Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1479274
13 analiżi illum • IL-ĦADD 18 TA' SETTEMBRU 2022 abbandunati jew moħlija: FIL-PONTA TA' WIED IL-GĦAJN fuq art fil-viċinanza. Il-proposta tat-"tliet torrijiet" aktar tard ġiet imnaqqsa. Il-proposta ma kinitx ġiet sottomessa għall-proċess ta' ppjanar u għalhekk ma tħejja l-ebda valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Fl-2018 sar studju tal-ERA fuq il- proposta ta' Camilleri. Fil-proposta kien jidher binja waħda sħiħa li sservi ta' 13-il sular ta' residenzi u 15 il-sular lukanda. Il-proġett kien jinkludi fih, sotterran b'parkeġġ għal 370 karozza u 238 garaxx, faċilitajiet ta' Lido, kappella, stabillimenti kummerċjali u ristoranti. Ġewwa ġiet proposta pixxina, spa, gym u atrium. Barra ġie propost ristorant u pixxina u fuq il-bejt ġie propost gym ieħor u t-tielet pixxina. Il-proċess kien jinkludi żewġ stadji, it-twaqqigħ li kellu jdum erba' xhur u l-iżvilupp li kellu jieħu tliet snin. L-iżvilupp kien se jkopri 61,000 metru kwadru flimkien ma' spazju pubbliku ta' 10,500 metru kwadru madwar it-Torri ta' San Tumas. Il-proġett ġie rtirat wara li Camilleri kien biegħ is-sit lill-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli għal €90 miljun fis-sajf tal- 2019. Fl-2020, fl-aħħar jiem tal- amministrazzjoni ta' Joseph Muscat, inbiddel id-Development Brief u ġie permess żvilupp fuq 100,000 metru kwadru, b'40% minnhom għal appartamenti. F'Ġunju tal-2020, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet dokument iffukat fuq l-oġġezzjonijiet tal- pubbliku magħmula minn residenti u disa' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet fosthom Din l-Art Ħelwa, Wirt iż-Żejtun, Moviment Graffitti, Alternattiva Demokratika u anke l-Assoċjazzjoni tal- Iżviluppaturi (MDA). Fost diversi proposti, kien hemm illi l-għoli ma jaqbiżx l-10 sulari u idealment l-għoli jkun inqas minn tat-Torri ta' San Tumas. Kienu bosta li argumentaw li "anke l-bini tal-lukanda fit-80ijiet kien żejjed minħabba li ostakolat il- veduti tat-torri mill-baħar, aħseb u ara bini ġdid eċċessiv." Żiedu jgħidu li ġaladarba il-Jerma titwaqqa' u tinbena mill-ġdid, it-torri wkoll m'għandux jintmess u lanqas jiġi privatizzat. Il-proposti semmew li l-aċċess għal-baħar li jiffrekwentaw bosta m'għandux jingħalaq anzi għandhom jingħataw lura lill- pubbliku ż-żoni tal-madwar li fil- pjanti ta' qabel kienu se jiġu inklużi mal-lukanda. Il-Gvern ta' Robert Abela kien ħa taħt konsiderazzjoni dan kollu u l-ewwel ħaġa li għamel naqqas ż-żona tal-iżvilup għal 65,000 metru kwadru minn 100,000 metru kwadru u l-għoli ta' tmien sulari minn 10 sulari. Saret nota li kull żvilupp għandu jirrispetta l-biodiversità, il-wirt kulturali u ġeoloġija tal-madwar. F'Ġunju 2020, il-kunsill lokali ta' Marsascala ivvota favur binja ta' 13-il sular. Seba' NGOs fetħu azzjoni legali kontra d-deċiżjoni, billi qiesu li l-Awtorità tal- Ippjanar kienet "żiedet b'mod arbitrarju l-brief tal-iżvilupp". Il- Moviment Graffitti ddenunzja r-riskju ta' aktar konġestjoni fiż-żona u n-nuqqas ta' rispett lejn sit storiku bħat-Torri ta' San Tumas. Fl-2021 reġgħu bdew isiru rapporti lill-Pulizija anke mis- Sindku ta' Wied il-Għajn Mario Calleja wara li ritratti u artiklu fuq l-ILLUM bdew jiċċirkulaw ta' persuni jiddendlu mill-bejt ta' binja. Bdew isiru talbiet aktar frekwenti minn residenti u l-Kunsill sabiex il- Jerma titwaqqa', u jitneħħa l-periklu darba għal dejjem. Portelli għadu ma ppreżentax applikazzjoni bi pjanti jew diżinn speċifiku mal-Awtorità tal-Ippjanar, iżda fl-aħħar tal-2021 kien stqarr li għandu l-ħsieb li jiżviluppa fuq il- post kumpless ta' 130 appartament, lukanda ta' 500 kamra u pjazza pubblika quddiem it-Torri ta' San Tumas. F'Ġunju ta' din is-sena bdew jitilgħu numru ta' reklami fuq Facebook, ta' appartamenti fil- Jerma għal bejgħ li jibdew mill- prezz ta' €290,000. Dan ifisser li filwaqt li aġenti tal-proprjetà qed jiltaqgħu ma' xerreja għall- informazzjoni, ħadd għadu ma ra "il-proġett wow," hekk kif kien deskritt minn Portelli fl-intervista famuża mal-ġurnalist tat-Times fuq il-bejt ta' Mercury Tower.