustrazzjoni tiegħu għall-kittieb tipiku Malti li ma joħroġx għonqu jew li moħħu fi ħwejjeġ inkonsegwenzjali, kif ukoll l-apprezzamenti spissi tiegħu dwar in-nuqqasijiet kbar tal- letteratura Maltija. Kif issa qabad il-vija li jkompli jisfrutta l-għadab kontra l-gvern tal-ġurnata u l-kunċett issa mgiddeb ta' L-Aqwa Żmien (xi ħaġa affrontata l-ewwel minn Immanuel Mifsud), lil Camilleri ħadd ma jista' għalih u, bħal awtur ieħor li semmejna m'ilux, jagħmel li jrid. Imma anki dan iġorr responsabbiltà u konsegwenzi. Anki xi ħaġa apparentement minuri fir- rumanz, fejn l-Agenda Bookshop jissemma darbtejn, donnha tinnormalizza l-qagħda tal-bejgħ tal-kotba f 'Malta, minkejja kull tattika gwerilliera. Tgħiduli, ħlieom m'hemmx, u hekk hu, imma l-awtur- pubblikatur jiġġieled mal-irdieden xorta jiddependi minn entità korporattiva bħal din biex ibigħ u jqassam xogħlu, kif ukoll biex jidher fl-ewwel post tal-klassifika tal- bejgħ oriġinata minn din l-istess ditta. Il-aħir ta' Camilleri, anki maħsub biex jizzika lill-għedewwa u d-detratturi tiegħu, huwa b'xi mod ġustifikat. Imma kemm ibegħduna mit-test proprja l-kummenti semi-litterati fuq Facebook, simili wisq għal dawk riprodotti fir-rumanz biex jindikaw il-fanatiżmu ċibernetiku modern, jew inkella ċ-ċelebrazzjoni tal-quċċata ta' kull ġimgħa fi klassifika, frankament parzjali u dubjuża (lil hinn min-numri oġġettivi li m'għandniex għala mmeruhom), li tixbah wisq l-ikkuljunar dwar l-eluf ta' voti segwit minn almenu sitt emojis ta' lumija? Il-Ġaħaniżmu li ġustament irid jittratta Camilleri f 'dan ir-rumanz, u li b'xi mod jirnexxilu jagħti lemħiet tiegħu, huwa x-xafra taqta' minn żewġ naħat għal dan l-avveniment letterarju. Għall-akkużi kollha tad-dilettantiżmu u l-inkapaċità ta' poplu tan-nejk li ma jirbaħ qatt il- Eurovision u li kellu gowler tan-nazzjonal li qala' tnax u feraħ tant li għamel riklam b'riħet dan, il-pubblikazzjoni ta' Camilleri hija waħda li tbati mill-għaġla, speċjalment fil-kuntest tal-bżonn tal-pubblikazzjoni li jmiss, tal-ġirja biex tinħareġ, u forsi anki tad-dnub venjali tal-arroganza li ġġib magħha ġrajja editorjali bħal din. Biex naqlagħha minn fuq l-istonku, għax xbajt naraha kważi f 'kull ktieb li rreċensajt dan l-aħħar: il-Malti ta' Camilleri ibati minn alabibiżmu ġenerazzjonali lejn il- libsa bażika tal-ilsien. Mhux biss fil-każ ta' żbalji ortografiċi u topografiċi li jaħarbu lil kulħadd, imma li xi drabi huma wisq u jdejquk, imma anki l-istmerrija totali għad- dizzjunarju, biex inpoġġuha hekk: il-ħolm ta' Dustin li 'jixxattar' (għaliex dreams are shattered!), 'kardinaleski' li naħseb li kellha tkun 'kardinali', x'aktarx b'injoranza ta' xi jista' jfisser suffiss u mhux ieħor; jew inkella żewġ versi bil-kliem 'minuti' miktuba darbtejn, sakemm tara mbagħad il-kelma 'munita' u tinduna li s-suġġett huwa l-flus u mhux il-ħin. Ġaħan huwa wkoll ix-xitan fid-dettall, biex nuża kalk infeliċi jien ukoll: il-mantra ta' "l-aqwa li niiehmu" u li l-messaġġ jasal b'xi mod jew ieħor, hija x'aktarx is-sies l-aktar sod li fuqu jistrieħu l-agħar difetti nazzjonali tagħna. Lura għat-test, dan ktieb li seta' jkun vera tajjeb, b'potenzjal mill-aqwa, iżda li għal darb'oħra, l-għaġla, imma anki kunsiderazzjoni pjuttost skarsa tal-qarrej- klijent potenzjali, fissret li jibqgħalna f 'idejna abbozz ta' xi ħaġa li setgħet kienet wisq aħjar. Huwa fil-fatt evidenti l-iżbilanċ bejn l-ewwel battuti tal-ktieb u l-bqija tal-iżvilupp narrattiv, fejn donnu Camilleri jew għejja minn dak li seta' jkun żvilupp strateġiku interessanti jew inkella weħel b'xi mod, u tefa' kull ma ġieh f 'moħħu sabiex b'xi mod jagħlaq ir- rakkont. L-idea, madankollu, hemm hi, u jkolli ngħid li apprezzajt l-ewwel nofs u l-intenzjoni ta' Camilleri li joħloq it-tip tar- realiżmu storiku, bħalma kien anki ipotizza Lukacs, fejn il-ġenerali u l-partikolari jiltaqgħu f 'sinteżi li tqiegħed il-karattri u s-sitwazzjonijiet bħala fenomeni storiċi minkejja l-individwalitajiet li jista' jkollhom. Dustin huwa, anki bħalma jħabbar Camilleri, 'ix-xempju tar-raġel Malti fl-Aqwa Żmien': ħaddiem tal-IT, bejn aristokrazija tal-proletarjat u l-ewwel tarġa mbiegħda fil-progress borgiż, imqiegħed perfettament fil-Fgura bħala post ġeografikament transitorju li huwa wkoll simbolu storiku tal-mobilità soċjali u t-trasformazzjoni tal-klassi. Camilleri jieħu gost bil-logħba postmoderna fejn hu wkoll karattru minuri fir-rakkont tiegħu, flimkien ma' persunaġġi veri oħra, u ovvjament l-allużjonijiet għall-politiċi, mill-aspiranti Polly sal- Claudia Gauci

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 August 2022