Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1521708
15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 2 TA' ĠUNJU 2024 • illum Daniel Cossai jitgħallem jagħraf bejn dak li hu veru u dak li mhux permezz tal-manwal frisk Fake ta' Veru ta' Nereida Carrillo (Merlin Publishers, 2023), miġjub għall-Malti minn David Aloisio. U tgħid mhux se tidħaq bija! Ngħixu f 'era ta' "infossifikazzjoni". Dan it- terminu, maħluq minn Alfons Cornella fis-snin disgħin, jirreferi għas-sens ta' tagħbija li nħossu mill-esponiment kontinwu għal eċċess ta' informazzjoni minn kull rokna. Informazzjoni li rridu ngħarbluha biex nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, ħaġa impenjattiva li tista' tinbet fina sintomi ta' ansjetà, qtugħ mir-realtà, konfużjoni u oħrajn. Din mhix ħaġa faċli, u kien b'dan il-ħsieb li, sentejn ilu, il-ġurnalista u riċerkatriċi Katalana Nereida Carrillo ħarġet il-ktieb li fih iltqajt mat-terminu għall-ewwel darba, Fake Over fil-verżjoni bil- Katalan, u ppubblikat bil-Malti minn Merlin Publishers bħala Fake ta' Veru (2023). Bħal kull traduzzjoni, din hija biċċa xogħol kollaborattiva, f 'dan il-każ bejn tliet atturi ewlenin: Nereida Carillo għall-kontenut u l-preżentazzjoni; l-illustratur Alberto Montt għall-ispirtu distintiv tal-ktieb li jagħmlu fl-istess waqt memorabbli u aċċessibbli, u li l-illustrazzjonijiet u l-qoxra tiegħu fl-oriġinal ġew riprodotti fil-verżjoni Maltija; u David Aloisio, it-traduttur Malti li b'kapaċità ta' min jammiraha renda l-ktieb bi lsienna u b'hekk għamel l-informazzjoni utli li hemm fih aċċessibbli għal għadd kbir ta' qarrejja li ma jafux il- Katalan. Kif naqraw fuq il-qoxra stess, dan huwa "manwal divertenti u rigoruż sabiex titgħallem tivverifika l-informazzjoni". B'bejn wieħed u ieħor mitt paġna, tista' taqrah f 'madwar sagħtejn. Huwa teżor ta' tagħrif dwar ir-realtà tal-bumbardament informatiku li ngħixu fih, iżda mhuwiex qisu xi esej ma tispiċċa qatt. Tista' ssejjaħlu semiakkademiku, mimli stampi, b'lingwa mexxejja u li tiniehem, eżempji, u preżentazzjoni li tgħinek tikkategorizza l-informazzjoni u tipproċessaha malajr. L-ebda paġna mhi mifqugħa b'wisq informazzjoni li tħallik "infossifikat". L-illustrazzjonijet ta' Montt mhumiex biss għad-divertiment; huma għodda kruċjali għall- preżentazzjoni tal-informazzjoni. Ġieli jgħinuna nagħrfu bejn kunċetti relatati iżda distinti, ngħidu aħna bil-karikaturi tat- trolls, il-bots u l-haters. Fi bnadi oħra jagħtuna referent viżiv għall-kunċetti spjegati permezz ta' grafiċi li juru proċessi b'passi diversi jew ċikli. Hemm ukoll ankri kulturali li jintgħarfu minn kulħadd u li jagħmlu iżjed ovvji l-metafori li juża t-test, pereżempju l-illustrazzjonijiet ta' Pinokkju, Barnuża Ħamra u l-lupu. Dawn l-istampi, flimkien mal- għażliet intelliġenti ta' Aloisio f 'termini tal-kliem użat, jagħmlu l-ktieb aċċessibbli ħafna iżda mad-daqqa t'għajn, jaf iħalli l-impressjoni li hu mmirat lejn iż- żgħażagħ biss. Ma nemminx li dan ġust. L-importanza tas-suġġett inkwistjoni — li nitgħallmu nagħrfu dak li hu veru minn dak li hu falz fl-informazzjoni li naqraw, speċjalment online — huma ta' importanza universali b'implikazzjonijiet profondi għall- ħajja personali, professjonali u politika tagħna. Fil-fatt hemm studji li juru li l-informazzjoni żbaljata u d-diżinformazzjoni, żewġ pedamenti tal-ktieb, jitwemmnu iżjed mill-adulti kbar milli miż-żgħażagħ, jiġifieri ċertament li l-manwal għandu x'joffrilhom. U ngħid għalija, ma damx wisq biex wera dan; mat- tieni linja kont diġà ltqajt ma' terminu li ma nafx: astroturfing. Tafuha? Il-ktieb jibda bi kwiżż li jgħin lill-qarrej jikkwantifika x'diġà jaf fuq is-suġġett, l-ewwel minn diversi eżerċizzji prattiċi tul il-paġni. Imbagħad ikompli bi glossarju li jippreżentalna t-termini ewlenin tal-qasam. Għalkemm il-glossarju jintemm fi tmiem il-kapitlu, jipprovdilna s-sies li fuqu tissawwar l-istrateġija tal-ktieb kollu: il-lingwaġġ speċifiku li jgħinna nagħmlu sens mid-dinja ta' madwarna u "niffiltraw u norganizzaw il- kaos" li fiha. U hawn insibu l-importanza essenzjali tat- traduzzjoni: permezz tagħha, issa għandna l-kliem meħtieġ biex nitkellmu fuq dawn il-kunċetti u nagħmlu sens bihom bil-lingwa li aħna komdi l-aktar biha, minflok neċessarjament bil-lenti esterna tal-Ingliż, jew saħansitra minflok ma nwarrbu s-suġġett għalkollox u ma nitkellmux fuqu. Għax wara kollox, dawn il-kunċetti huma relevanti f 'Malta wkoll, kif huma u kienu f 'kull żmien u mkien tul l-istorja tal-bniedem. F'kull kapitlu nsibu termini spjegati sew, ikkuntrastati ma' xulxin u enfasizzati, li fuq il-bażi tagħhom imbagħad ningħataw l-ispjegazzjoni, it-tagħlimiet u l-punti ta' azzjoni. It-traduzzjoni ta' Aloisio ġeneralment tinħass qisha mhi traduzzjoni xejn. Il-Malti użat huwa naturali ħafna u t-termini riċerkati sew u jintgħarfu minn xulxin. U fil-fatt, Aloisio jmur lil hinn minn sempliċi traduzzjoni testwali u jinkludi wkoll elementi ta' lokalizzazzjoni. F'paġna minnhom, pereżempju, insibu ħolqa għal riżorsa speċifika għal Malta. Il-ħila ġenjali tat-traduttur, iżda, toħroġ l-iktar fit-titlu. Ladarba l-verżjoni Katalana użat titlu Ingliż, Fake Over, Aloisio seta' faċilment żamm l-istess titlu, jew forsi ssellef dak użat fil-verżjoni Franċiża, Fake News, terminu li jintuża mill-Maltin. Iżda minflok, mar fuq ossimoro mill-aqwa: Fake ta' Veru. Minn banda, dan it-titlu jalludi għall-estent ta' xi ħaġa li hija falza immens. Imma l-qawwa veru tat-titlu magħżul toħroġ meta wieħed jarah fil-kuntest tal- preżentazzjoni tal-ktieb: f 'qiegħ kull paġna xellugija, fir-rokna tal- lemin, ħdejn in-numru tal-paġna, naraw in-nofs "FAKE", u fuq il- faċċata tal-lemin, bilkemm żewġ ċentimetri 'l bogħod fir-rokna tax-xellug, in-nofs l-ieħor "TA' VERU". Din il-preżentazzjoni tintuża f 'kull lingwa iżda fil- Malti sservi bħala tfakkira viżiva tal-kategorizzazzjoni li l-ktieb jgħallimna nagħmlu: fi stil a la Tinder, jekk l-informazzjoni li qed taqra hija fake, swajpja lejn ix-xellug, jekk ta' veru, swajpja lejn il-lemin. Inħoss li tgħid ħafna li dan il- ktieb, riċenti tant — l-oriġinali ħareġ fl-2022, it-traduzzjoni it xhur wara fl-2023 — it jiddedika paġni għad-deepfakes u l-intelliġenza artifiċjali. Dawn kunċetti li splodew bi żvilupp rapidu ħafna mill-2023 'l hawn. Din hija l-ħaġa tal-biża' tas- suġġett li jipprova jindirizza dan il-ktieb, li huwa qasam li qed jiżviluppa b'ritmu mgħaġġel ħafna. U għalhekk dan manwal utli, għax jekk ma nitgħallmux niġġieldu mqar il-forom bażiċi ta' manipulazzjoni tal- informazzjoni, kif jista' jkollna tama li nissieltu l-metodi iktar sofistikati li għad iridu jiġu? David Aloisio