MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 26 May 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1521305

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 11

aħbarijiet IL-ĦADD 26 TA' MEJJU 2024 • illum 04 KEMM NISTGĦU NKUNU EFFIKAĊI BHALA DEPUTATI MALTIN F'PARLAMENT FEJN AĦNA MINORANZA ŻGĦIRA? Il-Parlament Ewropew ma jaħdimx fuq bażi ta' koalizzjonijiet Nazzjonali. Pajjiż wieħed jew grupp ta' pajjiżi ma jistgħux jimponu r-rieda tagħhom fuq pajjiżi oħra. Politikanti tal-istess twemmin minn bosta pajjiżi jingħaqdu sabiex isegwu inizjattivi komuni għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej. Membri Parlamentari Ewropej (MPE) iżjed ħabrieka jkollhom rwol akbar fit-tmexxija ta' dawn l-inizjattivi, u konsegwentement influwenza ikbar fuq l-aġenda tal- Parlament Ewropew. MPE iżjed bieżla jkunu f 'qagħda aħjar li jiżguraw li l-inizjattivi proposti ma jħallux impatt negattiv fuq l-elettorat li jirrappreżentaw. L-MPE jistgħu jieħdu wkoll passi amministrattivi u legali sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-eletturi li jirrappreżentaw. Matul dawn l-aħħar ħames snin użajt dawn l-għodod għal benefiċċji tal-Maltin kull fejn kien possibbli. Tlabt lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvestiga żidiet artifiċjali fl-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll lill-Ombudsman sabiex iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taħtar uffiċjal li ma jitkellimx bil-Malti fl-uffiċċju tagħha f 'Malta. IL-BATTALJA ELETTORALI HIJA BBAŻATA FUQ TEMI LOKALI. X'INHUMA T-TEMI LI GĦAŻILT META TKELLEM LIN-NIES? Minkejja t-tentattivi artifiċjali tal-PN u l-bella kumpanija sabiex iħammġu din il-kampanja billi jitfgħu t-tajn fuq materji lokali irrelevanti, iffukajt il-kampanja tiegħi fuq ħames wegħdiet li biħsiebni nwettaq matul il-ħames snin li ġejjin. 1. Protezzjoni kontra profitti eċċessivi fuq prodotti u servizzi essenzjali. 2. Protezzjoni tal-identità Maltija, u tal-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna. 3. Drittijiet diġitali aħjar għall-konsumaturi u l-minorenni. 4. Drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment għal mistrieħ mingħajr indħil fil-ħin liberu tagħhom. 5. Kwalità tal-ħajja aħjar għal dawk vulnerabbli u żvantaġġjati, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, pensjonijiet, edukazzjoni, housing, telekomunikazzjoni u impjieg. Dawn il-wegħdiet jibnu fuq ix-xogħol li wettaqt matul dawn l-aħħar ħames snin. Nemmen li jiġu miksuba riżultati aħjar billi nkompli niffoka fuq it oqsma speċifiċi. Qiegħed nikteb dawn il-wegħdiet sabiex l-elettorat ikun jista' jiġġudika aħjar jekk hux qed inwettaq dak li wegħedt matul il-ħames snin li ġejjin. HAWN MIN IPOĠĠI L-PARTITI FL-ISTESS KEFFA. GĦALIEX TAĦSEB HEKK? Nemmen li min ipoġġi lill-partiti fl-istess keffa mhux infurmat sew bid-diverġenzi bejn il-partiti, kemm fil-prinċipju u t-twemmin tal-kandidati proposti mill-partiti f 'Malta, kif ukoll fil-proposti fuq livell Ewropew. Il-Partit Laburista jagħti serħan il-moħħ li l-kandidati magħżula minnu se jqiegħdu d-drittijiet tal-Maltin, speċjalment tal-ħaddiema u dawk vulnerabbli, l-ewwel u qabel kollox. Il-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-Partit Popolari Ewropew, jaħdmu fl-interess tal-intrapriżi kbar. Dan ħareġ biċ-ċar meta kandidati tal-PN ippruvaw jagħmlu l-bsaten fir-roti għall-kampanja tiegħi sabiex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga ż-żidiet inġusti fil- prezzijiet tal-ikel f 'Malta. Il-partiti tal-lemin, li fi ħdanhom jinsab il-PN, jixtiequ li jkun hemm Kummissarju għad-Difiża sabiex deċiżjonijiet militari jibdew jiġu mittieħda fuq livell Ewropew. Il-Partit Laburista jinsab fi ħdan il-Partit Soċjalista Ewropew li jemmen li d-difiża għandha tibqa' kompetenza nazzjonali. GĦALFEJN IL-KANDIDATURA TIEGĦEK GĦALL- PARLAMENT EWROPEW? Nemmen li fil-Parlament Ewropew irid ikollna persuni li jkunu kompetenti, li kapaċi jikkonvinċu u li jistgħu jinnegozjaw. Iridu jkunu wkoll kapaċi jġibu flimkien partiti politiċi, fazzjonijiet u opinjonijiet differenti sabiex naċċertaw li direttivi u liġijiet Ewropej jagħmlu sens għall-Unjoni Ewropea imma daqstant ieħor għal Malta. Dan b'mod partikolari jrid isir fis-snin li ġejjin. Il-ħames snin li ġejjin se jkunu kruċjali għax se jiffurmaw l-Unjoni Ewropea għad-diċenji li jmiss. Fil-quċċata tal-aġenda, il-qalba diġitali u ambjentali, kif ukoll se jkun hemm numru ta' liġijiet li għandhom x'jaqsmu mal- qasam finanzjarju, l-intelliġenza artifiċjali u max-xogħol. KEMM NISTGĦU NKUNU EFFIKAĊI BHALA DEPUTATI MALTIN F'PARLAMENT FEJN AĦNA MINORANZA ŻGĦIRA? Membru Parlamentari Ewropew għandu jkun sod, konvinċenti, u kapaċi jġib partijiet differenti flimkien. L-importanza wkoll li tkun kompetenti u li l-pożizzjonijiet li nieħdu jkunu infurmati u studjati tajjeb. M'għandniex nargumentaw li aħna xi pajjiż speċjali jew li għandna xi dritt niddeċiedu għal kulħadd però rridu nisħqu fuq il-fatt li għandna karatteristiċi tagħna ta' gżira żgħira insulari, fil-periferija tal-Kontinent Ewropew u allura mhux kull liġi tkun tagħmel sens għalina. Irridu nargumentaw ukoll li dawn l-isfidi li semmejt hawn fuq nistgħu wkoll indawruhom f 'opportunitajiet u nkunu wkoll mudell għall-Ewropa f 'ħafna oqsma. Ċert li nistgħu nkunu suċċess kbir bħalma konna f 'diversi oqsma fil-passat. Insemmi fost l-oħrajn żewġ sitwazzjonijiet fejn MEPs Maltin għamlu suċċess u kienu effettivi. Bħal pereżempju, kellu jkun MEP Malti – Joseph Muscat – li fassal liġi biex illum għandna kontijiet baxxi ta' telefonija ċellulari mal-Ewropa kollha permezz tar-roaming charges. Żgħar kemm aħna żgħar m'għandna xejn anqas minn ħaddieħor. Meta tkun kompetenti u taf fejn trid tasal, m'għandekx għalfejn tibża' milli tieħu d-deċiżjonijiet. Hekk għamlet MEP Laburista oħra Miriam Dalli li rnexxielha ġġib fazzjonijiet differenti tal-Parlament Ewropew flimkien biex jilleġiżlaw favur vetturi b'emissjonijiet aktar nodfa. IL-BATTALJA ELETTORALI HIJA BBAŻATA FUQ TEMI LOKALI. X'INHUMA T-TEMI LI GĦAŻILT META TKELLEM LIN-NIES? Il-Kampanja elettorali qed tlaqqagħni ma' ħafna nies minn kull sfera tas-soċjetà. Ta' kuljum qed niltaqa' ma' żgħażagħ, anzjani, ħaddiema bieżla, trejdjunjonisti, u intraprendituri ta' esperjenza li jfittxu li jtejbu ħajjithom u pajjiżhom. B'mod konsistenti, it-temi li n-nies jitkellmu dwarhom iduru mal-istabbiltà fil-prezzijiet u s-serħan il-moħħ. Jitkellmu dwar il-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija huma stabbli kuntrarjament għal dak li qed jiġri madwar l-Ewropa. Jisħqu miegħi li fl- Unjoni Ewropea għandna nkomplu niddefendu d-dritt li jkollna sussidji fuq l-enerġija. L-anzjani kelma waħda. Pensjonijiet. Kollha jgħiduli x'differenza għamlitilhom f 'ħajjithom iż-żieda fil-pensjoni tagħhom. Kuntrast qawwi ma' it snin ilu meta l-pensjoni tagħhom kienet iffriżata. Illum wiċċhom jixgħel għax jistgħu jindokraw iktar lil uliedhom u wlied uliedhom. Ikellmuni ħafna wkoll kemm hu importanti li ma nagħmlux ħsara lil Malta. Kemm jiddispjaċihom jaraw MEPs li huma Maltin bħalna li lesti jiddefendu pajjiżi oħra imma ma jitilfux okkażjoni biex jattakkaw lil pajjiżna. L-elettorat jixtieq li l-MEPs jiġbdu ħabel wieħed favur Malta. IL-BATTALJA ELETTORALI HIJA BBAŻATA FUQ TEMI LOKALI. X'INHUMA T-TEMI LI GĦAŻILT META TKELLEM LIN-NIES? It-temi li għażilt huma varji u għażilthom wara li kkonsultajt man-nies infushom. Wara kollox, l-iskop tagħna l-politiċi huwa li nagħtu widen u naġixxu fuq dak li jkunu qed jgħidulna n-nies wara li nistudjaw is-sitwazzjoni bir-reqqa. Qabelxejn, sħaqt fuq l-importanza li ninvestu ferm ikbar fl- edukazzjoni fejn tidħol is-saħħa mentali. Hawn fejn verament nistgħu nagħmlu użu aħjar minn fondi Ewropej. Suġġett ieħor għal qalbi immens huwa l-bżonn ta' aktar fondi ddedikati speċifikament lejn l-akkomodazzjoni affordabbli. Dak li suppost huwa l-isbaħ żmien, meta persuna jew koppja tkun se tixtri l-ewwel akkomodazzjoni, m'għandux ikun mifni stress relatat ma' problemi finanzjarji. Hawn fejn nemmen li rridu konsolidazzjoni tal-iskemi Ewropej, minbarra programmi qawwija dwar l-edukazzjoni finanzjarja li tibda minn età bikrija fl-iskejjel tagħna. Suġġett ieħor li verament jolqot fil- laħam il-ħaj huwa l-burokrazija li qed jesperjenzaw ħafna ċittadini onesti mal-banek lokali. Ma jistax ikun li s-servizzi li qed jingħataw ikomplu jsiru aktar diffiċli, filwaqt li t-tariffi tal-banek dejjem jogħlew. Hawn fejn nistgħu neżaminaw prattiċi tajba Ewropej u naraw li nwettquhom f 'pajjiżna, biex nies bħali u bħalek ma jaqtgħux qalbhom qabel biss ikunu rifsu l-għatba tal-bank. HEMM NUMRU TA' NIES LI QED JGĦIDU LI MHUX SE JIVVUTAW. GĦALFEJN TAĦSEB LI GĦANDHOM JIVVUTAW? Min qed jgħid li mhux se jivvota, għadu ma fehemx x'saħħa għandu l-vot tiegħu. Ma fehemx lanqas li nuqqas ta' vot, jew vot bi protesta, mhu se jigdem lil ħadd għajr lilu stess. Ejja nfakkru li l-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hija kruċjali għaliex tiżgura li l-fehmiet u l-interessi taċ- ċittadini jkunu rappreżentati. Ma jistax ikun li fuq naħa waħda ninkwetaw b'mod skorrett li pajjiżna żgħir u m'għandux wisq impatt, imma fuq in-naħa l-oħra nħallu d-dokument tal-vot fuq il-komodina dakinhar li rridu nagħżlu lil min se jirrappreżentana. Id-deċiżjonijiet tal-membri Ewro- Parlamentari tagħna jinfluwenzaw deċiżjonijiet ewlenin li jħallu impatt, mhux biss fuqna stess, imma fuq l-Istati Membri kollha. L-għażla tagħna dwar min se neleġġu tiddetermina liema individwi se jfasslu policies dwar kwistjonijiet kritiċi bħall-ambjent, il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem, u l-ekonomija. Min qed jaħsibha jivvotax irid isaqsi lilu nnifsu xi jrid: min jgħaffeġ u jieħu deċiżjonijiet kontra dak li javvanzana bħala pajjiż, jew min bil-provi ħadem biss għall- ġid ta' pajjiżna? L-EWROPA FI ŻMINIJIET BĦAL DAWN TFISSER AKTAR MINN QATT QABEL. GĦALIEX? Fuq din nistgħu niktbu teżi! Imma fil-qosor, l-Unjoni Ewropea għandha rwol kruċjali aktar minn qatt qabel għat- trawwim tal-istabbiltà ekonomika, fid-dawl tal-isfidi kollha internazzjonali. In-nuqqas ta' paċi madwarna għandha sservi bħala turija ċara li hemm bżonn naħsbu fit-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa stess, u nikkontrollaw id-dipendenzi tal-blokk. Barra minn hekk, l-Ewropa hija kruċjali għaż- żamma tal-paċi u s-sigurtà fost l-Istati Membri, filwaqt li nipprevenu l-kunflitti permezz tal-koperazzjoni diplomatika. L-Unjoni tħalli impatt sinifikanti fl-affarijiet internazzjonali, kif qed turi Malta biċ-chairmanship tal-OSCE, u tistabbilixxi standards għoljin għad-drittijiet tal-bniedem, il-benesseri soċjali, u l-protezzjoni ambjentali. MARIJA SARA VELLA GAFÀ STEVE ELLUL ALEX AGIUS SALIBA Dawn huma biss siltiet mill-intervisti li saru. L-intervisti sħaħ se jkunu qed joħorġu matul il-ġimgħa fuq is-sit tal-ILLUM.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 26 May 2024