Illum previous editions

ILLUM 14 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1476199

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 aħbarijiet IL-ĦADD 14 TA' AWWISSU 2022 • illum 16-il għaqda li jiffurmaw il-Forum kontra l-Faqar 'ma semgħu xejn' dwar il-COLA 'speċjali' mwegħda fl-aħħar Baġit Fl-aħħar Baġit il-Gvern wiegħed COLA speċjali - lilhinn minn dik li jagħti lill-ħaddiema - għal dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx, biex tilqa' għall-għoli tal-ħajja. Minkejja li għaddew 10 xhur u b'inflazzjoni rekord din il-wegħda għadha fuq l-ixkaffa... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Noel Xerri mill-Forum Malti Kontra l-Faqar li fih hemm inkorporati 16-il organizzazzjoni u NGOs - fosthom OASI, il-Caritas, l-Alleanza kontra l-Faqar, Rise, il-Fondazzjoni Richmond u anke l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal- Pensjonanti - qal illi magħhom ma saret ebda konsultazzjoni sa issa dwar mekkaniżmu speċjali tal-COLA għal persuni vulnerabbli u bi qligħ baxx. Fl-aħħar Baġit - 10 xhur ilu - il- Gvern kien wiegħed li se jfassal mekkaniżmu ġdid tal-COLA li jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u tkun separata mill-COLA li jingħata kull ħaddiem u li l-ħlas tagħha jkun bejn il-Gvern u min iħaddem. Iżda minkejja li qegħdin xaharejn 'il bogħod minn baġit ieħor, u minkejja rata rekord ta' inflazzjoni f 'Malta u madwar l-Ewropa, din il-miżura għadha ma tħabbritx. Xerri qal li miżura bħal din hija importanti li tkun introdotta għax tagħmel ukoll differenza bejn familja u oħra, f 'termini ta' qligħ u anke sabiex jgħixu ħajja diċenti. "Ħadd ma jista' jiċħad li l-affarijiet bażiċi - mhux fuq kappriċċi qed nitkellmu hawn - bħal ħobż, għaġin, preserves u hekk għolew fil-prezz u għolew b'mod eseġerat f 'xi każi. Anke aktar minn postijiet oħrajn bħal Sqallija, bieb ma' bieb magħna" qal Xerri li sostna illi s-sitwazzjoni tal-prezzijiet hija "xi it jew wisq prekarja." Huwa qal, f 'eku ta' stqarrija li ħareġ l-istess Forum ġimagħtejn ilu, li hemm bżonn issir distinzjoni bejn paga minima u dħul minimu diċenti. Ifakkar li tal-ewwel hija għal dawk li jaħdmu biss, filwaqt li dħul minimu diċenti għandu jkun garantit għal kulħadd, inkluż pensjonanti u persuni b'diżabilità li ma jistgħux jaħdmu. Huwa jkompli jgħid li fil-fatt l-Forum Kontra l-Faqar Ewropew ilu żmien jisħaq dwar l-importanza ta' dħul minimu diċenti. Dħul minimu diċenti huwa dak li jara illi persuna jkollha biżżejjed qligħ biex ikollha dak li huwa minimament u soċjalment aċċettabbli fil-livell ta' għixien tagħha, jiġifieri ikel bnin, servizzi bħal dawl u ilma, TV u internet, tagħmir elettroniku bħal fridge u cooker u biżżejjed flus għal kura personali. Per eżempju, skont riċerka mill-Minimum Income Standard London, erbgħa minn kull 10 persuni li jgħixu Londra ma jaffordjawx livell ta' għixien diċenti, filwaqt li 28% qed jgħixu fil-faqar. Huwa importanti wkoll li għalkemm dawk li qegħdin fil-faqar huma ħafna aktar vulnerabbli mhux bilfors trid tkun fqir biex ma tkunx tiflaħ tħallas għal servizzi u prodotti bażiċi. Skont statistika tar-rapport EU- SILC tal-2020 f 'Malta kien hawn b'kollox 85,369 persuna li huma fir-riskju tal-faqar, li minnhom 16,901 kienu taħt l-età ta' 18- il sena. 42,576 kienu persuni f 'residenzi fejn ma hemmx tfal li jiddependu fuq il-ġenituri iżda 42,793 kienu nies f 'familji fejn hemm tfal dipendenti. Minn dawn 22% huma pensjonanti, 32.9% huma persuni inattivi għal numru ta' raġunijiet, 49.7% huma persuni mingħajr impjieg u finalment 7.4% ta' dawk f 'riskju ta' faqar huma nies li saħansitra għandhom xogħol. Ta' min jinnota li dan kollu qed iseħħ fid-dawl ta' inflazzjoni li laħqet livelli rekord ta' 6.2% f 'Ġunju li għadda, skont ċifri tal- Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika - rata li hija bil-wisq ogħla minn dik tal-2020, meta sar dan ir- rapport SILC. Il-prezzijiet tal-ikel baqgħu l-akbar kontributur għall- inflazzjoni. Il-Bank Ċentrali din il-ġimgħa stess ħareġ rapport li juri kif l-inflazzjoni laħqet l-ogħla livelli mill-2012. Xerri jisħaq li huwa importanti li jkun determinat u ssir evalwazzjoni kontinwa ta' kemm prodotti bħal ħaxix, frott, laħam, prodotti tal-ħasil u aktar qed jiswew ħalli b'hekk il-Gvern ikollu idea aħjar ta' kif qed jintlaqtu l-aktar nies vulnerabbli, fuq prodotti li għandhom bżonn biex jgħixu ħajja diċenti. "Persuna single u persuna oħra single, imma li qed trabbi żewġt itfal, għandhom bżonnijiet differenti u huwa dan li jrid jkun evalwat biex ikun determinat dħul minimu diċenti," saħaq mal- ILLUM Xerri. Huwa qal ukoll li hemm bżonn jintlaħaq bilanċ bejn kemm familja jew individwu jkollhom flus x'jonfqu u l-għoli tal-ħajja, għalkemm mistoqsi mill-gazzetta ma speċifikax eżattament kif. Filwaqt li rrikonoxxa l-pass pożittiv li l-Gvern qed jidħol għall-prezzijiet tal-enerġija hu, qal ukoll li fejn "is-suq mhux qed jimxi tajjeb il-Gvern għandu jintervjeni." "Hemm bżonn li l-Gvern joħloq mekkaniżmi differenti - bħal dak tal-COLA speċjali - li jħarsu lejn setturi differenti u jagħtu l-għajnuna." Huwa temm jgħid li anke inizzjattivi partikolari - li forsi jidhru żgħar - jistgħu jagħmlu differenza kbira, bħal per eżempju trasport għal pensjonanti u nies vulnerabbli lejn swieq fejn jinbiegħu prodotti mill-bdiewa stess, biex b'hekk min ma jistax jagħmel dan waħdu, minħabba problemi ta' mobilità fost oħrajn - ikun jista' wkoll igawdi minn prezzijiet irħas. X'qalu l-partiti? X'qalet il-Caritas? Kemm il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista u anke l-ADPD f 'diversi okkażjonijiet għamlu wegħdi li jindirizzaw id- dħul minimu diċenti jew inkella xi ħaġa simili. L-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat kien wiegħed diskussjoni dwar il-kunċett ta' Living Wage, xi ħaġa li ma saritx għalkemm ftit qabel l-elezzjoni tal-2017 l-istess Muscat kien mexxa l-iffirmar ta' ftehim mal- Imsieħba soċjali li ra żidiet fil- paga minima. Fl-aħħar kampanja elettorali l-PN ukoll wiegħed il-kunċett ta' Living Income, xi ħaġa li kien qal illi kienet "priorità assoluta" għalih. L-ADPD ukoll kienet wegħdet u weriet qbil mal- kunċett ta' dħul minimu diċenti lura fl-2021. Minn naħa tagħha l-Caritas f 'rapport li kienet ippubblikat u li jitratta l-2020 kienet tat ħarsa interessanti lejn il-baġit minimu meħtieġ biex persuna tiekol, tixtri jew ikollha ħwejjeġ, tuża t-trasport, spejjeż għad-dar bħal self jew kera, kontijiet, saħħa u kura personali u qablet dan mad-dħul. Ir-rapport kien wera' illi filwaqt li familja jkollha bżonn minimu ta' €13,946 fis-sena biex tgħix ħajja diċenti, persuna waħedha b'żewġt itfal taqla' madwar €11,038 u koppja anzjani taqla' medja ta' €8,156. Noel Xerri

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 August 2022