Illum previous editions

ILLUM 4 December 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1487298

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 23

15 kultura illum • IL-ĦADD 04 TA' DIĊEMBRU 2022 l-kurżitajiet, il-misteri u l-istorja tal-Addolorata (3) Il-kappella ta' Messina magħrufa wkoll bħala "Tal-Palm" Iż-żjara li jmiss ma' kinitx fuq xi monument fuq qabar komuni imma lejn waħda mill-kappelli li jżejnu ċ-ċimiterju. Xi familji, b'mod partikolari dawk nobbli, għażlu li jibnu kappella sħiħa minflok xtraw qabar jew tnejn u fuqu għamlu monument. Waħda mill-isbaħ kappelli li wieħed isib fl-Addolorata hija dik magħrufa bħala l-Kappella ta' Messina li tinsab wara l-monument tas-Sette Giugnio. Malli taraha tolqtok minnufih mhux biss għax hija elevata mill-art b'għaxar tarġiet imma anke għax fl- istruttura tagħha, minflok il-kolonni barokki li huma komuni fil-kappelli simili, hemm minquxa fil-ġebel siġar tal-palm li qed iżommu l-koppla. Fil-fatt, din hija magħrufa wkoll bħala "Tal-Palm." Il-kappella kienet ikkummissjonata min-negozjant Giovanni Messina u tinkludi tmien oqbra. F'wieħed minn dawn l-oqbra hemm midfuna Kontessa mill- familja Messina li mietet l-Iżvizzera waqt li kienet għal kura u qabel mietet irċeviet Barka Appostolika mibgħuta apposta għalija mill-Papa Piju IX, illum Beatu. Id-disinn ta' din il-kappella sar mit-Tabib Nicola Zammit, l-istess wieħed li ddisinja l-portiku mill-isbaħ tal-knisja parrokjali tas-Siġġiewi. Il-kappella kienet magħluqa, għax ovvjament din hija privata u tinfetaħ mill-familja. Għalhekk ma stajnix narawha minn ġewwa, iżda Bonnici qalilna li hija sabiħa ħafna u s-saqaf tagħha huwa misbugħ bħal sema bil- kwiekeb. L-artal huwa mimli simboli tal-passjoni. L-ILLUM tistaqsi lil Bonnici jekk dawn il-kappelli humiex ikkonsagrati waħda waħda, bħalma tkun knisja jew kappella normali. Bonnici spjega li s-sidien mhumiex obbligati li jikkonsagraw l-artal iżda jekk dan ma jseħħx, suppost, ma tiġix iċċelebrata quddiesa fihom. Uħud mill-kappelli għandhom l-artal ikkonsagrat, anke jekk ftit u mhux l-ewwel darba li fihom jiġi ċċelebrat il-quddies, organizzat mill-qraba, għal dawk midfuna fiha. Bonnici spjega wkoll kif it-tendenza kienet li jekk kappella jkollha erba' oqbra jew sitta, il-qabar li fih jindifen is-sid, jiġifieri dak li jkun bena l-kappella, jiġi ssiġġilat, anke b'sinjal ta' rispett. Simboli Nazzisti, sataniċi u statwa ta' Elvis; 'Fuq qabar ma tistax tagħmel li trid' Kif qed naraw tul il-mixja tagħna fl-Addolorata, iċ-Ċimiterju huwa mimli xogħlijiet tal-arti, uħud ta' artisti popolari u famużi. Iżda tajjeb wieħed ikun jaf li anke jekk qabar huwa privat, ma jfissirx li kulħadd jista' jaqbad u jagħmel li jrid bih. Fil-fatt, Eman Bonnici spjega kif mal-uħ tal-Addolorata, twaqqaf bord ta' tnejn min-nies li kellhom jieħdu ħsieb japprovaw il-monumenti u anke l-iskrizzjonijiet ta' fuq l-oqbra. Fl-1902, il-Gvern kien ippubblika għall-ewwel darba avviż fil- gazzetta tiegħu li bih informa lill-pubbliku li qabel jitqiegħed xi monument, dan kellu jkun approvat mill-bord. Dan kien jissejjaħ l-Burials Commission. Dan għadu jeżisti sal-lum il-ġurnata, bil-bord illum jissejjaħ e Burials Board. U allaħares ma kienx dan il-bord, għax Bonnici saħaq li mhux l-ewwel darba li xi persuna jew inkella familja ġiet b'xi idea stramba. Fost dawn semma li ġieli kien hemm talbiet biex fuq xi qabar jitpoġġew simboli Nazzisti u anke sataniċi. Ovvjament dawn il- permessi ma nħarġux. Biss biss, iċ-Ċimiterju huwa post ikkonsagrat, jiġifieri daqslikieku knisja. Saħansitra kien hemm talba biex fuq qabar titpoġġa statwa ta' Elvis Presley għax il-midfun kien segwaċi tiegħu. Anke biex jinbidel monument wieħed irid il-permess ta' dan il- Bord. "Immaġina jkollok xi monument bħal dawk li rajna, uniku tal- irħam jew il-ġebel u jiġi xi qarib li jkun irid ikissru biex jagħmel qabar komuni bħalma jsiru llum. Dawn ma jingħatawx permess," kompla Bonnici. Id-dettalji kollha dwar il-monumenti li hemm fl-Addolorata, inkluż id-disinji, il-qisien u anke d-dettalji dwar l-artisti, jinsabu fis- Santu Spirtu r-Rabat. Biex persuna tagħmel lapida ma hemmx bżonn permess, imma jekk se jitpoġġa xi monument permanenti, dan bil-liġi, irid ikollu l-approvazzjoni tal-Bord. L-Addolorata għadu jġorr il-marki tal-Gwerra Matul il-mixja tagħna madwar l-Addolorata Bonnici beda jurina kontinwament l-effetti li t-Tieni Gwerra Dinjija ħalliet anke fuq iċ- Ċimiterju. Hemm oqbra li ntilfu kompletament u oħrajn li għadhom sal-lum iġorru l-marki tal-gwerra. Fost dawn, anke l-aktar qabar popolari, jiġifieri dak magħruf bħala "Miet fuq Ommu" li dwaru tkellimna l-ġimgħa li għaddiet. Jekk wieħed iħares lejn dan il-monument, anke kif jixhed ir-ritratt, jinduna b'ħafna toqob fil-bronż li ġew ikkawżati propju mill-blasts tal-bombi. Bonnici spjega mal-gazzetta ILLUM li matul is- snin tat-Tieni Gwerra, iċ-Ċimiterju tal-Addolorata safa fil-mira tal-attakki 69 darba. Xi bombi niżlu fl-Addolorata waqt attakki mmirati fuq l-ajrudorm ta' Ħal Luqa iżda oħrajn intefgħu intenzjonalment fuq iċ-Ċimiterju. Bonnici qal li l-għan tal-attakki fuq iċ-Ċimiterju kien li jkompli l-baxxi moral tal-poplu "Immaġina xi ħadd li tilef id-dar. Tilef ukoll xi qarib jew xi ħabib. Qalbu ttaqtaq għax ma jafx x'se jiġri minnu minħabba l-attakki. Il-ġuħ, il-ħmieġ. Immaġina tkun taf li minħabba l-attakki lanqas il- qabar ta' ommok ma għad fadallek. Ara bniedem kif tkissru. Il-Ġermaniżi kienu jagħmluha ħafna din. Jaraw Ċimiterju u aktar jagħtuh," spjega Bonnici. Is-sinjali ta' tiġrif u anke l-blasts għadhom jidhru f 'diversi bnadi taċ-ċimiterju b'mod speċjali fuq id-Diviżjoni tal-Lvant. Il-ħsara fuq il-monument ta' Micali, magħruf bħala 'Miet fuq Ommu.' Tidher sew toqba kkawżata minn blasts tal-gwerra Ritratt: James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 December 2022