Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1507817
04 aħbarijiet IL-ĦADD 17 TA' SETTEMBRU 2023 • illum Jitilfu appell biex art f'Wied Balluta ma tiġix skedata għall-importanza ekoloġika MATTHEW AGIUS Il-Qorti ta' l-Appell, preseduta mill-imħallef Lawrence Mintoff, ċaħdet l-appell ta żewġ sidien t'art f 'San Ġiljan minn deċiżjoni tat-Tribunal ta' Reviżjoni tal- Ambjent u l-Ippjanar fejn kienu talbu li kawża li kienu fetħu għar- revoka tal-iskedar tal-art terġa tinstema mill-ġdid. Philip Wismayer u Joe Fenech, is- sidien ta' żewg porzjonijiet t'art fil- Wied tal-Balluta, ġewwa San Ġiljan, kienu fetħu kawża quddiem it- Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn ikkontestaw id- deċiżjoni tal-Awtorità ta' l-Ippjanar sabiex tinħareġ ordni għall-iskedar ta' porzjoni art u ta' protezzjoni għall-importanza ekoloġika fil- wied, fis-sena 2011. F'Mejju 2022, dan it-Tribunal kien ċaħad din it-talba, bl-ispejjeż kontrihom. Wismayer u Fenech ntavolaw appell mid-deċiżjoni tat-Tribunal quddiem il-Qorti ta' l-Appell, li kienet wkoll miċħuda f 'Diċembru ta' dik is-sena. Biex waslet għal dik id-deċizjoni, il-Qorti kienet irrimarkat li fil- fatt l-appell ma kienx dwar punt ta' liġi, iżda dwar l-apprezzament tal-fatti u provi tekniċi u xjentifiċi li għamel it-Tribunal, kif ukoll tal-konsiderazzjonijiet u konklużjonijiet tiegħu. "Madankollu anki bħala aggravji per se l-appellanti ma għandhomx raġun. Jibda biex jingħad illi mhux minnu li t-Tribunal ma qies il-provi tal-appellanti senjatament dawk tekniċi u għamel il-konsiderazzjonijiet tiegħu dwarhom," qal l-imħallef. Il-Qorti nnutat li it-Tribunal kien infatti qies li f 'waħda mill- porzjonijiet art ġie identifikat serp li jimmerita li l-art għandha tiġi skedata u kien anke għamel osservazzjoni li ż-żoni identifikati mill-appellanti ma kellhomx jittieħdu f 'iżolament iżda fl-intier tas-sistema tal-wied, li tinkludi x-xtut u l-'valley sides'. "It-Tribunal qies li l-objettiv fondamentali ta' dan it-tip ta' skedar huwa biex jiġi protett il-wirt naturali fil-valur intrinsiku tiegħu li jevita tixrid ta' 'urban development' fiż- żona protetta fis-sens wiesa' tiegħu. Altru milli t-Tribunal ma fehmx il- kontestazzjoni u mertu tal-appell," żiedet tgħid il-Qorti, u lanqas ma kien minnu l-allegazzjoni li t-Tribunal kien injora r-rapporti tekniċi tal-appellanti. Wara din id-disfatta, s-sidien tal- art kienu intavolaw rikors fejn talbu li l-każ tiġi ritrattata (terġa tinstema mill-ġdid) minħabba numru ta' allegati difetti legali. Minn-naħa tagħha, l-Awtorita kkontendiet li l-appell oriġinali kien ġie miċħud għaliex ma kienx jirrigwarda punt ta' liġi. Sostniet li dik il-Qorti m'applikat l-ebda liġi ħażina, u m'applikat l-ebda liġi flok oħra, kif kienu allegaw l-appellanti. Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba ta' ritrattazjoni, l-imħallef Lawrence Mintoff beda milli nnoti li l-Qorti tal-Appell kienet diġa ddikjarat li l-appell tas-sidient ta'l-artijiet in kwistjoni "mhuwiex dwar punt ta' liġi izda dwar l-apprezzament tat- Tribunal tal-fatti u provi teknici u xjentifiċi u l-konsiderazzjonijiet u konklużjonijiet raġġunti minnu," u għalhekk l-ilment tagħhom "bil-kemm jista' jiġi kkunsidrat li jittratta applikazzjoni ħażina tal-liġi minn dik il-Qorti." L-imħallef żied jgħid li "ma jidhirx li r-ritrattandi kienu fehmu li huma mhux biss preklużi milli jitolbu eżami tal-fatti kif interpretati, iżda wkoll li huma ma jistgħux iserrħu l-ilment tagħhom fuq allegata interpretazzjoni ħażina tal-liġi kif effettivament qegħdin jagħmlu." "...jirriżulta li bla dubju ta' xejn, l-ilment tar-ritrattandi kien, u għadu l-istess, jiġifieri li l-porzjonijiet ta' art li tagħhom huma s-sidien, m'għandhomx jitqiesu li jikkwalifikaw għal ħarsien taħt dawn l-imsemmija Policies. Għalhekk, għalkemm fil-bidu tas-sottomissjonijiet tagħhom fir- rikors ippreżentat quddiem din il-Qorti, huma jisħqu li l-Qorti tal-Appell m'applikat l-ebda liġi, is- sottomissjonijiet tar-ritrattandi li jsegwu, jittrattaw biss il-kwistjoni dwar għaliex il-porzjonijiet ta' art in kwistjoni m'għandhomx jiġu skedati flimkien mal-kumplament taż-żona f 'Wied il-Balluta…" It-talba għal smiegħ mill-ġdid ġie miċħud, bil-Qorti wkoll tordnali s-sidien li fetħu din il-kawża jbatu l-ispejjeż tagħha. L-Imħallef Laurence Mintoff sostna li il-Qorti m'applikat l-ebda liġi ħażina, u m'applikat l-ebda liġi flok oħra, kif kienu allegaw l-appellanti.