Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1500675
15 letteratura illum • IL-ĦADD 4 TA' ĠUNJU 2023 Fl-ispazju ta' bejn kif naraw lilna nfusna u kif jarana ħaddieħor jiġru bosta affarijiet. Immaġinaw borma tbaqbaq fuq in-nar. Ġo fiha minestra mħawra minn emozzjonijiet, ħsibijiet, esperjenzi, ċertezzi, ġudizzji u preġudizzji. Kulħadd ikewwes fiha u jiekol minnha imma xi wħud ipappuha iktar minn oħrajn għax il-kċina għamluha tagħhom u l-ingredjenti jixtruhom huma. Għal dawn it- talin, din hija l-itjeb minestra ta' dejjem. Il-bqija bilkemm jifilħu jniżżluha imma jagħmlu sforz għax inkella jmutu bil- ġuħ. Jipprotestaw, jippruvaw isemmgħu leħinhom imma l-kokijiet jew mhux qed jimu jew ma jridux jisimgħu. Il-ġabra Aqla' Kjass! Disa' stejjer ta' sfida (Merlin Publishers, 2023) hija pubblikazzjoni Taljana, maqluba għall-Malti minn Clare Azzopardi, li fiha niltaqgħu ma' bniet u tfajliet li qed jinnavigaw ħajja u ċirkostanzi li mhux dejjem jirrikonoxxu l-aġenzija, id-dinjità jew saħansitra l-umanità tagħhom. Sakemm ikunu tfal, is- subien u l-bniet jiġu ttrattati bejn wieħed u ieħor l-istess. Iżda malli titniffes il-pubertà l-affarijiet jinbidlu radikalment. Kull tranżizzjoni ġġorr magħha l-ansjetatjiet partikolari tagħha - kemm il-ġuvintur u kemm it-tfajliet jgħaddu minn taqlib fiżiku u emozzjonali enormi. Imma fejn jidħlu l-aspettattivi soċjali, id-dinja tat-tfajliet tikkomplika ruħha immensament. F'daqqa waħda tfajla tibda tħoss li persuntha m'għadhiex essenzjalment tagħha imma hija xi ħaġa li għandha l-obbligu li taqsamha ma' ħaddieħor, trid u ma tridx. Għandha ġġib ruħha b'tali mod, titkellem b'ċertu manjiera, u ħafna drabi waħda tikkontradixxi 'l-oħra. Għalhekk tfajla ssib ruħha ġġudikata kontinwament minn kulħadd dwar kollox: tilbes qisha soru jew inkella prostituta; sidirha kbir wisq jew inkella xkatlat; hija bniedma stramba jew ħamalla; butch jew bimbo; tagħmel make-up karnival jew inkella bla gost. Fit-taqbida bejn dawn il-polaritajiet tfajla tagħmel dak li tista' biex tkampa; imma anki mara adulta ssibha diffiċli tinnaviga dawn l-emozzjonijiet kollha, aħseb u ara tifla adolexxenti. Dan jidher ċar fl-istorja 'Baby face' miktuba minn Anna Cercignano. Anna, tifla ta' tnax-il sena, ikollha esperjenza sesswali ma' tifel tamparha li tiffansja. Minkejja li għandha idea (vaga) ta' x'inhi tagħmel, għadha żgħira wisq biex tipproċessa u tantiċipa l-konsegwenzi tal-aġir tagħha. Meta mbagħad dan it-tifel ipeċlaq ma' kulħadd dak li għamlu, Anna tispiċċa parja fl-iskola fejn tmur. Dan l-episodju ġġorru magħha tul ħajjitha kollha u jirnexxilha ssib faraġ snin wara, bl-għajnuna tas- sieħeb tagħha, raġel li jħobbha verament u li jirrispettaha. Din tal-aħħar hija tema rikorrenti fl-istejjer f 'Aqla' Kjass!: il-weġgħa hi esperjenza estremament personali imma ma jfissirx li t-triq lejn il-fejqan għandek timxiha waħdek. Forsi tinstema' ovvja imma mhux faċli tieħu dan il-pass, speċjalment meta tqis li ħafna drabi, il- kattiverji li tgħaddi minnhom u li jkollhom effett devastanti fuqek, jiġu propju minn nies li tafda. Pereżempju, 'B'ġentilezza' ta' Laura Guglielmo, hija dwar tfajla, El, li kienet f 'relazzjoni abbużiva iżda għażlet li ma tgħid 'il ħadd dwarha, lanqas lill-ikbar ħabiba tagħha. L-emozzjonijiet negattivi, minflok ma perrċithom u qasmithom ma' min seta' jgħinha, żammithom maqfulin fiha. L-enerġija negattiva baqgħet tikber sakemm fl-aħħar El ħassitha tinqata' mir-realtà ta' madwarha, u l-unika mod li kienet taf bih biex iżżomm it kontroll f 'ħajjitha, kien li tweġġa' lilha nnifisha. F'din l-istorja, u f 'oħrajn, naraw kemm ċertu nies m'għandhomx (jew ma jridx ikollhom) idea tal-ħsara li jagħmlu b'għemilhom. L-istorja favorita tiegħi f 'din il-ġabra hija 'Ibgħatli la tasal' ta' Maurizia Rubino. Fiha naraw tfajla sejra lura d-dar wara li qattgħet xi ħin għand ħabiba tagħha. Barra dalam u nies it li xejn hemm fit-triq. It-tfajla, li nibqgħu ma nafux x'jisimha, tħossha nervuża. Taħseb li hemm xi ħadd miexi warajha imma m'hemm ħadd. Qalbha qed tħabbat sitta sitta u toħroġ iċ-ċwievet mill-but, għal li jista' jkun - forsi jkollha bżonn tiddefendi lilha nnifisha. Imbagħad tiltaqa' ma' ġuvni fis-sakra, jgħaddilha kummenti żejda, jipprova jifflertja magħha. Għall-grazzja t'Alla, l-affari ma twassal imkien u t-tfajla tkompli fi triqitha. Wara dan il-vjaġġ qasir imma mimli ansjetà, tasal id-dar, tintefa' f 'kamritha u tibgħat messaġġ lil ħabibitha. Qisu qatt ma ġara xejn. Li din it-tfajla ma ħassithiex sigura timxi lura d-dar waħidha hija kerha. Agħar minn hekk, però, huwa l-fatt li għaliha sitwazzjoni bħal din hija normali. Kien hemm punt f 'ħajjitha fejn aċċettat li minħabba s-sess tagħha se ssib min iħoss li għandu d-dritt jittantaha jew jimportunaha. Din l-aspettattiva skifuża hija parti mill-forma mentis kollettiv u din it-tifla ma tista' tagħmel xejn dwarha. Aqla' Kjass! seta' faċilment jiżloq f 'territorju fejn l-irġiel huma mostri manipulattivi u n-nisa qaddisin jimxu fuq l-ilma. Fortunatament, mhux il-każ. Hemm bosta stejjer li jinkludu karattri rġiel li jesprimu maskulinità sana bbażata fuq il-kompassjoni, ir-rispett u l-onestà; u nisa li jipperpetwaw jew jiskużaw il-preġudizzji u l-imġiba li tant jagħmlu ħsara. Imma dan huwa l-punt. L-abbuż abbażi tal-ġeneru hija problema ta' kulħadd mhux biss tal-vittmi. Dawk li ma jgħaddux minn esperjenzi bħal dawn għandhom id-dmir li jkunu jaf dwarhom. U propju għalhekk li għandu jinqala' kjass. Bniet u tfajliet jaqilgħu kjass Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Waqt li l-libreriji u l-ħwienet tal-kotba huma marbutin mas-silenzju, Noel Tanti jaqbad f'idejh ktieb li jinċita kjass. Ġustifikat jew le? Clare Azzopardi