Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1502122
08 IL-ĦADD 21 TA' MEJJU 2023 • illum aħbarijiet IL-ĦADD 25 TA' ĠUNJU 2023 • illum aħbarijiet Il-Parlamentari l-ġodda. KATYA DE GIOVANNI X'ħajjrek tidħol għall-politika u xi tfisser il-politika għalik, speċjalment bħala omm? Jiena trabbejt f ' familja li kienet dejjem involuta fil-politika. Missieri kien jiddiżinja l-affarijiet għal Partit Laburista u kellu diversi rwoli anke fl-Eżekuttiv tal-Partit. Aktar tard serva wkoll bħala l-ewwel Sindku tal-Fgura fejn b'kollox ghamel tliet leġiżlaturi f 'din il-kariga. Irrid ngħid ukoll li l-kuġin tiegħi huwa l-mibki Dott Karl Chircop li kien ġie elett mill-istess distrett li kkontestajt jien bejn 1996 u t-2008. L-ewwel persuna li ddiskutejt magħha jekk għandix nikkontesta u nagħti dan is-servizz huwa t-tifel tieghi, Izak. Hu inkoraġġini mal-ewwel u jakkumpanjani għal diversi attivitajiet politiċi li jkolli kemm fil-Parlament kif ukoll fix- xogħol tal-kostitwenza. Il-politika nqisha bħala servizz liċ-ċittadini biex kemm jista' jkun inħallu dinja dejjem aħjar għal uliedna. Hija opportunità tad-deheb sabiex dak li jkun jipparteċipa fid-deċiżjonijiet għall-pajjiż u jinfluwenza l-futur ta' uliedu. Kif issib il-bilanċ bejn il-karriera politika u l-ħajja personali? Din domanda important ħafna. Fejn nista', lit- tifel nieħdu miegħi fl-attivitajiet, la nzerta li jinteressawh. Hija ukoll opportunità għalih li jitgħallem mill-esperjenza sabiex jekk 'il quddiem tinteressah il-ħajja politika, jkun jaf għal xiex inhu dieħel. Nammetti li d-dar tagħna qatt ma tkun pulita għalkemm nagħmel l-għalmu tiegħi sabiex tkun nadifa u nġib lil min jgħini sabiex nagħmel dan. Il-mistrieh huwa importanti u għalhekk jien u żewġi nħobbu mmorru nieklu għalina jew immorru xi passiġġata meta nistgħu. Li nippjana huwa essenzjali. Għalhekk nuza google calendar sabiex inżomm kull appuntament u ma ninsihx. Bħala backbench aħna għandna wkoll ix-xogħol tagħna u għalhekk irrid inlaħħaq mal-lezzjonijiet tal-Università, maċ-Ċentru tal-Università fil-Kottonera li nidderigi u anke xi xogħol privat li jkolli nagħmel bħala psikologa sabiex ma nitlifx il-warrant tal- professjoni. F'xogħolok fil-Parlament, liem suġġetti huma l-aktar għal qalbek u tixtieq tagħti aktar f 'xogħolok? Jien l-aktar li niffoka huwa fuq l-aspett soċjali fis-sens verament wiesgħa tiegħu. Fil-fatt il-kumitat socjali li jien Chairperson tiegħu huwa verament għal qalbi. Għaldaqstant inħobb aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-politka soċjali, mal-housing u anke l-inkluzjoni li fiha ninkludi ukoll l-anzjanità attiva. Ma' dawn norbot ukoll l-edukazzjoni għaliex fil- verità għalkemm jiena psikologa, dejjem ħdimt f 'entitajiet edukattivi. L-edukazzjoni hija l-pedament ta' kollox għax mingħajr edukazzjoni soda, wieħed ma jistax jaħseb fuq mobilità soċjali. Nitkellem ukoll fuq dizabilitajiet li ma jidhrux sabiex isir aktar xogħol f ' dan l-aspett ukoll. Ir-riċerka u l-pubblikazzjoni- jiet tiegħek jitkellmu ħafna fuq l-edukazzjoni f 'pajjiżna. Minn dak li studjajt u dak li tara, kif inbidlet l-edukazzjoni f 'pajjiż- na? X'direzzjoni tixtieq li tara l-edukazzjoni tieħu fil-futur? L-edukazzjoni nbidlet qatigħ f 'dawn l-aħħar snin u dan jirrifletti dak li qed jinbidel fl-ekonomija ta' madwarna. L-unika ħaġa li qed tibqa' l-istess huwa l-fatt li rridu dejjem nilqgħu l-bidla kontinwa ta' madwarna. Jiena nixtieq nara edukazzjoni li tippremja l-individwalità u li ma nikkreawx studenti li kollha jirriflettu l-ħsibijiet ta' min ikun qed jgħallimhom. Fil-fehma tieghi, l-għalliem għandu dejjem isir aktar gwida u jgħallem l-istudenti kif jirricerkaw u kif għandhom isolvu l-problemi. Imbagħad irrid nara edukazzjoni inklussiva fejn kulħadd jibqa' jitgħallem fl-istess skejjel u jekk għandna ndaħħlu l-isnajja, għandna indaħħluhom biċ-ċans li jitgħallimhom kulħadd. Apparti hekk, l-iskejjel għandhom jirriflettu l-komunitajiet tagħna, li mhumiex maghmulin min setturi ta' nies li huma orjentati lejn l-akkademja biss inkella snajja biss. Għandna komunitajiet li jgħix fihom kulħadd għaliex aħna għandna bżonn lil kulħadd. Fuq kollox nixtieq nara sistema edukattiva li tgħallem sew ċertu ħiliet bażiċi iżda li imbagħad ma tgħafasx fuq il-kontenut iżda fuq il-ħila tal-ħsieb. Dan biss jista' jassigura li bħala poplu nkunu preparati għal dinja fejn it- teknoloġija ta' madwarna qiegħda dejjem tinbidel. Tappella lil aktar ommijiet u għalliema jagħżlu karriera fil- politika? Illum il-gurnata jekk ikkalkulajt sewwa hemm tmien persuni bil-warrant ta' għalliem li huma deputati fil-Parlament Malti. Din hija qabża 'il quddiem li lqajt tassew bi ħġari għaliex wara kollox jien stress ġejja minn familja ta' għalliema. Nappella mhux biss lil ommijiet iżda lil dawk kollha li huma mħajrin jagħtu servizz. Il- politika inkulssiva għandha tkun magħmula minn kulħadd. Kontu tafu li Katya De Giovanni hi psikologa u għalliema? De Giovanni ġiet eletta permezz tal-mekkaniżmu tal-ġeneru u riċentament ġiet maħtura bħala l-President tal-Kumitat dwar l-Affarjiet Soċjali wara r-riżenja ta' Rosianne Cutajar. De Giovanni tgħid mal-ILLUM dwar x'tibdiliet tixtieq tara fl-edukazzjoni, il-ħajja mgħaġġla tagħha u kif qed tesponi lil bina Iżak għall-ħajja politika, fost oħrajn