Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1478014
08 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' SETTEMBRU 2022 • illum Bnadi mitluqa, abbandunati jew moħlija: Il-White Rocks f'limbu għal 35 sena Malta hi gżira żgħira, u ma tridx tkun bozza tal-għerf biex tinduna li l-ispazju hu wieħed pjuttost limitat. Allura bi sfida bħal din, tiflaħ Malta tkompli tħalli l-artijiet u binjiet abbandunati bħal donnhom monumenti ta' telqa, abbandun u apatija? Illum imiss li nħarsu lejn il-binjiet fl- inħawi magħrufa bħala l-White Rocks MARIANNA CALLEJA Magħruf aħjar bħala "l-ghost complex," il-White Rocks huwa kumpless abbandunat f 'Pembroke li jkopri mal- 450,000 metru kwadru ta' art. Jekk tmur illum tara biss skeletru ta' bini, li minkejja l-potenzjal kollu tiegħu, jinsab mitluq taħt ix-xemx taħraq jistenna li xi darba jsir xi ħaġa minnu. Din hi l-istorja tal- kumpless tal-White Rocks. L-Ingliżi bnewh u l-Maltin kissruh... Jingħad li l-istess żona li fiha hemm il-White Rocks bħalissa, fl- erbgħinijiet kienet diġà tinkludi xi strutturi żgħar. Taħt il-Forzi Brittaniċi, dan l-ispazzju kien magħmul minn labirint sħiħ ta' fortizzi, kampijiet u batteriji. Ftit żmien wara, dawn ġew mibdula fl-ewwel forma ta' residenza. Biex inkunu preċiżi, fil-bidu tas- sittinijiet l-Ingliżi bnew il-White Rocks, magħruf dakinhar bħala is-St Patrick's Officers Married Quarters. Bħal ma jissuġerrixi t-titlu, dan kien jospita ufiċjali Ingliżi li kienu joqogħdu Malta. Fil-fatt kien jinkludi taħlita ta' appartamenti ta' tliet kmamar tas-sodda u djar ta' erbat ikmamar tas-sodda. Kull residenza kellha garaxx, telefon u heating system. Persuni li għixu hemm fi żmien jew ieħor jgħidu li l-kmamar kienu kbar u komdi iżda l-aktar li jiakru huma l-veduti. Uħud li dak iż-żmien kienu għadhom biss tfal, jirrakontaw kif filgħodu kienu jmorru l-iskola imma wara kienu jagħmlu sat-tard jgħumu għad-dawl tal-qamar. Meta fl-1979 l-aħħar it uffiċjali Ingliżi telqu minn Malta, il-kwartieri għaddew f 'idejn il-Gvern Malti. Fl-1983, il-Parlament Malti, fil-ħames leġiżlatura tiegħu, għadda mozzjoni preżentata mill- Viċi Prim Ministru Laburista u Ministru għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari, Ġuże Cassar, biex minn kwartieri dawn jgħaddi f 'idejn dik li kienet issejħet: "Holiday Services Company Limited" Eventwalment bid-disinn ta' Richard England, il-bini ġie mibdul f 'kumpless u taħt it-tmexxija tas-Segretarjat għat-Turiżmu, kien iservi ta' akkomodazzjoni għall-istudenti tal-Ingliż speċjalment fix-xhur tas-Sajf. Sorsi jgħidu li dan baqa' jopera sal-1995, iżda f 'kummenti mal- gazzetta ILLUM, kelliem tal- Kunsill Lokali ta' Pembroke qal li meta nbidel il-Gvern fl-1987, il- White Rocks kien diġà beda jiġi abbandunat. Villaġġ sportiv, villaġġ lussuż jew bejta għad-droga? L-iżvilupp tal-White Rocks ilu jisemma f 'wegħdiet, proposti u manifesti iżda fil-verità l-White Rocks din is-sena għalaq il-35 sena tiegħu f 'limbu. Fl-1999, il-Gvern Nazzjonalista kien ipprova jibda xi forma ta' żvilupp fiż-żona. Il-Ministru għat-Turiżmu ta' dak iż-żmien, Michael Refalo kien ħareġ sejħa għal proposti għax-xiri u b'kollox kien hemm tliet offerti. Waħda minnhom mingħand il- kumpanija Costa San Andrea. Il-proposta ta' din il-kumpanija kienet approvata fl-2001 u l-iżvilupp kellu jkun lest sal- 2003. Kien ħareġ ukoll permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għall- proġett li kellu jiswa €58 miljun u l-ehim kien li sal-2007 l-bini jkun lest. Iżda ġara li sena wara, fl-2004, il-Gvern u Costa San Andrea ma qablux fuq xi dettalji relatati ma' żvilupp ieħor u minħabba f 'hekk il-kuntratt spiċċa qatt ma ġie ffirmat. Fl-2010 il-Gvern, din id- darba taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, ħabbar proġett ta' €200 miljun biex is-sit jittrasforma f 'villaġġ sportiv bi 300 residenza. Dan il-proġett wiegħed ukoll 800 impjieg. X'sar minnhom dawn il- pjanijiet ħadd ma jaf, sakemm Joseph Muscat, issa Prim Ministru, reġa' semmihom fl- 2013 u qal li dawk il-pjanijiet kienu ġew mormija imma wiegħed li l-Gvern kien se joħroġ espressjoni ġdida ta' interess, din id-darba għal "villaġġ lussuż." Tliet snin wara, il-Ministru għall-Ekonomija, li dak iż-żmien kien għadu Chris Cardona, ikkonferma li l-kumpanija tal- iżvilupp White Rocks kienet se tiżviluppa ż-żona. F'seduta Parlamentari huwa kien ħabbar il-privatizzazzjoni taż-żona li kellha tara t-twaqqif ta' kumpless turistiku u lukanda ta' ħames stilel. Dan il-proġett kien se jiswa' 'l fuq minn €200 miljun. Dak iż-żmien Cardona tant kien determinat li jagħmlu l-proġett illi kien qal illi s-suċċess fil-ħajja politika tiegħu kien se jiddependi mis-suċċess tal-iżvilupp tal-White Rocks. X'ironija hux? Fl-2018, konsorzju bejn kumpaniji Maltin u Ingliżi kienu kkonfermaw li sar ehim mal- Gvern fuq proġett ta' madwar €400 miljun li kien jinkludi lukanda ta' seba' stilel. Fost dawn il-kumpaniji kien hemm ismijiet pjuttost familjari bħal Bonnici Brothers, Mizzi Holdings, Elbros Construction kif ukoll Alpine Group, il-kumpanija tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra. Ftit żmien wara, il-Gvern kien qal li l-ebda pjan ma ġie ffinalizzat għax il-konsorzju kien offra lill-Gvern €25 miljun biex jibni proġett ta' €400 miljun. Għal darba oħra, il-pjan sfaxxa. L-aħħar li Malta semgħet bil-White Rocks kien fl-aħħar Elezzjoni ġenerali meta Bernard Grech wiegħed li PN fil-Gvern jagħmel l-art kollha fil-White rocks, bħala żona barra mill- konfini tal-iżvilupp. Għax tajjeb insemmu li għalkemm il-White rocks fiha 449,885 metru kwadru ta' art, 38% biss minnha tista' tiġi żviluppata, jiġifieri 135,600 metru kwadru. Suppost ma jidħol ħadd, imma ... Issa ġaladarba l-Partit Nazzjoanlista baqa' fl- Oppożizzjoni, il-pressjoni taqa' fuq il-Gvern biex jara kif se jagħmel biex ma jħallix din l-art tistenna għal 35 sena oħra. Bħalissa l-art qed tintuża minn kull min ifettilu jmur sa hemm, anke jekk suppost id-dħul huwa pprojbit. Fil-fatt fil-midja kienu ħarġu wkoll rapporti ta' nies bla saqaf fuq rashom li bdew isibu kenn fil- kmamar imġarrfa u abbandunati tal-White rocks. Apparti minn hekk il-White Rocks jintuża wkoll mill-artisti, sewwieqa tal-mudelli tal-karozzi u ajruplani, dilettanti tal-airso u mingħajr ma niskruplaw, anke minn dawk li jbatu mill-vizzju tad-droga.