MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 9 March 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1533083

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 15

10 aħbarijiet IL-ĦADD 9 TA' MARZU 2025 • illum opinjoni L-Isfida tal-għoli tal-ħajja f 'Malta: Kriżi li qed tolqot lil kulħadd L -għoli tal-ħajja f 'Malta laqat lil kulħadd. Mhux biss lil dawk bi dħul baxx jew lil dawk l-aktar vulner- abbli, imma wkoll lill-familji ta' kull klassi u demografija, lin-negozji, u lil dawk li sa it ilu kienu jħossu- hom finanzjarjament stabbli. Illum għalihom hija storja differenti. L-effetti negattivi fuq l-istandard tal-għejxien huma ċari u qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn in-nies qed jiġu sfurzati jagħmlu għażliet diffiċli fil-ħajja ta' kuljum. Il-verità hi li hemm ħafna li qed jinkwetaw bis-serjetà. Il-verità wkoll hi li, f 'Malta llum, ħafna nies m'għadhomx jgħixu b'kumdità. L-għoli tal- ħajja sfurzahom jagħżlu bejn prodotti u servizzi essenzjali, jixtru prodotti inqas, jew jagħmlu pass lura minflok jimxu 'l quddiem. Dan huwa riżultat ta' diversi fatturi, fosthom żieda mhux ippjanata fil-popolazzjoni, sistema tas-saħħa dgħajfa, u problemi infrastrutturali bħat-traffiku li jżid l-ispejjeż operattivi fuq in-negozji u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il- konsumatur. Hemm ħafna fatturi li jikkontribwixxu lejn l-għoli tal-ħajja, u hemm bżonn li niġu flimkien sabiex niġġieldu dawn l-isfidi. Iż-żieda mhux ippjanata fil- popolazzjoni: Impatt fuq l-għoli tal-ħajja L-espansjoni mgħaġġla u mhux ippjanata tal-popolazzjoni ħolqot pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura u r-riżorsi ekonomiċi tagħna. Għalkemm it-tkabbir ekonomiku huwa importanti, ir-rata eċċessiva ta' żieda fil-popolazzjoni m'għamlitx ġid lill-ħajja ta' kuljum tan-nies. Minflok imxew 'il quddiem, ħadu pass lura. Illum f 'pajjiżna hemm in-negozji tagħna li minn naħa qed jgħidu li hemm bżonn iżjed ħaddiema u, min-naħa l-oħra, il-poplu qed jgħid li qed ibati u ma jiflaħx iżjed. Il-mistoqsija hi: kif se nnaqqsu l-popolazzjoni mingħajr ma nikkawżaw effett ħażin fuq l-ekonomija? Soluzzjonijiet hemm, u l-Partit Nazzjonalista diġà spjegahom fil-viżjoni tiegħu. Fi it snin biss, rajna domanda bla preċedent fuq il-propjetà u anke fuq il-prodotti bażiċi. Dan wassal biex il-prezzijiet komplew jogħlew, filwaqt li l-pagi tal- ħaddiema ma żdidux bl-istess ritmu. Il-konsegwenza? Kulma jmur, il-ħaddiema u l-familji f 'Malta qed ikollhom inqas flus fil-but, għax il-pagi tagħhom ma jilħqux il-prezzijiet li qed jogħlew. Problemi fis-sistema tas-saħħa: Spejjeż żejda għall-Maltin u l-Għawdxin Il-kriżi fis-sistema tas-saħħa pubblika minħabba pressjoni li llum l-isptar ma jiflaħx għalih qed iwasslu biex aktar nies iduru għall- kura privata li ġġib magħha spejjeż kbar. Meta persuna jkollha tistenna xhur sħaħ jew saħansitra snin għal operazzjoni jew trattament, ikollha jew tbati fis-skiet għax ma tistax tħallas, jew tħallas minn butha għal servizz li suppost jingħata b'xejn. Dan ifisser li ħafna familji qed ikollhom jonfqu aktar flus fuq mediċini u servizzi mediċi li kellhom jingħataw mill-Istat. Din l-ispiża qed tolqot lil kulħadd, inkluż il-familji kollha li qed jinqabdu bejn paga li mhix tiżdied bl-istess mod li qed jiżdiedu l-kontijiet tagħhom b'rata ferm aktar mgħaġġla. L-Ispejjeż moħbija tat-traffiku u l-infrastruttura dgħajfa It-traffiku sar problema li mhux biss idejjaq lin-nies, imma qed joħloq piż fuq l-ekonomija. Kull siegħa mitlufa fit-traffiku hija siegħa ta' produttività mitlufa, spejjeż addizzjonali fuq il-fuel, u spejjeż operattivi ogħla għan- negozji. Dan kollu eventwalment jgħaddi fuq il-konsumatur. L-intrapriżi qed ikollhom jassorbu spejjeż akbar, u għalhekk, iżidu l-prezzijiet tas- servizzi tagħhom. B'riżultat ta' dan, il-ħajja f 'Malta qed issir dejjem aktar għalja, u n-nies qed iħossuha fil-but tagħhom. Rapport mill-Bank Ċentrali ta' Malta: Tkabbir ekonomiku, però l-but jibqa' vojt L-aħħar rapport tal-Bank Ċentrali ta' Malta juri li, għalkemm f 'pajjiżna hemm tkabbir ekonomiku, l-inugwaljanza f 'pajjiżna qatt ma kienet daqshekk kbira. Filwaqt li ċerti sezzjonijiet żgħar tas-soċjetà qed jibbenefikaw minn dan it-tkabbir, ħafna oħrajn qed jibqgħu lura. Kif jista' jkun li l-ekonomija qed tikber, imma n-nies qed ibatu biex ilaħħqu mal-kontijiet? X'valur għandu tkabbir ekonomiku jekk il-familji u l-ħaddiema ma jistgħux igawduh? Din hija r-realtà li n-nies qed jgħixu kuljum. Kif nistgħu ngħidu li kollox sejjer tajjeb, meta l-ħaddiema, iż-żgħażagħ, il- pensjonanti, u l-familji qed jgħixu minn ġimgħa għal ġimgħa? Din hija bogħod ħafna mill-verità. Il-Partit Nazzjonalista jifhem il-problema u għandu s-soluzzjonijiet Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi d-diffikultajiet li l-poplu qed jaffaċċja. Nimu li hemm bżonn ta' azzjoni konkreta, mhux tifħir. Din hija problema kumplessa li teħtieġ soluzzjoni olistika, li tindirizza kemm il-fatturi lokali, kif ukoll dawk internazzjonali li qed iwasslu għaż- żieda fl-ispejjeż. Bħala gżira li timporta kważi 90% tal-prodotti tagħha bil-baħar, ma nistgħux nibqgħu ninjoraw l-isfidi li ġejjin mill-kuntest internazzjonali. Għalhekk, fil- ġurnata waħda fis-sitt xhur li għandna biex niddiskutu l-aġenda tal-Oppożizzjoni, ressaqna mozzjoni biex nindirizzaw, mhux biss is-sitwazzjoni preżenti, iżda wkoll dak li ġej fil-futur, u mhux biss l-isfidi li ġejjin lokalment imma anki dawk minn barra xtutna. In-nies għandhom bżonn soluzzjonijiet issa Il-fatt li l-Gvern baqa' passiv quddiem din il-problema huwa inkwetanti. L-għoli tal-ħajja mhux xi ħaġa li nistgħu naħbu taħt it-tapit u ngħidu li ma jeżistix. Għal ħafna Maltin u Għawdxin, l-istandard tal-għejxien tagħhom mar lura, u dan huwa inġust. Is-soluzzjoni mhix li nagħlqu għajnejna, inwarrbu r-realtà jew ngħidu li sar biżżejjed. Il-poplu fdana bħala rappreżentanti tiegħu, u bħala membri eletti tal-Parlament, għandna d-dover nużaw ir-riżorsi pubbliċi b'mod responsabbli biex intejbu l-ħajja tan-nies. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed fuq in-naħa tan-nies, jiem it-tbatija tagħhom, u jinsisti li s-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata b'serjetà. Li ma nagħmlu xejn mhix għażla. Ir-responsabbiltà titlob azzjoni, u aħna lesti li nieħdu azzjoni – issa. Dejn rekord fuq il-pajjiż – Pajjiżna jrid nifs ġdid F'erba' snin biss, Robert Abela akkumula aktar dejn minn dak li ġabru flimkien il-Prim Ministri kollha minn meta Malta kisbet l-indipendenza sa meta hu sar Prim Ministru. U x'għandna x'nuru għal dan id-dejn kollu? Ma bniex skola kull sena, ma bniex sptar ġdid, u l-infrastruttura tagħna qed tkompli tiddeterjora. L-għoli tal- ħajja jibqa' mhux indirizzat, ma ħoloq l-ebda soluzzjoni għar-rata ta' twelid l-inqas fl-Ewropa jew għaż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, ma ħoloqx pjan ċar biex jindirizza t-tkabbir fil-popolazzjoni mingħajr ma jnaqqas it-tkabbir ekonomiku, ma indirizzax il-pjaga tat-traffiku, housing affordabbli biex kulħadd ikun jista' jkun sid ta' daru, x'għamel biex jindirizza l-kwalità tal-arja tagħna, u ma sarx pjan ħolistiku għal investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna biex ikunu aktar kompetittivi u produttivi. Fi tnax-il sena ta' dan il-Gvern, ma ħoloq l-ebda settur ġdid tax- xogħol, però fi tnax-il sena kellna skandlu ġdid kuljum. Jekk ngħid li kollox ħażin inkun qed niżbalja, però għax forsi hekk qed niiehem. Imma meta titfa' dan kollu f 'miżien, nemmen li kulħadd jgħid li hemm ħafna iżjed xi jsir li seta' jsir aħjar u dan il-Gvern ingħata ċ-ċans li jagħmlu u m'għamlux. Malta għandha bżonn bidla! Malta għandha bżonn Gvern li juża l-fondi pubbliċi b'mod responsabbli, li jippjana l-futur b'ottimiżmu u b'viżjoni ċara biex ngħinu lin-negozji u lin-nies. Ħadd mhu se jitlef dak li għandu llum. Din tal-aħħar hija ħrafa tal-Partit Laburista biex ibeżża', anzi, se jiżdied taħt Gvern Nazzjonalista, għax nużaw il-flus tal-poplu għall- poplu, għall-ġid u mhux għall-ħela jew għal dawk tal-qalba. Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun dak il-Gvern! Aħna se nibnu fuq it-tajjeb, nindirizzaw il-problemi, u noħolqu ekonomija b'saħħitha, stabbiltà u xogħol li joffri pagi tajbin għal kulħadd. Ngħinu l-industrija sabiex tkun tista' tevolvi biex tilqa' l-isfidi u tikber. Hemm bżonn Gvern ġdid mimli enerġija fejn int tiġi l-ewwel, dejjem. Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja IVAN CASTILLO

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 9 March 2025