Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1478807
15 letteratura illum • IL-ĦADD 11 TA' SETTEMBRU 2022 Mark Vella jaqra d-drammi tat-triq ta' Lon Kirkop u jara teatru ħaj u qrib in-nies, li daqs tazz'ilma jaqlibha lill-produzzjonijiet teatrali u televiżivi 'l-kbar' imwieżna mill-kummerċ u l-politika. f 'Kirkop dan ma jdejqekx kif spiss kapaċi jiġri. Huwa xogħol li timmaġinah tassew kapaċi jolqot komunità, speċjalment waħda li tkun b'xi mod sajma minn esperjenzi artistiċi partikolari, u għalhekk il-valur ta' ħidma bħal din, anki bħal ma kkummentajt m'ilux dwar Tebut Isfar ta' Clare Azzopardi (Merlin 2022), huwa wkoll wieħed potenzjalment pedagoġiku li jista' jqarreb diversi nies lejn il- logħba letterarja u anki jbiegħed mill-astrattiżmu akkademiku ta' kif nippreżentaw it-teatru Malti lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Ħames drammi ċkejknin li kollha għandhom element qawwi ta' oriġinalità ta' kif jittrattaw tema kontemporanja. Forsi l-aktar waħda dubjuża hija Limbu li bqajt ma nafx jekk hijiex xi kundanna sottili tal- abort, speċjalment fid-dawl tal- liberaliżmu għaddej fix-xogħlijiet l-oħra, iżda xorta waħda tilgħab bl- idea tal-fruntiera tat-turufnament mit-tgawdija ta' Alla għal trabi mhux imwielda jew li jmutu qasir il-għomor, f 'diskursata bejn erba' kunċetti ta' tfal li għad iridu jitwieldu (kważi kważi tfakkrek fl- idea ta' Ian McEwan f 'Nutshell u r-rakkont fl-ewwel persuna minn tarbija mhux imwielda), li jinkludu sew it-tfajjel jismu Xejn sew Dnegel, li forsi jaf ilu daqsxejn li ġie tassew fid-dinja. L-intertestwalità tiġi sfruttata b'mod matur u delizzjuż fi Fil- Ħajja li Jmiss, fejn il-kittieb jimraħ fost il-koppji ċelebri tal-immaġinarju kollettiv tal- bniedem, minn Adam u Eva sa Romeo u Ġuljetta, b'ironija qarsa li tittratta l-universalità tal-kriżijiet u n-nuqqas ta' ftehim bejn is-sessi, kważi bil- malinkonija tal-koppji ta' xi Immanuel Mifsud. Battalja minn ewl id-dinja li xorta għad għandha lok għall-fejqan u r-riżoluzzjoni, bis-saħħa tal- iżvilupp individwali imma anki tar-rivalutazzjoni tal-kunċett tas-sessi kif ingranat fina tul is-sekli u fid-dawl tad-dibattitu aktar reċenti dwar l-identità ġenerika u l-libertà tad- definizzjoni tagħna nfusna anki f 'dan il-qasam fundamentali. Elektra, imbagħad, huwa djalogu mill-aktar interessanti bejn iż-żewġ naħat ta' personalità waħda, b'waħda liebsa ta' drag queen u l-oħra mneżżgħa mill- kostum, fejn hawnhekk tassew toħroġ il-ħila tal-awtur li jibbilanċja l-argument politiku mat-teatralità, u fejn il-ġeneru u l-asserzjoni tiegħu jintrabtu wkoll mat-tbatija għall-kisba tal-individwalità u l-ġlieda mal- passat u ma' dak li jsawwarna soċjalment. Liżar Roża, imbagħad, tatni kemxejn togħma ta' A Little Life, fis-sens tal-karattru Q. ibigħ ġismu u mqaħħab mir- ruffjana jisimha Sabiħ. Minn taħt dejjem għaddejja farka mill-iċken imma xorta waħda qalila tal-vjolenza fir-rumanz ta' Hanya Yanagihara, u s-saħħa unika ta' dan id-dramm huwa t-tgħawwiġ kontinwu tal-ġeneru fejn jinqalbu għal kollox ir-rwoli tradizzjonali f 'kull sens, u kull karattru huwa essenzjalment, kif jingħad fit-test, "żibel tas-soċjetà", ilkoll vittmi, lil hinn mis-sess, tas-solitudni, id-diskriminazzjoni jew il- mogħdijiet fejn teħodna l-ħajja. Fl-aħħarnett, imbagħad, 'L Alla ta' Wara l-Ħġieġ, li tinvestiga l-ħila tal-kredulità popolari u l-fenomenu tal-predikaturi fejjieqa televiżivi, biex toħroġ ruħ imsejkna tiġri wara ħolma u tama impossibbli mitmugħa lilha minn ċarlatan. Jaf hemm, wara kollox, futur sabiħ għat-teatru Malti: futur li madankollu għandu jibqa' jibbaża fuq il-varjetà u l-libertà tal-wiri u tal-espressjoni u, ikollna ngħidu, jinqala' mill- korporattività u l-ippolitikar li sikwit qed joħonqu dan il-ġeneru. Jeħtieġ nagħrfu min tassew qed jikteb, b'mod konsistenti u b'viżjoni, filwaqt li nagħtuhom l-għodod u l-opportunitajiet, u nħarsu lil hinn mill-kontijiet tal-produzzjoni, in-negozju u r-riklamar.